Posts

Showing posts from February, 2014

Il-proposta politika ta’ Ġesù

Image
Ma jien ngħid xejn ġdid meta nsostni li Ġesù kellu fehma politika u li kien jesprimiha apertament kemm bil-kliem, kemm b’deċiżjonijiet fattwali u kemm bil-komportament tiegħu. Jidher ukoll li din il-fehma kienet informata u konsistenti. Żewġ premessi Ta’ liema xejra politika naħseb li kienet din il-fehma ngħid dalwaqt. Għalissa rrid nagħmel żewġ premessi kritiċi. Waħda, li għalik (bħall-bqija tal-biċċa l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin) huwa importanti l-mod kif tqis lil Ġesù, anki jekk tiġi taqa’ u tqum minnu. Għala? Għax, trid jew ma tridx, int ukoll ġejt xi ftit jew wisq imrobbi/ja f’ambjent predominantement reliġjuż Kattoliku u l-ħin kollu qed ikollok x’taqsam ma’ fasliet soċjali u istituzzjonijiet (kemm reliġjużi kif ukoll ċivili) li huma sinifikattivament immarkati mir-reliġjon nisranija Kattolika. Trid jew ma tridx, kull azzjoni soċjali jew politika tiegħek (bħalma ta’ ħaddieħor f’Malta u Għawdex), kif ukoll kull proposta ideoloġika li titħajjar li tagħmel, trid għall-anqa

Ilma u razziżmu f’Israel

Image
L-Erbgħa li għadda, fil-parlament Israelit inqala’ l-inkwiet fuq l-ilma. Mhux minħabba l-kontijiet tal-konsum, imma fuq kemm l-Israeliti ‘jippermettu’ li l-Palestinjani jkollhom ilma għad-dispożizzjoni tagħhom. It-territorji okkupati tal-Palestinjani jiddependu kważi għal kollox mill-Israeliti u ċ-ċinturin jinsab issikkat sal-punt tas-soffokazzjoni. Diskors ta’ Schulz L-inkwiet bdieh il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, li, waqt żjara f’Israel u fit-Territorji Okkupati, indirizza l-parlament Israelit. Fost ħwejjeġ oħra, huwa sostna li, filwaqt li kull Israelit jista’ jikkonsma 70 kubu ta’ ilma kuljum, kull Palestinjan jista’ jikkonsma biss 17. Fid-daqqa u l-ħin, biċċa kbira mill-parlament Israelit qam fuq saqajh u beda jgħajjar kemm jiflaħ lil Schulz. Kien hemm min għajjat li Schulz kien qed jibla’ li jisma’; oħrajn li kien qed jirrepeti l-gideb; oħrajn li kien qed jagħti widen lill-għedewwa ta’ Israel. Iżda forsi l-aktar kumment revelattiv ġie minn Naftali Bennet

Abel għosfor mill-Ukrajna

Image
Elf mil ’l bogħod minna lejn il-grigal, lil hinn mill-Baħar l-Iswed, pajjiż Ewropew darbtejn akbar mill-Italja, b’popolazzjoni ta’ 45 miljun ruħ, jinsab bejn in-nar u l-ilma; ma jafx għandux idendel kusu ma’ Kajin jew ... ma’ Kajin. Wara tliet xhur ta’ ġlied fit-toroq, l-aktar fil-belt kapitali (Kiev), il-pajjiż jinsab fuq l-għatba ta’ gwerra ċivili. Abel donnu għosfor. Ġlied fit-toroq Mar-Russja jew mal-Unjoni Ewropea (UE)? Din hi l-għażla li l-Ukrajna tidher li għandha quddiemha bħalissa. Ir-rabtiet qawwija storiċi tal-Ukrajna mar-Russja huma ċentinarji. Saħansitra 17% tal-popolazzjoni, l-aktar fil-lvant u n-nofsinhar tal-pajjiż, jitkellmu r-Russu, mhux l-Ukrajnjan, bħall-biċċa l-kbira tal-bqija tal-popolazzjoni. Il-Knisja Ortodossa Russa nnifisha twieledet, mhux ir-Russja, imma ġol-Ukrajna. Biċċa kbira tal-Ukrajnjani, kif ukoll ir-Russi, lanqas biss jistgħu jimmaġinaw Ukrajna mingħajr ir-Russja jew Russja mingħajr l-Ukrajna. Iżda biċċa kbira oħra tal-Ukrajnjani, l-aktar fil-

X’jagħmlek ċittadin?

Image
Il-kwestjoni taċ-ċittadinanza reġgħet tkarrkret għal ġimgħat oħra u ċ-ċirku tal-involviment tagħha twessa’ biex inkluda nies oħrajn, fosthom xi wħud minn Brussell. Issa donnu saflaħħar xegħel id-dawl aħdar għall-mogħdija tal-liġi u, ħaġa tal-għaġeb, kulmin kien favur u kulmin kien kontra issa jinsab kuntent. Il-kwestjoni taċ-ċittadinanza waslet biex torqot fuq ommha. Fi ftit ġimgħat oħra jinsiha kulħadd. Identità tinbidel Jien diġà kont ktibt u għedt li naqbel ma’ din il-liġi, u m’iniex se nerġa’ nidħol fil-mertu tagħha hawnhekk. Ridt biss li npoġġi subgħajja fuq aspetti oħra tal-kwestjoni hekk kif għadha sħuna. Mhux anqas fuq il-fatt dak li jagħmel lil xi ħadd ċittadin. Xi wħud f’dan il-kuntest iżeffnu l-identità nazzjonali. Jien qatt ma fhimt eżattament xi tfisser din, ngħid is-sew, għax dan il-kunċett ta’ identità mhux biss jiżżeffen ħafna drabi f’diversi oqsma, iżda wkoll jiġġebbed u jidjiq skont il-konvenjenza. Jien dejjem żammejt li l-idea ta’ identità hi waħda maħduma u