Posts

Showing posts from January, 2018

Pożittività

Image
Il-ftuħ tal-attivitajiet il-ġimgħa li għaddiet marbuta mal-Belt Valletta bħala waħda miż-żewġ Bliet Kulturali tal-Unjoni Ewropea għall-2018, flimkien mal-ftuħ ta’ attivitajiet oħra li qed isiru fl-Olanda, fil-belt ta’ Leeuwarden, f’dawn il-jiem, jibgħat messaġġ qawwi ta’ pożittività li lkoll kemm aħna neħtieġu l-ħin kollu, iżda aktar f’dan iż-żmien f’pajiżna meta l-‘ħabbara tan-negattività’ jridu jtammbru f’widnejna il-qtigħ il-qalb u l-biża’. Is-sabiħ tal-ħajja Il-belt ta’ Leeuwarden hija l-kaptiali provinċjali tal-Istati ta’ Friesland, fl-Olanda, u tħaddan aktar minn 108 elf ruħ. It-tema ewlenija magħżula għal dis-sena speċjali għal din il-belt hija “Lepen Mienskip”, li tfisser “sens miftuħ ta’ kommunità”. Flimkien mat-tema ewlenija tal-Belt Valletta, li hija ċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali, it-temi ewlenin ifakkruna fis-sabiħ tal-ħajja meta mgħajxa b’pożittività. Din il-kelma, “pożittività”, tindika attitudni ottimistika li tagħżel li tħares aktar lejn is-sabiħ tal-ħajja

Libera nos, Domine!

Image
Il-kampanja sistematika, organizzata, insidjuża, traditorja, li qed issir kontra pajjiżna—aktarx orkestrata minn barra; għandu mnejn minn xi kmamar f’Brussell—qed tmiss kull rokna tal-istabbilità nazzjonali. Il-ħsieb ewlieni tagħha hija li tkabbar kemm jista’ jkun is-suspett populesk biex forsi—min jaf?—xi darba jirnexxielha tikseb xi mandat elettorali. Imn’alla l-amministrazzjoni governattiva qed iżżomm rasha bierda. Imn’alla. Riħ ivenven Li ’l din il-kampanja djabolika taqtgħalha l-għatx bil-perżuta għandha mnejn hi l-aħjar mod kif tħalliha tifga f’demmha. Għax tifga f’demmha se jkollha tagħmel ladarba m’għandhiex suriet oħra—aktar onorabbli—ta’ kif tikseb xi ftit tal-art fil-proċess demokratiku. L-isfiduċja tal-poplu fl-għadd kbir tiegħu, mhux darba, imma darbtejn, ħareġ lil min jistaħba wara dil-kampanja ta’ mażetta; u jerġa’ joħorġu. Għax għalkemm il-poplu tagħna hu wieħed paċenzjuż—u dan urieh ħafna drabi fl-imgħoddi—huwa poplu deċenti li l-għajb jaf jarah meta jilmħu. Għ

Armi tan-nar għall-bejgħ!

Image
Ġiet f’idejja kopja tal-magażin On Parade , imqassma f’Malta ma’ gazzetta bl-Ingliż f’Ottubru li għadda. Huwa magażin prodott l-aktar mill-Forzi Armati ta’ Malta, u fih wieħed isib bosta artikli interessanti. Madanakollu, fuq paġna minnhom, laqatni riklam għall-bejgħ tal-armi tan-nar minn ħanut f’Malta. Ġabli l-kurżità għax ma stennejtx li għandi nsib, la f’dal-magażin u la mkien ieħor fil-Gżejjer Maltin, riklam għal kumpanija li hija magħrufa bħala l-‘akbar qattiela tal-Ġermanja’. Produtturi tal-armi Ix-xiri tal-armi tan-nar f’pajjiżna, kemm jekk dan isir lokalment jew jekk minn barra, hu kkontrollat mill-‘Att dwar l-Armi’ (Kap. 480 tal-Liġijiet ta’ Malta) u sitt Leġislazzjonijiet Sussidjarji (480.01–06). Il-liġi tirregola l-armi fl-idejn, inkluż iż-żamma u l-bejgħ tagħhom. Imkien ma tgħid fuq minfejn jistgħu jew ma jistgħux ikunu qed jinxtraw dawn l-armi tan-nar. Fis-sit tal-ħanut li ġab ir-riklam tal-armi tan-nar, jingħad li l-ħażna tiegħu tikkonsisti biss f’armi sportivi u

L-akbar ħtieġa

Image
Ilkoll nafu x’inhuma l-ħtiġijiet personali tagħna; għall-anqas hekk naħsbu. Huma ħtiġijiet ta’ kull għamla u sura; għal moħħna, qalbna u ġisimna. Xi wħud mill-ħtiġijiet huma kapriċċużi; oħrajn essenzjali. Iżda jista’ jkun li hemm ukoll ħtiġijiet li jaħarbulna minn moħħna; insejnihom jew nessewhomlna. Fosthom jista’ jkun hemm l-akbar ħtieġa: dik li NISTAQSU! Il-kumdità materjali Aħna lkoll neħtieġu kull xorta ta’ affarijiet biex niffunzjonaw tajjeb. Irridu nieklu u nixorbu; irridu nilbsu; irridu saqaf fuq rasna; irridu nżommu lilna nfusna nodfa u b’saħħtina; irridu naħdmu; irridu niddevertu; irridu nieħdu ħsieb il-familja tagħna; irridu nitgħallmu u nedukaw lilna nfusna; irridu t-trasport; irridu nżommuna informati; irridu l-ħbieb; irridu ... irridu ... irridu. Ħafna minn dawn il-ħtiġijiet huma tabilħaqq meħtieġa. Oħrajn m’humiex; huma ħtiġijiet maħluqa, jew mill-kappriċċożità tagħna, jew mis-suq li jagħfas fuqna. Is-suq, infatti, il-ħin kollu jwebbilna biex niksbu, niksbu, n