Posts

Showing posts from September, 2019

Soluzzjoni waħda

Image
Ma hemm qatt soluzzjoni waħda għall-istess problema. Qatt. Ħafna nies jippanikjaw jew ikollhom xi jgħidu ma’ ħaddieħor għax jagħmlu dan l-iżball komuni: jaħsbu li hemm biss soluzzjoni waħda għal xi problema partikulari li jkollhom; jekk din is-soluzzjoni ma jkunux jistgħu jwettquha, allura erħilhom jinkwetaw, jinnervjaw jew ukoll jiddispraw. Qatt Le. Qatt m’hemm soluzzjoni waħda għall-istess problema. Din il-massima tagħmel tajjeb għal kull problema, kbira jew żgħira li tista’ teżisti. Għalhekk, jaqbillek iżżommha sew f’moħħok dejjem. Problemi tiltaqa’ magħhom kemm trid (u kemm ma tridx ukoll). Moħħna dejjem xi ftit jew wisq jaħseb kif se nsolvuhom. Imma spiss jiġrilna li flok insolvuhom, nispiċċaw ninħarqu bihom. Ħafna drabi dan jiġri għax naħsbu biss f’soluzzjoni waħda għal xi problema. Allura, jekk ma jirnexxilniex nilħqu dis-soluzzjoni, nindannaw u nirrabbjaw. L-iżball ikun tagħna, u tagħna biss; u hu żball komuni ħafna, li bosta nies jagħmluh għad-dannu tagħhom. Dan akta

Ir-riċerka

Image
Dil-kelma tfakkar lil ħafna fil-ħidma ta’ xi nutar qabel xi kuntratt. U tagħmel tajjeb. Imma m’għandhiex tfakkar fin-nutara biss. Ir-riċerka hija l-ħobża ta’ kuljum ta’ ħafna kategoriji oħra ta’ nies, u wkoll qasam meħtieġ ħafna ta’ kull ħidma kummerċjali. Min ifittex Kulħadd jagħmel xi riċerka mingħajr ma jagħtih dan l-isem. Min jipprova jitkixxef fuq xi ħaġa jew xi ħadd, riċerka jkun qed jagħmel. Dil-kelma tiġi mil-Latin ‘circum’, li tfisser ‘iddur’; bħalma jagħmel xi ħadd meta jrid isib xi ħaġa. U hekk jagħmel kull riċerkatur ta’ kull tip: iħuf u jgħarrex ħalli jara jitkixxifx fuq xi ħaġa. Kull studjuż huwa xi ftit jew wisq riċerkatur. Għax ifittex dak li qal dan u l-ieħor, jew inkella jfittex dokumenti miżmuma f’libreriji u arkivji ’l hawn u ’l hemm. Jien personalment nagħmel ħafna xogħol bħal dan tal-aħħar, kemm f’Malta u Għawdex kif ukoll f’pajjiżi oħrajn. Huwa parti mill-istudju li nagħmel u li jien imħarreġ għalih. Ir-riċerka titlob ħafna paċenzja u attenzjoni. Tqalle

Sabiħ li ċċedi

Image
Għal ħafna nies li jsuqu din hi l-akbar dagħwa: li fit-triq, waqt li jkunu qed isuqu, iċedu lil ħaddieħor. Mela le! Mela ma jċedux! Jien naħsibha mod ieħor. Insuq il-mutur (karozza ma nafx), imma xorta waħda jidhirli li hu sabiħ iċċedi. Iva, sabiħ. Għax isebbaħ it-toroq daqskemm lis-sewwieqa. Id-dritt Bosta sewwieqa jaħsbu fuq il-karozzi jew l-inġenji tagħhom bħallikieku kienu armi. La darba jidħlu fihom jew jirkbuhom, qishom qegħdin f’żona ta’ gwerra, lesti għall-kumbattiment, b’moħħhom ingranat għall-forza. Il-kunċett mentali ewlieni ta’ dan-nies f’dal-waqtiet huwa d-dritt. Waqt li jsuqu jaħsbu f’termini ta’ min għandu d-dritt u min m’għandux. Min jieħu dil-attitudni—l-attitudni tad-dritt—dejjem donnu jaħseb min għandu raġun jew dritt jagħmel ħaġa jew min m’għandux. Hawnhekk ma titħolx ħniena jew raġunar: bniedem jew għandu d-dritt jew m’għandux; jekk għandu, jieħdu, jekk m’għandux, ma jeħdux. Aktar: min jipprova jieħu d-dritta mingħajr m’għandu dritt għaliha, miskin hu jew h

Il-ġirja fl-Amerika

Image
Il-Partit Demokratiku Amerikan (jiġifieri l-partit tax-xellug) bħalissa qiegħed fil-proċess li jagħżel il-kandidat li, f’Novembru tas-sena 2020, jiġifieri sena u xahrejn oħra, jisfida lill-President Donald Trump, il-kandidat tal-Partit Repubblikan (jiġifieri l-partit tal-lemin), għall-uffiċċju tal-President. Il-proċess hu wieħed twil, ikkumplikat, antipatiku, imma perfettament demokratiku (bit-tajjeb u l-ħażin tal-kelma). Għandu jitlaq? Id-Demokratiċi kollha donnhom jaqblu li Trump m’għandux jibqa’ President tal-Istati Uniti tal-Amerika wara l-20 ta’ Jannar tal-2021 ’il quddiem. Jemmnu li dak in-nhar l-Amerika għandha jkollha President ġdid – wieħed mill-Partit Demokratiku. Għalihom Trump falla, u falla bl-ikrah, u jriduh iwarrab. Biex jiġri hekk, kandidat tagħhom irid jirbaħlu fl-elezzjoni ġenerali ta’ Novembru ta’ qabel. Jagħmel sens dan? Għal ħafna, dan ma jagħmel sens xejn. Għalihom, speċjalment jekk huma tal-fehma repubblikana (jiġifieri konservattiva jew leminija), kollox

Iċ-Ċiniż t’għada

Image
Għal min irid jaħseb fid-dinja t’għada pitgħada ma jistax jinjora liċ-Ċina. Dak li l-Amerika hi llum, dak li l-Gran Brittanja kienet il-bieraħ, iċ-Ċina se tkun għada pitgħada. Hija l-imperu ekonomiku li jmiss. Kif eżattament se jiġri dan jista’ jkun li għadu mhuwiex magħruf bl-eżatt. Imma l-għaqal jgħidilna li jkun jaqblilna li naħsbu minn issa għaċ-Ċina li daqt tkun. Nevitaw l-iżballji Wieħed mill-aqwa għamliet ta’ kif nistgħu nibdew inħejju lill-ulied iż-żgħar u liż-żgħażagħ tan-nazzjon Malti huwa billi ngħallmuhom iċ-Ċiniż. Għalissa dan jidher li mhuwiex għal kollox meħtieġ. Imma żgur li se jkun meħtieġ dalwaqt. Ma naħsibx li għandna noqogħdu nistennew il-waqt meta jkun tard wisq u jkollna nagħmlu kollox bil-frattarija. Nibdew minn issa ngħallmu lit-tfal iċ-Ċiniż ħalli, meta jasal il-waqt, isibuh għandhom. Kulħadd jiftakar kif fis-snin sebgħin beda jiġi mgħallem l-Għarbi lill-istudenti kollha. Dan għaliex f’dak iż-żmien ġie mbassar—xi ftit jew wisq mingħajr bażi sodi biżżejj