Posts

Showing posts from September, 2014

L-irresponsabbiltà tal-Ministru George Vella

Image
Jiddispjaċini ferm ngħidha. Iżda l-kummenti li għamel madwar xahar ilu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr George Vella, dwar l-istat kostituzzjonali ta’ Malta, kienu mill-aktar irresponsabbli. Ebda Ministru tal-gvern ma jista’ jitkellem addoċċ, aħseb u ara l-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’qagħda daqshekk prekarja li tinsab fiha x-xena internazzjonali. Fis-sustanza tagħhom, il-kummenti tal-Ministru Vella kienu, l-ewwel, li l-klawsola tan-newtralità fil-Kostituzzjoni ta’ Malta mhijiex xierqa aktar għaliex ma tipproteġġiniex biżżejjed mill-militanti Iżlamiċi, u, it-tieni, li Malta għandha tibda tikkunsidra qribija akbar man-NATO. Kummenti ‘laxki’ bħal dawn, mhux biss jagħmlu għajb lil min, f’kariga hekk għolja, jgħidhom mingħajr kunsiderazzjoni biżżejjed, mhux biss jagħmlu għajb lill-Partit Laburista fil-gvern, iżda jagħmlu għajb, fuq kollox, lill-wirt politiku Malti li ilu jintiseġ b’tant sagrifiċċji u bżulija għal mill-anqas sittin sena. Dan minbarra li l-argumenti li uż

Ġustizzja soċjali għall-agħar?

Image
Wara 50 sena ta’ Indipendenza, dan il-pajjiż għadu ma rnexxilux jagħti opportunitajiet l-istess għal kulħadd. Agħar minn hekk, ir-rata ta’ dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, partikularment tfal, qiegħed jiżdied. Dan skont rapport maħruġ dan l-aħħar mis-‘Social Inclusion Monitor Europe’ (SIM), maħdum minn Dr Daniel Schraad-Tischler u Dr Christian Kroll, u ppubblikat minn Bertelsmann Stiftung tal-Ġermanja. Żieda f’rati negattivi Ir-rapport juri li, fuq skala Ewropea, Malta tinsab fl-14-il post f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja soċjali. Fl-ewwel postijiet hemm l-Iżvezja, il-Finlandja u d-Danimarka, u fl-aħħar postijiet hemm il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Greċja. Malta tinsab f’post anqas mill-medja Ewropea. L-iskala nħadmet skont rati relatati mat-tnaqqis tal-faqar, l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, l-inklużjoni għad-dinja tax-xogħol, it-tnaqqis tad-diskriminazzjoni, l-opportunijiet ta’ saħħa, u l-ħarsien tal-persuni ta’ kull età. B’mod partikulari, Malta tinsab fit-13-il

L-iħirsa tal-Indipendenza

Image
Iċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju tal-Indipendenza nhar il-Ħadd qiegħda ssir għall-ewwel darba fuq livell lil hinn mill-partiġġjaniżmu. Sa mill-1964 qatt ma kienx hekk. Dejjem kien il-Partit Nazzjonalista waħdu li ċċelebra dan l-avveniment. Iżda llum, bl-attitudni ġdida tal-gvern Laburista, dan qed jinbidel. Bil-mod il-mod, l-iħirsa tal-imgħoddi qegħdin jiġu mraqqda. ‘Indipendenza dipendenti’ Il-mod kif inkisbet l-Indipendenza fl-1964 kien frott tal-istinazzjoni ta’ Borg Olivier u sħabu. L-oppożizzjoni parlamentari kollha kienet kontra l-mod kif riedha sseħħ. Mhux biss Mintoff, iżda wkoll Mabel, Pellegrini u Ganado, ilkoll bil-partiti tagħhom li, effettivament, kellhom warajhom il-maġġoranza tal-poplu Malti. Gonzi biss kien favur il-mod kif Borg Olivier ried li l-Indipendenza sseħħ. Tant webbes rasu Borg Olivier li, meta ra li qatt ma kien se jkollu warajh l-approvazzjoni tal-erba’ partiti l-oħra, jew anki l-maġġoranza tal-poplu Malti, bil-kollaborazzjoni ta’ Gonzi, ħalla l-

Knisja fi triq ta’ estinzjoni

Image
Il-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex tinsab fi żmien straordinarju mingħajr preċedenti. Qatt qabel, fl-istorja twila tagħha, ma sabet lilha nnifisha f’qagħda bħal tal-lum. Qabel, il-Knisja dejjem iltaqgħet ma sfidi qawwija li ġew ‘minn barra’; mill-kulturi soċjali li sabet madwarha; sfidi li ngħataw diversi ismijiet, bħal moderniżmu, kommuniżmu, femminiżmu, sekulariżmu, konsumiżmu, u oħrajn. Konversjoni interna Iżda llum, l-akbar sfida li għandha l-Knisja mhijiex ‘minn barra’, iżda ‘minn ġewwa’. Qatt qabel ma dan ġara. Hu għalhekk li dan hu żmien straordinarju għaliha; żmien mingħajr preċedenti. Din l-isfida li ġejja ‘minn ġewwa’ tikkonsisti filli l-Knisja tagħraf issib mod ta’ kif tirrelazzjona b’mod pożittiv u evanġeliku mal-Maltin u l-Għawdxin tas-soċjetà tal-lum. Din l-isfida mhijiex qed tintlaqa’ b’mod xieraq. Il-Knisja lokali qiegħda turi inkapaċità stinata biex tkun ‘sinjal ta’ tama’ fis-soċjetà tagħna; biex tkun ferħ u tama għall-Malti u l-Għawdxi tal-lum. Fi kliem ieħ