Posts

Showing posts from February, 2015

Ġenna fuq l-art

Image
Kieku qatt kien hawn xi tip ta’ mexxej li ma ħolomx b’xi ġenna fuq l-art. Għall-anqas wieħed li ma wegħidhiex. Kull mexxej li ħa jew ried jieħu f’idejh xi setgħa politika fuq ħaddieħor dejjem—imma DEJJEM—wiegħed li jaf kif joħloq ġenna fuq l-art għas-segwaċi tiegħu. Alexis Tsipras tal-Greċja forsi hu wieħed minn tal-aħħar. Iżda l-lista tal-‘messijji’, fil-fatt, ma tispiċċa qatt. U kollha fallew. Wegħdiet ta’ ġenna Ibda, jekk trid, minn Abraham fil-Bibbja (li ħolom bil-famuża ‘art imwiegħda’), kompli b’Mosè (li twebbel b’art ‘tnixxi l-ħalib u l-għasel’) u spiċċa b’kemm nies trid: Alessandru l-Kbir, Genghis Khan, Cleopatra, Mao, Hitler, Che Guevara, Lenin, Bolívar, Qin Shi Huang, De Gaulle, Lwiġi XIV, Haile Selassie, Kim Il-Sung, Rikardu Qalb ta’ Ljun, ... u eluf ta’ nies oħra. Ilkoll wiegħdu xi ġenna fuq l-art. L-isbaħ kien il-patrijarka Ġakobb li, fil-ġlieda għas-setgħa ma’ ħuħ Eżaw, ħolom b’sellum mill-art sas-sema bl-anġli tilgħin u niżlin miegħu. Żgur li qatt ma kien hemm prog

Id-distrazzjonijiet tal-ħajja

Image
Il-biċċa l-kbira minna għandhom ħajjithom mimlija distrazzjonijiet. U mnalla kien hekk xi kultant. Għax inkella lanqas biss ikunu jafu x’se jaqbdu jagħmlu bihom infushom. Ftit mid-distrazzjonijiet jiswew il-ħin li naħlu fuqhom. Iżda għal xi wħud huma prezzjużi għax inessuhom mill-vojt u, xi kultant, l-uġigħ ta’ ħajjithom. Id-distrazzjonijiet huma għal bosta minna l-ħajja nnifisha. Kollha għandna x’nagħmlu Darba waħda mara qaltli li taħdem minn xogħol għal xogħol kuljum mingħajr waqfien. Meta staqsejtha għala, qaltli li tagħmel hekk biex ma taħsibx. Jekk taħseb, qaltli, tiġġennen. Żgur li ma kellhiex għalfejn taħdem daqs bagħal. Iżda x-xogħol żamm memorji koroh milli jinvadulha moħħha u jkabbru l-feriti li kienet iġġorr ġo fiha. Aktarx dan kien eżempju esaġerat. Tassew. Iżda xi ftit jew wisq ħafna minna nintelqu għad-distrazzjonijiet—kemm jekk hu xogħol u kemm jekk affarijiet oħra—għax mingħajrhom il-ħajja ssir ħarxa wisq jew vojta wisq. Għaldaqstant, nimlew il-ħin. Infittxu elf

San Oscar Romero

Image
Saflaħħar, il-ġimgħa li għaddiet il-Vatikan iddeċieda li jaċċetta dak li l-Knisja Kattolika kollha ilha 35 sena ssostni mingħajr dell ta’ dubju: li l-Arċisqof ta’ El Salvador, Oscar Arnulfo Romero, kien qaddis u martri. Aħjar tard milli qatt, jgħidu, le? Romero inqatel, iddikjara l-Papa Franġisku, ‘in odium fidei’ (b’mibegħda għall-fidi). Kwestjoni taħraq Għalkemm għal ħafna nies il-qdusija u l-martirju ta’ Romero tidher ħaġa mill-aktar sempliċi, sempliċi mhijiex. Hija tmur fil-qalba ta’ kwestjoni ideoloġika taħraq li ilha tifleġ il-Knisja Kattolika għal dawn l-aħħar erbgħin sena. Kif għandu jiġi interpretat l-evanġelju? X’tip ta’ evanġelizzazzjoni għandha tħaddem il-Knisja? B’liema mod għandha torganizza lilha nnifisha l-Knisja fid-dinja tal-lum? Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, El Salvador, pajjiż fl-Amerika Ċentrali, kien taħt ħakma terroristika governattiva terribbli. In-nies kienu jisparixxu u jinqatlu kuljum. L-għaks u l-miżerja kienu l-prezz li l-poplu kien qed iħall

Appoġġ mhux theddid lil Tsipras

Image
Il-gvern Malti għandu jagħti l-appoġġ kollu tiegħu u tal-poplu tagħna lill-gvern il-ġdid ta’ Alexis Tsipras fil-Greċja. Mhux jingħaqad mal-burokrati u t-teknokrati Ewropej biex jhedduh jew ibeżżgħuh bil-babaw. Il-gvern Malti, Laburista u Soċjalista li hu, għandu jkun sensittiv għall-karba u l-għajta ta’ poplu mgħattan mill-wikkiela u r-rgħiba li ġabuh għarkobbtejh. X’politika barranija? Huwa fatt ċert, għall-anqas fuq l-awtorità tal-London School of Economics (Manos Matsaganis u Chrysa Leventi), li l-awsterità li l-Unjoni Ewropea (UE) imponiet fuq il-Greċja kabbar il-faqar b’mod mifrux post il-poplu Grieg u kabbar l-inugwaljanza ekonomika b’mod sinfikanti. Fi kliem ieħor, ħallas il-poplu għall-qerq ta’ ħaddieħor, u l-UE ma ddejqitx issawtu għal ħtija li mhijiex tiegħu. Malta, imqabbda mad-dublett tal-UE, issieħbet f’dan. Qablet mal-awsterità imposta waqt li anki għenet bi 181 miljun ewro biex tirriskatta d-dejn li għamlu l-finanziera u l-korrotti. Issa, li l-poplu Grieg fl-aħħa