Posts

Showing posts from November, 2014

L-aktar sodisfatti bil-klima soċjali

Image
Il-Maltin huma l-aktar Ewropej sodisfatti bil-klima soċjali li teżisti fil-preżent. Dan joħroġ minn riċerka magħmula għan-nom tal-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju ta’ din is-sena (2014) u ppubblikata issa. Riċerka simili saret f’Ġunju tas-sena l-oħra (2013). F’dan il-perjodu, il-Maltin intervistati wrew l-akbar titjib (meta mqabbla maċ-ċittadini l-oħra Ewropej) fis-sens ta’ sodisfazzjon li għandhom f’dan ir-rigward. ‘Klima soċjali’ Ir-riċerka hija s-sitt waħda li saret f’dan il-qasam mill-‘Eurobarometer’ tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-ħsieb tar-riċerka huwa li tistħarreġ il-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej fuq dik li tissejjaħ ‘klima soċjali’. Din tirreferi għas-sentiment ġenerali li jħossu n-nies meta jaħsbu u jqisu ħmistax-il aspett differenti li jaffettwalhom ħajjithom. Dawn l-aspetti għandhom x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi personali tagħhom, il-kwadru nazzjonali, kif ukoll l-ideat tagħhom dwar l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali. Ir-riċerka tfittex ukoll li tkejjel x’tip ta’ tama għandhom

Kritika bejn il-ħbieb

Image
Meta l-ħbieb jikkritikaw lil xulxin, jibqgħu ħbieb. Anzi, jista’ jkun li jsiru ħbieb akbar. Għax il-kritika bejn il-ħbieb ma tiġix mill-għira, mill-mibegħda jew minn xi sentiment ieħor distruttiv. Issir f’xirka ta’ rispett kważi sportiv u ta’ kunfidenza rassiguranti. L-istess il-kritika li ssir lill-gvern mingħand ‘ħbiebu’. Għalkemm xi wħud b’moħħ maħmuġ jagħżlu li jaraw fiha ‘sinjali ta’ firda’, hi fil-fatt mument ta’ qsim ta’ sentimenti u ideat. Ittra bejn il-‘ħbieb’ L-ittra miftuħa li ntbagħtet il-ġimgħa ta’ qabel li għaddiet lill-Prim Ministru minn 26 ċittadin u ċittadina (ara l-ittra aktar 'l isfel) evidentement inkitbet fi spirtu ta’ ħbiberija u djalogu. Ma nażżardax insejħilhom ilkoll ‘ħbieb’ tal-Prim Ministru. Mhux għax mhumiex, iżda għax ma rridx nitkellem f’isem ħadd. Iżda trid tkun stupidu, bħalma kienu xi wħud li joħolmu bil-ftajjar, biex tilmaħ fl-ittra l-id ta’ xi ċorma li jridu jduru għall-għaksa tal-Prim Ministru. Dawk li għamlu hekk allura ma fehmu xejn mi

Il-faqar jiżdied

Image
F’ħames snin bejn l-2008 u l-2013, l-għadd ta’ ċittadini Maltin li kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar u/jew ta’ esklużjoni soċjali żdied bi kważi 4% tal-popolazzjoni. Filwaqt li fl-2008 kien meqjus li kellna fil-gżejjer Maltin 80,000 ruħ f’tali riskju, ħames snin wara, fl-2013 kellna 100,000 ruħ (kważi kwart tal-popolazzjoni kollha). Malta fin-nofs Dan tħabbar mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistiċi tal-Unjoni Ewropea (UE) li qiegħed il-Lussemburgu, fl-4 ta’ Novembru li għadda. Skont l-istess uffiċċju, fl-istess perjodu (2008–2013) l-għadd taċ-ċittadini li kienu jinsabu f’nuqqas materjali kbir żdied b’aktar minn 5%. B’mod globali, fl-istess ħames snin l-għadd taċ-ċittadini Ewropej li kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar u/jew ta’ esklużjoni soċjali żdied b’aktar minn 6 miljun ruħ: minn madwar 117 miljun għal 123 miljun ruħ. B’kollox, dan l-għadd jagħmel madwar 17% tal-popolazzjoni Ewropea. Minn fost it-28 membru tal-UE, f’dan ir-rigward Malta tinsab eżatt fin-nofs: fl-14-il post

L-amministrazzjoni pubblika

Image
Il-gvern, bir-raġun, hu mehdi bl-amminsitrazzjoni tal-Istat. Minn dan il-lat, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu huma kbar u mifruxa. Mil-lat finanzjarju, bħal kull intrappriża kummerċjali l-gvern irid dejjem jara li, jekk jista’ jkun, id-dħul tal-pajjiż ikun akbar mill-ħruġ, ħaġa li qatt ma hi faċli. Iżda l-amministrazzjoni għandha ħabta tiddomina operat bħal dan. Bħal kull istituzzjoni oħra, il-gvern irid joqgħod attend li l-amministrazzjoni ma tiddominahx u teħodlu ħsiebu minn fuq ħwejjeġ ta’ importanza oħra. Ideali X’jistgħu jkunu dawn il-ħwejjeġ? L-ewwel u qabel kollox, il-viżjoni li Stat għandu dejjem ikollu. Gvern jista’ jaqa’ fl-iżball li jħalli l-amministrazzjoni tirkbu u tagħmel sempliċiment amministratur tal-ġid tal-Istat. Dan hu rwol meħtieġ, siewi u importanti, m’għandniex xi ngħidu, iżda m’għandu qatt ikun esklussiv. Gvern irid ukoll jispira ċ-ċittadini tiegħu; irid iwettaq ir-rwol li jpoġġi quddiem l-Istat ideali li jkabbruh. Dawn mhumiex neċessarjament

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Image
Bejn it-12 u s-16 ta’ Novembru li ġej, fi żmien ġimgħa oħra, reġa’ wasal appuntament li kull familja għandha tqis bħala importanti: il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Dan ikun fid-Dar tal-Mediterran, il-Belt Valletta. Huwa appuntament li din is-sena qiegħed iwiegħed li jkun tabilħaqq wieħed speċjali. Dħul b’xejn. Qliegħ kbir. Għala ‘Festival’? Sa ftit ilu, dan l-avveniment annwali konna nsejħulu l-’Fiera tal-Ktieb’. Il-bdil fl-isem mhuwiex għalxejn. Għax din l-attività kbira ma baqgħetx sempliċiment wirja ta’ ħafna kotba lokali. Sar esperjenza kulturali sħiħa bis-sehem ta’ ħafna pubblikaturi Maltin u barranin. Infatti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li jorganizza din l-attività, qiegħed jespandi fuq l-idea li din tista’ tkun biss vetrina ta’ kotba. Iridha tkun esperjenza ta’ involviment personali bil-ktieb bħala pont bejn in-nies. Naturalment, l-iskop ewlieni se jibqa’ il-promozzjoni tal-kotba. Iżda l-attività qed toffrilna aktar minn hekk. Infatti, l-organizzaturi ħadu ħsieb