Posts

Showing posts from June, 2013

'Jiena l-alfa u l-omega'

Image
Ċittadin, għolli leħnek u għajjat: ‘Jiena l-alfa u l-omega!’; il-bidu u t-tmiem. Għax huwa int dak li għalih jeżisti l-istat. Għalik jeżisti l-gvern. Għalik jeżistu l-istituzzjonijiet. Għalik jeżistu l-liġijiet. Xejn ma jagħmel sens jekk ma jkunx ġej minnek; jekk ma jkunx għalik; jekk ma jkunx tiegħek. Għid, ċittadin, lil kulmin għandu s-setgħa fuqek; għidlu: ‘Huwa jien il-bidu u t-tmiem tas-setgħa li għandek. Int m’int xejn mingħajri. Huwa jien li nagħti bidu għalik; u meta rrid jien int tintemm u tieqaf taħkem fuqi. Mhux jien neżisti għalik, iżda int teżisti għalija. Int m’iniex sidi; huwa jien is-sid tiegħek. Inti tagħmel li ngħidlek jien; mingħajri ma tagħmel xejn għax mingħajri s-saħħa kollha tiegħek tintemm.’ Daħħalha f’moħħek darba għal dejjem, ċittadin, li pajjiżek huwa tiegħek , mhux ta’ min għandu s-setgħa u ta’ min jaħkem fuqek. L-istat huwa tiegħek. Il-gvern huwa tiegħek. L-istituzzjonijiet huma tiegħek. Il-liġijiet huma tiegħek. Anzi aktar minn hekk għandek tku

Riforma taparsi?

Image
Ftit ġimgħat ilu, fil-5 tax-xahar, il-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja ippreżentat l-ewwel riżultat tal-ħidma tagħha lis-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, Owen Bonnici. Għalkemm id-dokument ippreżentat joffri 135 proposta għal bdil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, mal-ewwel daqqa’ t’għajn wieħed jintebaħ li dak propost ma hu ‘riforma’ xejn. Bil-maqlub, huwa pjuttost ‘kontro-riforma’. Il-kelma ‘riforma’ Ħa nibdew bil-kelma ‘rifoma’. Din saret qisha mantra. Jew aħjar, ballun tal-lastiku. Riforma ’l hawn, riforma ’l hemm, riforma ta’ dik u riforma tal-oħra. Għandi l-impressjoni li l-kelma qiegħda tintuża b’wisq laxkezza. Xi wħud żgur li lanqas biss jidhru li jafu d-definizzjoni tal-kelma. Jużawha bħallikieku kienet tfisser sempliċi adattazzjoni, modifika, alterazzjoni, aġġustament, emendazzjoni, reviżjoni. Iżda ‘riforma’ ma tfissirx hekk. Riforma tfisser li dak kollu eżistenti se jiġi organizzat madwar prinċipju differenti minn ta’ qabel. Jekk da

It-Torok ta' protesti

Image
Wara ġimgħatejn protesti qalila popolari fil-bliet il-kbar tat-Turkija, u wkoll protesti bħalhom ftit tal-ġimgħat qabel ġewwa l-Greċja, u anki protesti oħrajn f’San Paolo, il-Brażil, wieħed jista’ jibda jistagħġeb għala l-bniedem ma jitgħallem qatt. Il-kitba ilha hemm fuq il-ħajt miktuba għal sekli sħaħ; iżda donnu ħadd ma jaf jaqraha. U tgħid hekk: Is-setgħa tikkorrompi lilha nnifisha u lil ħaddieħor. Tinbidel ma tistax Naturalment, dan li qiegħed ngħid mhuwiex ġdid. Iżda l-esperjenza ta’ għexieren ta’ gvernijiet fl-Ewropa u f’inħawi oħra tad-dinja li ħadu s-setgħa bl-għajta ta’ libertà, ugwalja u fratellanza, kważi dejjem spiċċaw biex ħaddmu s-setgħa favur l-interessi tagħhom u tas-sinjuri, kontra l-poplu fqir u bla setgħa. Din l-esperjenza tibqa’ tirrepeti ruħha; u l-popli jibqgħu jemmnu li xi darba tinbidel. Imma tinbidel ma tistax. Għax is-setgħa, minnha nnifisha , iġġib dan l-effett neċessarju: li tuża l-forzi li jkollha ħalli ssaħħaħ lilha nnifisha askapitu tan-nies. Kul

Newtralità mhedda

Image
Nagħtu kas li qrib tiegħek għandek żewġ ġirien imqabbda f’xulxin. It-tnejn huma ta’ qattagħni u li jaslu. Daqqa wieħed ikun iridek iddendel kusek miegħu u daqqa tkun tridek l-oħra. X’tagħmel int? Bħala bniedem sensat li jħobb il-paċi u jobgħod l-inkwiet, la tiċċappas ma’ wieħed u lanqas mal-oħra, għax taf li sħubija ma’ naħa tfisser li tiksirha ma’ tan-naħa l-oħra. Anzi, aktar minn hekk kapaċi tagħmel: waħda, ma ssaħħanx l-irjus; u t-tieni, tagħmel li tista’ biex, jekk qatt jista’ jkun, tqarribhom lejn xulxin ħalli jirranġaw. Pożizzjoni għarfa u matura Din hija pożizzjoni ta’ ‘newtralità’. M’hijiex pożizzjoni ta’ indifferenza lejn il-ħsara jew il-ġid li jista’ jsir. Lanqas ma hija pożizzjoni ta’ diżinteress fis-sigurtà jew il-periklu li jista’ jinħoloq. Wisq anqas ma hija pożizzjoni ta’ medjokrità jew ta’ dgħufija quddiem problema serja. Bil-kontra, hija pożizzjoni għarfa ta’ fibra morali. Hija pożizzjoni matura ta’ responsabbiltà. Pożizzjoni bħal din tqiegħdek f’sitwazzjoni li

Is-saħta tat-tama

Image
Ħafna minna ‘sabu l-kbir sigriet li jgħixu bit-tama’, kif kien qal Manwel Dimech mitt sena ilu. Jgħixu bit-tama li xi darba l-gvern jibdel l-affarijiet; jgħixu bit-tama li xi ministru jibdel fehemtu; jgħixu bit-tama li xi darba jiġu r-riformi; jgħixu bit-tama li ż-żgħir jiġi mismugħ; jgħixu bit-tama li l-ispekulazzjoni tonqos; jgħixu bit-tama li l-privatizzazzjoni titrażżan; jgħixu bit-tama li l-ambjent jiġi mħares aħjar; jgħixu bit-tama li l-Knisja tinbidel; jgħixu bit-tama li l-isfruttament jonqos; jgħixu bit-tama li l-annimali – tal-baħar u tal-ajru daqskemm tal-art – jitħarsu aħjar; jgħixu bit-tama li s-sistema edukattiva titjieb; jgħixu bit-tama li t-taxxi u s-sopra taxxi jonqsu; jgħixu bit-tama li ... Din it-tama żżommhom milli jibagħtu kollox jixxejjer; iżżommhom milli ma jibqgħux jippruvaw bis-saħħa u r-rieda tajba tagħhom kollha jikkonvinċu lil dan u lil dik f’xi dipartiment jew ieħor, f’xi kumitat jew ieħor, f’xi kummissjoni jew oħra, f’xi ministeru jew ieħor, sabiex l-af