It-trattament tal-barranin mizmumin f’Malta

“Il-habs huwa post li jrid ixandar il-gustizzja fis-socjetà moderna. Kemm hi sabiha din il-funzjoni! Hija tfittex li tiskopri l-bniedem fl-aspetti l-aktar kumplessi tieghu. Forsi xi kultant ma jirnexxilhiex taghmel dan mill-ewwel. Forsi xi kultant il-fibra ta’ l-ordni jiddghajjef xi ftit. Imma huwa tant sabih dan l-atteggjament, li jfittex kif se jifhem lill-bniedem b’mod aktar profond, mhux biss biex jassiguralu ordni esterjuri, ordni li mbaghad irid iharsu bil-forza jew il-kastig, imma biex jiskopri xi possibbiltà, xi xewqa, mohbija fih li – bhala koncittadini, bhala ahwa, bhala nsara – tista’ u ghandha tigi mhegga u msahha.”
― PAPA PAWLU VI, 9 ta’ April 1964 (Mid-Dlam ghad-Dawl, Jien Qeghidt Ghajnejja f’Ghajnejkom, pagna 58).

Din is-silta, mehudha minn diskors li l-Papa Pawlu VI kien ghamel lill-awtoritajiet karcerarji waqt zjara fil-habs ta’ Regina Coeli, Ruma, tigbor ir-rwol doppju ta’ kull detenzjoni: ir-restrizzjoni fizika u t-tishih tal-personalità. Dan ir-rwol doppju tal-habs jirrifletti, infatti, l-istess rwol doppju tal-gustizzja kriminali kollha, jigifieri li tuza l-kastig, mhux bhala skop fih innifsu, imma bhala mezz ta’ edukazzjoni u opportunitajiet.
Naturalment, fil-kaz taghna, dan jghodd ghall-Maltin daqskemm ghall-barranin. F’dan il-kuntest, meta nitkellmu dwar barranin, inkunu qeghdin nirreferu ghal kulmin ufficjalment m’ghandux cittadinanza Maltija. F’pajjizna, iz-zamma ta’ dawn in-nies tista’ tkun, mhux biss fil-habs ta’ Kordin, imma wkoll fl-isptar Monte Carmeli, fil-kampijiet ta’ detenzjoni ghar-refugjati ta’ Hal Far jew Hal Safi, jew fil-lock-ups tal-pulizija fl-ghassa tal-Belt jew fid-Depot tal-Furjana. Dawn huma ufficjalment il-postijiet f’pajjizna li l-Kunsill ta’ l-Ewropa jirrikonoxxi bhala mkejjen ta’ detenzjoni approvati.

Ftit numri

Sabiex niffurmaw ftit idea ta’ x’qeghdin nitkellmu dwaru, jehtieg li naghtu titwila lejn ftit statistici. L-aktar numri relevanti fil-kuntest taghna hawnhekk huma dawk li jirreferu ghall-barranin li jkunu refugjati u ghal dawk li jaghmlu xi zmien fostna bhala habsin.

REFUGJATI: Fl-ahhar hames snin, bejn l-2002 u l-2006, waslu fostna madwar 8,000 refugjat, l-aktar mill-pajjizi Afrikani (Ministru tal-Gustizzja u l-Intern, The Malta Independent, 19 ta’ Dicembru, 2006). Generalment, mal-wasla taghhom f’Malta, hafna drabi fuq bcejjec tal-bahar, ir-refugjati jitqieghdu f’kampijiet ta’ detenzjoni f’Hal Far jew Hal Safi, jew anki xi kultant fid-Depot tal-Pulizija, il-Furjana. Hawnhekk jaghmlu massimu ta’ 18-il xahar li fihom jigu ezaminati rigward ir-ragunijiet ghala jkunu qeghdin jaharbu minn pajjizhom skond il-kriterji internazzjonali mahduma mill-Gnus Maghquda. Jekk f’dan iz-zmien ta’ detenzjoni ma jkunux inghataw ufficjalment stat ta’ refugjat jew stat umanitarju, jintbaghtu f’xi “centru miftuh” li jinsab f’Malta, fosthom il-Marsa, tnejn Hal-Far, il-Laboratorju tal-Paci, id-Dar tal-Gizwiti (Msida) u il-Kunvent tal-Bon Pastur (Hal-Balzan). Il-fatturi ewlenin ghala Malta qed ikollha ghadd daqshekk kbir ta’ refugjati huma tnejn. L-ewwel, ghax il-bicca l-kbira tar-refugjati jaslu bil-bahar mix-xtut ta’ l-Afrika ta’ Fuq, l-aktar tal-Libja. It-tieni, ghax ir-regjun ta’ bahar miftuh li ghalih huma responsabbli l-Maltin ghall-harsien u s-salvatagg huwa kbir hafna. Ihaddan 250,000 kilometru kwadrat, li fil-fatt hu akbar milli r-risorsi Maltin jistghu jlahhqu maghhom.

Tul dawn l-ahhar hames snin, madwar 45% ta’ l-immigranti illegali li waslu fostna nghataw xi tip ta’ harsien ufficjali (http://en.wikipedia.org/wiki/Malta). Dan hu ekwivalenti ghal madwar 3,600 ruh. Il-bqija (madwar 4,500) ntbaghtu lura f’pajjizhom. Fost it-8,000 refugjat li gew Malta, 5% (madwar 400 ruh) nghataw stat ta’ refugjat u 40% (madwar 3,200) stat umanitarju. Dawn in-nies jibqghu jghixu Malta jew imorru f’xi post iehor Ewropew. Dawn in-numri jikkorrispondu ma’ l-oghla rata ta’ accettazzjoni fil-pajjizi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea.

PRIGUNIERI: F’Dicembru ta’ l-2006, fost it-387 prigunier f’Kordin, kien hemm 134 barrani, jigifieri 35% tal-popolazzjoni kollha (Corradino Correctional Facility, statistici). L-akbar ghadd ta’ dawn kienu Libjani (40%). Warajhom, f’ordni kwantitattiv, jigu t-Tunesini (6%), l-Inglizi (5%), it-Torok (4.5%) u l-Algerini (4%); imbaghad jigu l-Etjopici, is-Sudanizi u t-Taljani (3% kull wiehed); wara, dawk mill-Kosta ta’ l-Ivorju, l-Olandizi, l-Awstrijaki, is-Somali u n-Nigerjani (kollha 2%); imbaghad il-Palestinjani, l-Iraqini, is-Sloveni, il-Bulgari, il-Messikani, il-Panamizi, ic-Chadi, ic-Cinizi u l-Indjani (1%); u fl-ahharnett il-Gordanizi, il-Kolumbjani, l-Ispanjoli, l-Egizzjani, il-Jugoslavi, dawk min-Niger, il-Marokkini, ir-Rumeni, is-Slovakki, l-Eritrej u l-Pakistani (0.7%). Tabilhaqq Gnus Maghquda shiha! Dawn in-numri jinkludu n-nisa, li f’Dicembru ta’ l-2006 kien hemm 15-il priguniera. Fost dawn, disgha kienu barranin (60%).

Mil-lat ta’ religjon, il-bicca l-kbira ta’ dawn il-barranin kienu Musulmani (75%). Warajhom jigu l-Kattolici (10%), il-Protestanti (7%), l-Ortodossi (5%) u fl-ahharnett il-Buddisti (0.7%) u l-Induisti (0.7%). Dawn in-numri jinkludu wkoll il-habsin nisa, li sebgha minnhom kienu Musulmani (78%), wahda Kattolika u ohra Buddista. Il-bicca l-kbira tal-prigunieri barranin (bhall-bicca l-kbira tal-prigunieri Maltin) mhumiex prattikanti. L-aktar komunità religjuza hajja u attiva fil-habs fost il-barranin hija tal-Musulmani. Il-livell ta’ edukazzjoni religjuza tal-prigunieri ta’ kull religjon, inkluz ghall-Insara u l-Musulmani, huwa baxx hafna, bosta drabi null. Xi kultant, izda, fil-habs ghandek issib ukoll individwi (specjalment insara u Musulmani) li jkunu ta’ maturità religjuza partikularment kbira u ta’ spiritwalità sorprendentement profonda.

Il-kura religjuza tal-Kattolici ssir l-aktar mill-Kappillan tal-Habs, li hu patri Kapuccin u impjegat ‘full-time’ mal-habs. Ghall-Kottolici hemm ukoll ghadd ta’ gruppi religjuzi li jzuru l-habs, bhal-Legjun ta’ Marija, il-MUSEUM, il-Prison Fellowship u s-Sorijiet ta’ Madre Tereza. Matul is-sena, ghadd ta’ kappillani anki jzuru prigunieri mill-parrocca taghhom. Il-kura religjuza tal-Musulmani ssir mill-Imam tal-Moskea f’Malta; u dik tal-Protestanti minn pastor Malti tal-Knisja Evangelika. L-Ortodossi, il-Buddisti u l-Induisti m’ghandhomx mexxejja religjuzi li jzuruhom.

Strutturi ta’ harsien

Minkejja li bniedem ikun mizmum minghajr libertà ma jfissirx li jigu b’xi mod sospizi d-drittijiet tieghu bhala bniedem. Dan jghodd ghall-prigunieri, li jkunu l-habs b’arrest jew b’sentenza minhabba xi reat kriminali li jkunu gew akkuzati bih jew sentenzjati ghalih, daqskemm ghar-refugjati, li mhumiex kriminali imma teknikament ikunu kisru biss il-ligi ta’ l-immigrazzjoni. Ghall-harsien tad-drittijiet tal-bniedem fl-imkejjen kollha ta’ zamma jezistu ghadd ta’ mekkanizmi li huma proprjament distinti mill-provedimenti legali. Il-ligi wehidha ma tharisx id-drittijiet tal-persuni; dejjem jehtieg li jkun hemm korpi, kemm governattivi u kemm mhux governattivi, li jghassu fuq il-harsien tal-ligijiet. F’dan il-kuntest ma hu qatt bizzejjed li wiehed jishaq fuq is-siwi kbir li ghandhom l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, ghax dawn aktarx ikollhom interessi istituzzjonali hafna anqas minn dawk governattivi; u ghalhekk xi kultant, anki jekk hafna drabi b’rizorsi umani u finanzjarji limitati hafna, kapaci jaghtu garanzija ahjar ta’ integrità u servizz disinteressat. Illum, bl-Internet dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom kuntatt dirett mad-dinja kollha, inkluz istituzzjonijiet politici gholjin, bhall-Gnus Maghquda, il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea.

REFUGJATI: Filwaqt li l-kampijiet ta’ detenzjoni ta’ Hal Safi u Hal Far jitmexxew mill-Forzi Armati ta’ Malta, is-swali ta’ detenzjoni fid-Depot tal-Furjana jitmexxew mill-pulizija. Naturalment, dawn iz-zewg korpi ghandhom id-dixxiplina interna taghhom rregolata mil-ligijiet ta’ Malta halli jaraw li ma jsirux abbuzi mad-detenuti. Il-gvern jahdem l-aktar f’dan il-qasam permezz tal-Kummissjoni ghar-Refugjati, li tahdem fi shubija mill-qrib mal-Gnus Maghquda. Dan il-harsien hu msahhah minn organizzazzjoni mhux governattiva mmexxija mill-patrijiet u lajci Giswiti, imsejha “Jesuit Refugee Service”, fil-qosor JRS (www.jrsmalta.org). Il-hidma li din l-organizzazzjoni internazzjonali taghmel direttament fl-imkejjen ta’ detenzjoni gieli tigbed il-hars ikrah kemm ta’ diversi membri tal-pubbliku li jkollhom sentimenti xenofobici jew razzisti, imma wkoll tal-gvern, li xi kultant jarahom bhala xewka meta jikkritikawh b’mod qawwi u pubbliku.

PRIGUNIERI: Il-habs hu mmexxi minn dipartiment fi hdan il-Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern, imsejjah id-Dipartiment tal-Korrezzjonijiet. Mieghu ghandu jahdmu diversi nies, inkluz gwardjani tal-habs (ufficjalment imsejha “Correctional Officers”), li jiffurmaw korp militari kkontrollat mil-ligijiet ta’ Malta. Barra minn dan, il-gvern ghandu bord specjali, imsejjah il-Bord tal-Vizitaturi tal-Habs, li l-iskop tieghu hu li jhares li l-amministrazzjoni tal-habs tkun dejjem xierqa u rispettuza ghad-drittijiet tal-bniedem. Dan il-bord jigi maghzul mill-Ministru tal-Gustizzja u l-Intern, li lilu jirrapporta u lejh hu biss responsabbli. Bhala ghaqda mhux governattiva, il-habs ghandu ’l Mid-Dlam ghad-Dawl, fil-qosor MDD (www.mddmalta.org). Il-hidma ta’ din l-organizzazzjoni ta’ ispirazzjoni dumnikana mhijiex biss gewwa l-habs mal-prigunieri, imma wkoll mal-familji taghhom u ma’ eks-prigunieri. MDD giet mibdija mill-prigunieri stess fl-1995 u llum hi rikonoxxuta bhala awtorità fuq materji karcerarji kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjizna.

Importanti li tissemma’ hawnhekk organizzazzjoni ohra li thares fuq kull post ta’ detenzjoni f’pajjizna. Din hi organizzazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u tissejjah “Commission for the Prevention of Torture or any other Inhuman or Degrading Treatment”, fil-qosor CPT (www.cpt.coe.int). Id-delegati ta’ din l-organizzazzjoni jzuru Malta ufficjalment kull hames snin, fejn jipproducu rapport ufficjali li ghalih il-gvern ikun irid iwiegeb b’mod formali. Bejn zjara u ohra, organizzazzjonijiet bhall-JRS u MDD izommu kuntatt kostanti mas-CPT. Barra minn din, perjodikament il-Kunsill ta’ l-Ewropa anki jibghat fostna il-Kummissarju ghad-Drittijiet tal-Bniedem. Bhad-delegati tas-CPT, dan izur l-imkejjen kollha ta’ detenzjoni, inkluz l-isptar Monte Carmeli, jiltaqa’ ma’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi involuti u jipproduci rapport ufficjali fuq dak li jkun ra u sema’.

Harsien legali

Kif wiehed jistenna, dawn il-korpi kollha li semmejna jahdmu fi hdan qafas legali definit. Dan mhux biss ifisser li kulmin hu responsabbli minn xi mizmuma (refugjati jew habsin) ghandu responsabbiltajiet legali li jrid jissodisfa u li jfissrulu l-limiti ta’ l-azzjonijiet tieghu, imma jfisser ukoll li l-mizmuma nfushom jistghu jfittxu li jiksbu rimedju legali jekk jinkisrulhom id-drittijiet taghhom.

Iz-zewg ligijiet ewlenin li jirregolaw l-immigrazzjoni f’Malta u l-habs ta’ Kordin huma, rispettivament, l-Att dwar l-Immigranti (Kapitlu 217 tal-ligijiet ta’ Malta) u r-Regolament tal-Habs (Legislazzjoni Subsidjarja 260.03). Dawn jinkludu provedimenti ghall-harsien tad-drittijiet tal-bniedem. Barra dawn il-ligijiet, hemm ohrajn li, fost hwejjeg ohra, ukoll iharsu dawn id-drittijiet. Fost ohrajn, wiehed isib ligijiet bhall-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea (Kap. 319 tal-Ligijiet ta’ Malta) u l-Att dwar l-Ombudsman (Kap. 385).

Minbarra dawn il-ligijiet regolatorji, wiehed isib ukoll ghadd ta’ dokumenti ufficjali internazzjonali (imsejha “strumenti legali”) li mhumiex tassattivi, jigifieri li ma jobbligaw lil hadd sabiex josservahom, imma ezortattivi, jigifieri jimponu harsien morali. Mill-Gnus Maghquda ghandna, fost ohrajn, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948), ir-Regoli Bazici Stabbiliti ghat-Trattament tal-Prigunieri (1957; emendati fl-1973 biex jinkludu persuni arrestati jew mahbusa bla akkuza), il-Konvenzjoni Internazzjonali ghad-Drittijiet Civili u Politici (1966), id-Dikjarazzjoni ghall-Protezzjoni ta’ kull Persuna milli tigi mqieghda ghat-Tortura jew Trattament jew Kastig iehor Krudili, Inuman jew Degradanti (1975) u l-Principji ta’ Etika Medika (1982). Mill-Kunsill ta’ l-Ewropa ghandna r-Regoli Ewropej tal-Habs (1987) u mill-Unjoni Ewropea ghandna t-Trattat tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (2000).

Sehem il-Knisja

Digà, f’dak li nghad hawnfuq, issemmew il-JRS u MDD, zewg organizzazzjonijiet f’pajjizna li jahdmu, rispettivament, mar-refugjati u l-prigunieri. L-ewwel wahda hija mmexxija mill-patrijiet Gizwiti u t-tieni wahda minni, patri Dumnikan. Dawn mhumiex sempliciment ghaqdiet ta’ beneficenza jew spiritwalità, imma t-tnejn jagixxu bhal speci ta’ “unions” b’azzjonijiet li jistghu jissejhu “politici”. Dan ghaliex huma militanti fl-oqsma civili tal-gustizzja u s-sigurtà u l-libertà tal-persuni. Barra minn hekk, ma jillimitawx ruhhom ghal interventi fuq livell individwali u personali biss, imma aktar u aktar fuq livell kollettiv u pubbliku. L-ispiritwalità ta’ dawn iz-zewg ghaqdiet, kull wahda bix-xejra partikulari taghha, ma tintrabatx biss ma’ l-intimu tal-persuni, imma aktar u aktar mar-relazzjonijiet socjali taghhom. Min-naha l-ohra, gruppi ta’ natura aktar “spiritwali”, bhal dawk li digà ssemmew aktar ’il fuq, ghandhom ir-rwol siewi taghhom minhabba li joffru farag u sabar lill-imgarrab, anki jekk il-firxa ta’ l-intervent taghhom hija partikulari, specifika u dejqa hafna.

Naturalment, it-tnejn skond il-qasam taghhom, il-JRS u MDD jaraw li d-drittijiet tal-mizmuma jigu mharsa dejjem, kullimkien u minn kulhadd; u jaraw ukoll li l-kundizzjonijiet ta’ ghajxien tal-mizmuma jkunu jixirqu d-dinjità tal-persuni umani. Bhalma gie ndikat aktar ’il fuq, dawn iz-zewg organizzazzjonijiet ghandhom kuntatti wisghin barra minn Malta ma’ ghaqdiet u organizzazzjonijiet, kemm ta’ l-istess ordni religjuz taghhom, kemm ma’ ghaqdiet religjuzi ta’ l-istess xejra ta’ kull wiehed minnhom u kemm ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali f’diversi pajjizi ta’ l-Ewropa u tad-dinja. Dawn ir-rabtiet u kuntatti jaghtuhom, mhux biss opportunità ta’ qsim ta’ ideat u esperjenzi, imma wkoll aktar heffa fil-komunikazzjoni ta’ processi u prattiki li ma jkunux ghal kollox skond l-ispirtu u l-ittra ta’ l-istrumenti legali nazzjonali u internazzjonali li jharsu d-drittijiet tal-bniedem u, partikularment, tal-mizmuma.

It-trattament tal-barranin detenuti

Il-prigunieri barranin u r-refugjati detenuti huma min-natura taghhom f’pozizzjoni zvantaggjuza. L-izolament doppju taghhom mhux biss jikkonsisti fin-nuqqas ta’ libertà, imma huma mizmuma f’pajjiz barrani. Fil-kuntest Malti jezisti ferq qawwi bejn prigunieri mizmuma taht il-ligi kriminali u d-detenuti mizmuma taht il-ligijiet ta’ l-immigrazzjoni. Iz-zewq tipi huma ttrattati ghal kollox differenti, b’kundizzjonijiet li jvarjaw hafna minn xulxin. Ghalkemm il-ligi ta’ l-immigrazzjoni ghandha influwenza fiz-zewg kazi, fil-prattika iz-zewg tipi ma jistghux jigu mqabbla ma’ xulxin. B’mod generali, il-prigunieri barranin jigu ttrattati hafna ahjar mir-refugjati detenuti.

Dan hu ironiku. Ghax filwaqt li l-prigunieri barranin ikunu kkommettew reati kriminali, xi kultant serji, ir-refugjati detenuti ma jkunu kkommettew ebda reat kriminali, imma biss ikunu dahlu Malta irregolarment. Din id-differenza fit-trattament taz-zewg kategorijiet ta’ nies mizmumin tista’ tigi spjegata biss mil-lat kwantitattiv. Ghax ir-refugjati detenetu huma, bhalma rajna hawn fuq, hafna aktar fil-ghadd mill-barranin mizmumin il-habs. Id-detenzjoni tar-refugjati, problematika u oggezzjonabbli fiha nnifisha, qed tiggenera qaghda mwieghra. Certament, iz-zamma tar-refugjati fil-kampijiet ta’ detenzjoni mhijiex kundizzjoni mixtieqa jew accettabbli, imma c-cirkustanzi jaghmluha difficli ferm li s-sitwazzjoni tkun mod iehor.

Il-qaghda tal-prigunieri barranin hija haga differenti ghal kollox. Difficli kemm hi difficli, id-detenzjoni ta’ dawn in-nies hija bil-wisq aktar razzjonali. Il-problemi l-aktar komuni ghal dawn il-barranin huma principalment erbgha. L-ewwelnett, hafna drabi fis-sistema tal-gustizzja kriminali taghna jhossuhom mitlufin u mhawda. Kull process gudizzjarju l-ewwel jibda billi tinstama’ l-prosekuzzjoni, imbaghad id-difiza. Spiss jigri li l-akkuzat ikun jista’ jghid tieghu quddiem il-qorti wara hafna xhur, sakemm il-prosekuzzjoni tlesti s-sottomissjonijiet taghha. Dan jigri anki f’kazijiet fejn ikun sar arrest zbaljat. Minhabba li l-qrati qatt ma jaccettaw li jaghtu lill-barranin il-libertà provizorja, l-akkuzati ikollom jibqghu jistennew fil-habs il-waqt taghhom sabiex jipprezentaw quddiem il-qorti l-innocenza taghhom. Ghaz-zmien mghoddi fil-habs, anki jekk ghalxejn jew bi zball, is-sistema gudizzjarja ma taghti ebda rikompensa.

It-tieni, il-bicca l-kbira tas-sentenzjati barranin jinghataw sentenzi (hafna) itwal mas-sentenzjati Maltin. Dan isir, kif diversi drabi stqarrew il-qrati stess, minhabba li l-barranin ikunu “abbuzaw mill-ospitabilità ta’ pajjizna” u sabiex “jinghata messagg” lill-barranin kollha li Malta mhijiex lesta tittollera barranin li jiksru l-ligi taghha. Naturalment, dan johloq hafna mrar. Imma l-effett l-aktar serju ta’ din il-prattika huwa li l-barranin ma jkunux jistghu jintbaghtu lura f’pajjizhom sabiex jiskontaw ghallanqas it-tieni nofs tas-sentenza taghhom. It-trasferimenti huma possibbli permezz tad-diversi trattati li ghandha Malta ma’ pajjizi tal-Magreb u permezz tal-Konvenzjoni (Ewropea) ghat-Trasferiment ta’ Persuni Ssentenzjati. Imma l-fatt li s-sentenzi moghtijin f’Malta huma hafna itwal minn dawk moghtijin ghall-istess reati f’pajjizi ohra jaghmilha impossibbli li l-pajjizi barranin izommu prigunieri daqshekk fit-tul fil-habsijiet taghhom ghal reati li f’dawk il-pajjizi jimmeritaw sentenzi hafna iqsar. Trasferiment isir bil-kundizzjoni li s-sentenza moghtija f’Malta ma tiqsarx, kundizzjoni li pajjizi ohra ma jistghux jaccettaw.

It-tielet, fil-habs dawk il-prigunieri barranin li ma jithaddtux bil-Malti, bit-Taljan jew bl-Ingliz, isibu problemi kbar ta’ komunikazzjoni. Din il-problema taghmlilhom hajjithom izolata u mizerabbli. Dan ikompli jikkomplika ruhu meta, minhabba l-ikel “tqil” li jisserva f’Malta, bosta prigunieri mill-Afrika u aktar u aktar mill-Asja jispiccaw ikkonstipati jew b’problemi serji intestinali li ghalihom ikollhom jiehdu bosta medicini.

Ir-raba’, bhala parti mis-sentenza taghhom, il-prigunieri barranin kollha jkollhom inkluza dik li tissejjah “revoval order”, jigifieri li jintbaghtu lura lejn pajjizhom hekk kif jiskontaw is-sentenza taghhom. Din iz-zjieda timpedihom milli jgawdu mill-opportunitajiet riabilitattivi li jezistu ghall-prigunieri Maltin. Dawn l-opportunitajiet jinkludu l-kura ghall-fejqan mill-vizzji tad-droga u/jew l-alkohol. Ghaldaqstant, f’Malta prigunieri drogati barranin ma jinghataw ebda terapija riabilitattiva bhalma jista’ jinghata lill-prigunieri Maltin.

Detenzjoni u razzizmu

Il-kazijiet serji ta’ diskriminazzjoni jew trattament hazin ta’ detenuti barranin minhabba fehmiet razzisti huma izolati u rari, kemm fil-habs, kemm fil-kampijiet tar-refugjati u anki fil-perjodu li d-detenuti jkunu arrestati f’idejn il-pulizija. Xi kultant kazijiet bhal dawn jinholqu aktar minhabba xi ufficjali individwali li jkunu qabzu l-limiti tas-setghat taghhom u agixxew abbuzivament milli minhabba xi attitudni istituzzjonalizzata.

Istituzzjonalment, l-awtoritajiet civili jikkonformaw ruhhom ghal kollox mal-ligi Maltija, li hi decizament u kategorikament anti-razzista u anti-diskriminatorja. Minkejja dan, però, fost il-membri tal-Forzi Armati, tal-Korp tal-Pulizija u tal-korp tal-gwardjani tal-habs mhuwiex rari li ssib xi whud li, personalment, huma mdakkrin minn dawk il-pregudizzji li jinsabu mifruxin fost il-poplu Malti, pregudizzji li huma razzisti, xenofobici, omofobici u/jew islamofobici. Xi kultant, dawn il-pregudizzji irrazzjonali jigu espressi b’mod informali fir-relazzjonijiet ta’ kuljum li membri ta’ dawn il-korpi jkollhom mad-detenuti. Fil-fatt, attitudnijiet bhal dawn aktar issibhom fir-relazzjonijiet mar-refugjati milli mal-prigunieri barranin. Huma attitudnijiet li, ghalkemm rarament isiru preokkupanti, certament jikkontribwixxu biex jaghmlu l-hajja tad-detenuti barranin aktar mizerabbli milli digà tkun.

Minkejja (jew minhabba) dan kollu, il-possibbiltà ta’ kazijiet serji razzisti hija dejjem prezenti. Hu ghalhekk li trid tibqa’ ssir vigilanza kostanti u kontinwa. Quddiem din il-possibbiltà perikoluza, kemm il-JRS fil-kampijiet tar-refugjati u kemm MDD fil-habs jezercitaw “tolleranza zero” ghal kull att – razzista u mhux – li jkun b’xi mod krudili, degradanti u/jew vjolenti. Meta l-kaz ikun “zghir”, generalment isir biss rapport lill-awtoritajiet koncernanti f’Malta. Imma meta jkun ta’ natura aktar serja, dawn l-organi jirrapportaw il-kaz lill-istituzzjonijiet kompetenti barra minn Malta, specjalment fil-Gnus Maghquda, il-Kunsill ta’ l-Ewropa u/jew l-Unjoni Ewropea. Xi kultant, anki jirrikorru sabiex ixandruh pubblikament permezz tal-medja. Hafna drabi, f’sitwazzjonijiet bhal dawn l-awtoritajiet Maltin isiru immedjatament difensivi u protettivi; u fl-ahhar mill-ahhar il-vittmi rarament jiehdu xi sodisfazzjon ufficjali ghall-att ingust li jkunu garrbu. Minkejja dan, il-kxif u d-denunzja ta’ l-atti nfushom iservu ta’ deterrent importanti. Hu wisq probabbli li minghajr il-harsien u l-azzjonijiet tal-JRS u MDD, ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikunu aktar frekwenti u certament mistura ghal kollox.

Eghluq

Bhalma jghid San Tumas ta’ Akwinu (IaIIae, Q.87, a.3, ad 2; a.7, c.; u a.8, c.), kull kastig (jew trazzin) ghandu jkun “medicinali” u jservi ta’ mezz ghar-“rekuperazzjoni tas-sahha”. Ir-referenza hawnhekk mhijiex ghas-sahha fizika daqskemm ghas-sahha ta’ l-ispirtu uman. Fiz-zjara li l-Arcisqof Pawlu Cremona O.P. ghamel fil-habs ta’ Malta fit-30 ta’ Jannar 2007 bhala parti mill-ordinazzjoni episkopali tieghu, huwa sahaq mal-prigunieri li huma xbieha ta’ Alla u li xejn ma jista’ jhassar din ix-xbieha, lanqas id-detenzjoni jew il-kastig. Dan hu l-istess messagg li l-Arcisqof ghadda wkoll lir-refugjati meta fl-istess zmien zar il-kampijiet taghhom f’Malta. Ghan-nisrani, ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem tibda minn hawn, mix-xbieha ta’ Alla f’kull bniedem. Din hi l-missjoni tal-gustizzja li sahaq fuqha l-Papa Pawlu VI fis-silta li bdejna biha, missjoni li hija parti integrali mill-messagg evangeliku.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?