Posts

Showing posts from July, 2013

Il-ġlieda kontra d-djuq

Image
Jekk toqgħod tinnota, kulmeta tiltaqa’ ma’ argumenti ġejjin minn persuni konservattivi, wieħed mid-difetti ewlenin tagħhom ikun li l-kunċetti u d-definizzjonijiet jintużaw b’tifsira dejqa. Dak li dejjem jipprova jagħmel persuna ta’ mentalità aktar liberali biex jirribatti dawn l-argumenti huwa li jwessa’ t-tifsira tal-kunċetti u d-definizzjonijiet mogħtija. Dan hu meħtieġ għal viżjoni aktar inklużiva u komprensiva. Tifsiriet dojoq u wiesa’ Hija ħaġa kurjuża kif il-kliem għandhom it-tendenza li jidjiequ maż-żmien. Jibdew minn tifsira wiesa’, imbagħad, ftit ftit, it-tifsira tagħhom tagħhom tidjieq; min jużahom jibda jifhem bihom ħwejjeġ aktar speċifiċi u partikulari. Il-kelma ‘blat’, ngħidu aħna, kienet tirreferi għall-muntanji fi żmien il-qedem, iżda issa tirreferi biss għall-materjal li jagħmel muntanja jew għolja. It-tifsira tagħha djieqet u hekk ħafna drabi jiġri minn kliem ieħor. Dan jgħodd ukoll għall-kunċetti u l-ideat. Jibdew b’tifsiriet li jħaddnu fihom ħafna ħwejjeġ u j

It-turment ta’ Jean-Pierre Abdilla

Image
Il-każ tal-eks-pulizija Jean-Pierre Abdilla jmur lura għal tmien snin u nofs ilu, fil-bidu tal-2005. F’Diċembru tal-2009, tliet snin u nofs ilu, Jean-Pierre weħel sentenza ta’ 16-il sena ħabs, 40,600 Ewro multa u l-konfiska tal-assi kollha tiegħu. Daqshekk—tliet snin u nofs—ilu jistenna Jean-Pierre fil-ħabs biex jinqatagħlu l-appell tiegħu. F’dan iż-żmien, tellgħuh il-qorti xejn anqas minn 25 darba! Dejjem deferita. Dejjem it-turment tiegħu jitwal bi ftit xhur oħra. Każ stramb Dwar il-każ ta’ Jean-Pierre kont diġà ktibt tliet snin u nofs ilu, f’Jannar tal-2010 . U mhux jien biss . Dan il-missier ta’ żewġt t’itfal li llum għandu 37 sena, l-Avukat Ġenerali kien tellgħu ġuri fuq nofs gramma droga li qatt ma ġiet ippreżentata l-qorti! Il-prosekuzzjoni kienet serrħet l-akkużi tagħha kontra Jean-Pierre fuq ix-xhieda ta’ kriminal ikkonfermat, eks-pulizija ieħor, li jidher li kien qrib ħafna ta’ xi membri għolja fil-Korp tal-Pulizija. Iżda dawn mhumiex l-uniċi stramberiji fil-każ ta’

Il-qalb imħassra ta’ poplu ‘nisrani’

Image
X’sitt t’ijiem dawk ta’ rivelazzjoni! Ġrajja wara l-oħra li flimkien għamlu storja tajba! Fl-4 ta’ Lulju daħlu Malta 291 refuġjat. Dak in-nhar stess, il-Prim Ministru qal li biħsiebu jibgħathom lura l-Libja minfejn ġew. Tmien t’ijiem wara, fit-8 ta’ Lulju, il-Papa żar Lampedusa fejn appella biex ‘nisimgħu d-dmugħ’ tar-refuġjati. L-għada, 9 ta’ Lulju, l-isqfijiet kattoliċi Maltin appellaw lill-gvern li “jkompli jwettaq politika ta’ ospitalità”. Fl-istess jum daħlu Malta 102 refuġjat ieħor. Fl-istess jum, għad ta’ żgħażagħ minn 11-il għaqda mhux-governattiva ipprotestaw quddiem id-Depot tal-Pulizija biex ir-refuġjati ma jintbagħtux lura. Bl-istess skop, f’dak il-jum ukoll 69 avukat (aktarx ta’ xejra nazzjonalista) għamlu protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru u oħrajn. Fl-istess jum, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet “temporanjament” li l-gvern m’għandux jibgħat ir-refuġjati lura. Filgħaxija tal-istess jum, il-Prim Ministru ħabbar li ġibed lura d-de

Soluzzjoni ‘loġika’ għas-Sirja

Image
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George Vella, bħala rappreżentant tal-gvern Malti fil-qasam tiegħu fl-Unjoni Ewropea, kien parti minn deċiżjoni li ttieħdet li, fl-aħħar tax-xahar li għadda, ma jiġġeddidx l-embargo tal-armi li kien hemm fil-konfront tas-Sirja u li kull pajjiż individwali tal-Unjoni seta’ jiddeċiedi għal rasu jagħtix l-armi li ‘xi wħud’ mir-ribelli Sirjani jew le. Appoġġ għall-armi Fil-Parlament, Dr Vella ġġustifika din il-pożizzjoni bħala waħda li evitat deċiżjonijiet agħar, ċjoè evitat li l-embargo jitneħħa għal kollox mingħajr ma jinħaseb xejn floku jew li l-Unjoni nnifisha tibgħat l-armi lil ‘xi wħud’ mir-ribelli ta’ kontra l-gvern ta’ Baxar Al-Assad. Wieħed jista’ jiddiskuti jekk din il-ġustifikazzjoni hijiex valida jew le. Ngħidu aħna, Malta dejjem setgħet tieħu l-pożizzjoni li tibqa’ bħal qabel tinsisti fuq l-embargo totali tal-armi lis-Sirja. Minflok, għażlet li, minkejja l-istat kostituzzjonalment newtrali tagħha (jiġifier