Posts

Showing posts from May, 2014

Il-kult tal-kumdità

Image
In-Neo-Liberaliżmu għamel kult mill-kumdità. Minn qabel l-aħħar gwerra dinjija tgħallem malajr li din kienet il-karta li biha seta’ jikseb kollox u jinħafirlu kollox fil-proċess. Il-filosofija tiegħu kienet li, meta trodd il-kumdità lil għadd biżżejjed ta’ nies, lil għadd magħżul ta’ nies, għandek il-liċenzja li tagħmel kulma trid. Assolutament kulma trid. Ideal uniku Ebda ideal ieħor―soċjali jew politiku―ma seta’ jħabbatha mal-ideal tal-kumdità. In-nies lesti jissagrifikaw kollox għaliha, inkluż id-demokrazija, inkluż il-ġustizzja, inkluż is-sewwa u saħansitra inkluż il-libertà tagħhom stess. Imbasta komdi. Il-glidied moderni għad-drittijiet, karatteristiċi taż-żmien ta’ wara l-aħħar gwerra l-kbira, saru kollha subordinati għal ideal wieħed u assolut: il-kumdità. Il-kapitaliżmu dan fehmu mill-ewwel. Fehem li għall-kumdità n-nies kienu lesti li jħallsu kollox. Is-sagrifiċċji ma kellhomx aktar post fil-psikoloġija ta’ mases kbar; ix-xewqa waħdanija tagħhom saret li jnaqqsuhom ke

Jistħoqqlu l-Islam?

Image
Il-midja kemm-il darba tpinġi lilha nnifisha bħala entità għas-servizz tas-sewwa. Iżda tul din l-aħħar ġimgħa, meta reġgħet ffokat bil-kbir fuq att mill-aktar ikrah ta’ Islamiċi militanti fin-Niġerja, l-istampa ta’ x’inhu l-Islam, min huma l-Islamiċi u l-qagħda tal-Islam fid-dinja, kompliet tiċċajpar flok tersaq lejn is-sewwa. L-Islam jibqa’ jingħata isem pessmu u joħloq fil-punent twerwir u kważi paniku. Islamiċi injorati Il-ħtif ta’ 234 studenta adolexxenti u l-qtil ta’ 16-il persuna f’Chibok, in-Niġerja, fl-14 ta’ April li għadda mill-organizzazzjoni Boko Haram, ġibdet l-attenzjoni tal-midja dinjija, mhux biss fuq il-ħtif ta’ tfajliet għall-prostituzzjoni, iżda wkoll fuq l-Islam. Fil-fatt, donnha ma tintilef ebda opportunità, wisq anqas waħda fuq din l-iskala, sabiex l-Islam jiġi oskurat u impinġi bħala forza malinna fis-soċjetajiet ċivilizzati. Waqt l-aħbarijiet li jingħataw fuq att terribbli bħal dan, ma jonqsux l-identifikazzjoni ta’ xbihat li, kumplessivament, joħolqu stam

L-anzjani fis-soċjetà tagħna

Image
Is-sehem tal-anzjani fis-soċjetà tagħna, kif ukoll il-kura tal-anzjani, huwa qasam li llum ġie biex jikkwalifika l-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjoni. Dan ma kienx dejjem hekk. Kien hawn żmien meta l-anzjani la kienu mħarsa u lanqas ma kienu strutturalment mgħejjuna biex, fil-kundizzjoni tagħhom, jagħtu sehemhom fis-soċjetà. Minkejja dan l-iżvilupp, qatt ma hu biżżejjed biex l-Istat u ċ-ċittadini jgħassu fuq id-dmirijiet tagħhom f’dan il-qasam delikat u importanti. Protezzjoni mill-isfruttament Ma kienx minn dejjem li l-anzjani tqiesu bħala nies li jistħoqqilhom u jixirqilhom il-kura u l-għajnuna. Il-benefiċji lill-anzjani hija ħaġa relattivament moderna, li tmur lura mqar sebgħin sena. Qabel, kellna soċjetà li tħalli lill-anzjani jfendu għal rashom u, jekk ma jeħdux ħsiebhom il-familjari kif jistgħu, kienu kkundannati għall-faqar, il-mard u ħafna drabi l-abbandun. Fortunatament, kbirna. Sirna aktar konxji ta’ dan id-dmir lejn l-anzjani. Kemm l-Istat kif ukoll ukoll iċ-ċittadini priv

Min jista’ jirrappreżentak?

Image
Meta nitkellmu dwar xi ħadd li jirrappreżentak, qegħdin nitħaddtu dwar xi ħadd li jitkellem f’ismek, jiddeċiedi għalik u jaġixxi minflokok. Fil-ħajja privata tagħna din aktarx ma naċċettawhiex. Iżda fil-politika iva. Anzi, jgħidulek li hu dmir tiegħek tagħmel ħaġa inaċċettabbli bħal din. U taf xi jsejħulha? Demokrazija. Tfal u adulti Fil-ħajja ta’ kuljum, waqt li ngħixu ħajjitna u nagħmluha man-nies, aktarx ħadd ma jrid lil min jitkellem f’ismu, jiddeċiedi għalih jew jaġixxi minfloku. Meta jiġri hekk, nieħdu fastidju. U bir-raġun. Għax aħna m’aħniex tfal. Huma biss it-tfal li ma jarawhiex bi kbira li ħaddieħor jitkellem f’isimhom, jiddeċiedi għalihom jew jaġixxi minflokhom. Iżda nies adulti din ma jaċċettawhiex. Proprju għax huma nies adulti; nies li għandhom ħalq biex jitkellmu bih, moħħ biex jaħsbu bih u maturità biex jaġixxu biha. L-adulti jieħdu għalihom meta xi ħadd jaqbiżhom jew jittrattahom ta’ vavi għax ħaġa bħal din, mhux biss tinsulta l-intelliġenza tagħhom, iżda tieħ