Posts

Showing posts from October, 2018

Europa admirabilis

Image
Meta snin ilu kellna l-kampanji tar-referendum għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ma jidhirlix li ħadd qatt ma kien semma l-vantaġġ li qed naraw illum bis-sħubija tagħna. Huwa l-vantaġġ li, fil-Parlament Ewropew, dejjem tista’ ssib nies onorabbli li jpatptu skont kif tgħidilhom u jingħaqdu miegħek ħalli flimkien jagħmlu kampanja fuq xiex jitwebblu. L-Ewropa tan-negattività hi tassew ammirevoli! Front għall-ġustizzja Tiftakarha t-tixbiha tal-Ewropa ta’ Abel u l-Ewropa ta’ Kajin? Antika issa, veru. Għandha ’l fuq minn erbgħin sena żgur. Imma għandu mnejn li qatt daqs illum m’aħna naraw is-sens sħiħ tagħha. Kajin u l-imxierka tiegħu donnhom dejjem bil-ħakk biex jaraw ma’ min se jaqbdu. Kulma jridu hu tfesfisa fil-widnejn ... u arahom jikkakkmaw flimkien biex joħolqu front għall-ġustizzja. Dawn iriduha ta’ nies serji; nies tal-affari tagħhom. Kollhom ingravajjed u bagalji, kollhom karti u ġlekkijin, u erħilhom itellgħu mill-istonku tagħhom u jobżqu s-semm. Addio verifiki. Addio

Nies materjali

Image
Qabel kont tisma’ ’il min jgħallem li aħna, għax aħna ruħ, konna aktar spiritwali milli materjali. L-aspett materjali kien sekondarju għall-aspett spiritwali, u, xi minn daqqiet, saħansitra mingħajr importanza ta’ xejn. Il-materjali jgħaddi, kienu jgħidulna, imma l-ispiritwali jibqa’ għall-dejjem. Tagħlim antik Dat-tagħlim kien iġġusfika ħafna tmaqdir tal-aspett materjali tagħna u jħolli ’l fuq l-aspett spiritwali. B’hekk, kien jiġi mmaqdar il-ġisem u dak kollu marbut miegħu, inkluż is-sess, l-affett, il-ħbiberija umana u l-bqija. Kulma kien materjali kien jitqies għar-rimi. Kien ukoll tagħlim li jiġġustifika l-faqar. Min ibati f’din id-dinja, kienu jgħallmu, m’għandux għalfejn jinkwieta wisq għax ‘pajjiżna s-sema’. Min ibati l-faqar hawn, imqar għall-ftit taż-żmien, għad igawdi l-għana bla qies fis-sema għall-eternità. Dat-tagħlim (duwalistiku) kien iqis li l-bniedem għandu biss żewġ aspetti, jew id-dimensjonijiet, u jinjora l-aspetti l-oħra kollha billi jiġborhom taħt xi wa

Ir-realtà maħluqa

Image
Ma teżisti ebda realtà jekk mhux ġo moħħna. Teżisti l-eżistenza. Dan sens komun. Imma mhux ir-realtà. Ir-realtà hija biss l-għamla, jew l-għamliet, li biha nħarsu lejn l-eżistenza. Ir-realtà mhijiex il-verità, kif jaħsbu ħafna. Il-verità hi tal-eżistenza biss. L-imħuħ Spiss nużaw il-kelma ‘realtà’ bħallikieku tfisser l-istess ħaġa li biha nifhmu l-kelma ‘verità’. “Ir-realtà hi ...,” ngħidu ta’ sikwit biex infissru l-fatti li jkollna quddiemna. L-istess meta ngħidu “Il-verità hi ...” B’dawn l-espressjonijiet ħafna minna ma jagħmlu ebda differenza bejn ir-realtà u l-verità; waħda hi bħall-oħra. Madanakollu, kemm ir-realtà kif ukoll il-verità mhumiex affarijiet li jeżistu mingħajrna. It-tnejn li huma, fil-fatt, huma interpretazzjoni ta’ dak li nkunu qed nilmħu quddiemna. Ir-realtà li naraw aħna tista’ ma tkunx (kif ħafna drabi m’hijiex) ir-realtà li jara ħaddieħor fl-istess ħaġa. Hekk ukoll il-verità. Dawn huma affarijiet li jeżistu f’moħħna. Kemm dik li nsejħulha ‘realtà’ kif u

Il-Labour Brittaniku

Image
Il-Labour Brittaniku huwa wieħed mill-ftit organizzazzjonijiet politiċi tax-xellug li fl-Ewropa qed iżid, mhux inaqqas, is-saħħa. Il-viżjoni tiegħu, filwaqt li f’imkejjen oħra tal-Ewropa tista’ ma tappellax, qed taqbad l-immaġinazzjoni tal-ġenerazzjonijiet kbar u żgħar. Hu Labour li jista’ wkoll imexxi l-Gran Brittanja. Il-programm li kien ħareġ f’Lulju tas-sena li għaddiet għadu jista’ jkun ta’ tnebbiħ ukoll għal-Laburiżmu Malti. Għall-ħafna Dal-programm iġib l-isem “Għall-Ħafna, Mhux għall-Ftit”. B’hekk mill-ewwel juri l-mira ewlenija tiegħu: dik li l-ġid ma jkunx imkattar għal għadd relattivament żgħir ta’ nies (li jgawdu minn fuq dahar ħaddieħor jew anki tal-istat), imma għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini. It-tkattir tal-ġid fih innifsu mhuwiex indikatur biżżejjed għas-suċċess ta’ gvern; ikun jonqos it-tqassim tiegħu: huwiex għall-ftit jew għall-ħafna. Il-Labour jagħżel il-ħafna għax hu Labour. Sempliċi daqshekk. Hawn Malta wkoll, minn Boffa ’l hawn dik kienet l-għażla tal-L