It-turment ta’ Jean-Pierre Abdilla

Il-każ tal-eks-pulizija Jean-Pierre Abdilla jmur lura għal tmien snin u nofs ilu, fil-bidu tal-2005. F’Diċembru tal-2009, tliet snin u nofs ilu, Jean-Pierre weħel sentenza ta’ 16-il sena ħabs, 40,600 Ewro multa u l-konfiska tal-assi kollha tiegħu. Daqshekk—tliet snin u nofs—ilu jistenna Jean-Pierre fil-ħabs biex jinqatagħlu l-appell tiegħu. F’dan iż-żmien, tellgħuh il-qorti xejn anqas minn 25 darba! Dejjem deferita. Dejjem it-turment tiegħu jitwal bi ftit xhur oħra.

Każ stramb

Dwar il-każ ta’ Jean-Pierre kont diġà ktibt tliet snin u nofs ilu, f’Jannar tal-2010. U mhux jien biss. Dan il-missier ta’ żewġt t’itfal li llum għandu 37 sena, l-Avukat Ġenerali kien tellgħu ġuri fuq nofs gramma droga li qatt ma ġiet ippreżentata l-qorti! Il-prosekuzzjoni kienet serrħet l-akkużi tagħha kontra Jean-Pierre fuq ix-xhieda ta’ kriminal ikkonfermat, eks-pulizija ieħor, li jidher li kien qrib ħafna ta’ xi membri għolja fil-Korp tal-Pulizija.

Iżda dawn mhumiex l-uniċi stramberiji fil-każ ta’ Jean-Pierre. Minkejja li kellu l-kondotta nadifa, minkejja li l-pulizija fittxewlu l-proprjetà tiegħu għad-droga u qatt sabulu xejn, minkejja li ebda prova ma ttellgħet li qatt ittraffika d-droga jew kellu d-droga fil-pussess tiegħu, minkejja li l-provi wrew li x-xhud prinċipali kontrih kellu kull motiv biex jigdeb u li seta’ jinqabad jigdeb, minkejja li xi provi kontrih kienu konflinġenti, minkejja li l-videos li ttellgħu kontrih kellhom biċċiet maqtugħa, minkejja li l-qorti ttellgħet xhud li kkonfermat il-versjoni tiegħu tal-fatti ... minkejja dan kollu, xorta waħda nstab ħati.

Imma forsi l-aħħar fatt stramb huwa li l-appell ta’ Jean-Pierre baqa’ ma nqatax wara 25 seduta deferita, żewġ imħallfin u tliet snin u nofs ħabs. Jekk din hi ġustizzja, allura jien isqof ta’ Ruma.

Ħajja mdendla

Forsi int ma tistax timmaġina biżżejjed it-turment li jgħaddi minnu bniedem meta, għal tliet snin u nofs sħaħ, jittella’ l-qorti 25 darba għalxejn. Forsi ma tistax timmaġina biżżejjed x’tortura fiha li tara jinqatgħu l-appelli ta’ ħaddieħor li kellhom każijiet ma’ tiegħek jew ukoll warajk u int tibqa’ l-art. Forsi ma tistax timmaġina biżżejjed xi jfisser tgħaddi aktar minn elf u tliet mitt jum u lejl (1,300), wieħed wara l-ieħor, tistenna bħal ruħ tal-purgatorju li ssir ħniena minnek. Tgħix imdendel iqattgħek minn ġewwa u jifnik minn barra. Mhux lilek biss, iżda wkoll lil martek, lil uliedek u lil kulmin hu qrib tiegħek.

Int forsi dan ma tistax timmaġinah biżżejjed għax, għall-grazzja t’Alla, ma kellekx l-isfortuna li tgħaddi minn dan kollu jew kellek x’taqsam ma’ nies li ħalfu li kissruk akkost ta’ kollox.

Minkejja dan, tista’ faċilment timmaġina li dan l-infern jgħaddi minnu kulmin il-każ ġudizzjarju tiegħu jitwal b’mod irraġunevoli fuq medda twila ta’ snin, u aktar u aktar meta wieħed ikun jaf li l-każ tiegħu huwa miżgħud stramberiji li b’xi mod daqstant stramb wasslu għall-qerda tiegħu. Inti tifhem daqsi u daqs kulmin għandu rasu fuq għonqu li ġustizzja bla ħniena ma hi ġustizzja xejn. Hija kattiverja. Hija għajb ta’ nazzjon li suppost hu ċivilizzat.

Lill-Imħallef David Scicluna

Jien nappella minn hawnhekk lill-Imħallef David Scicluna, li f’idejh jinsab l-appell ta’ Jean-Pierre Abdilla bħalissa, sabiex ifittex itemm dan l-imbierek appell u jġib fit-tmiem it-turment li għaddej minnu hu u l-familja tiegħu. Jien m’għandix dubju mill-integrità ta’ Dr Scicluna u mis-serjetà u l-attenzjoni li biha jaħdem. Iżda jidhirli li hawnhekk jista’ jsir ftit tal-isforz akbar sabiex l-appell ta’ Jean-Pierre ma jittawwalx aktar milli assulatement meħtieġ.

Ma jidhirlix li hawnhekk għandi għalfejn inżid wisq fuq il-fatt li Jean-Pierre diġà ra ħafna, forsi żżejjed, ma’ wiċċu. Żgur li din it-tortura li jibqa’ jiġi mgħoddi minn seduta deferita għal oħra mhijiex tgħin għas-saħħa fiżika u mentali tiegħu, u lanqas għall-paċi u l-għaqda tal-familja tiegħu. Huwa mis-sens ta’ deċenza li nappella:

F’ġieħ il-ħniena, waqqfu darba għal dejjem it-turment ta’ Jean-Pierre Abdilla!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?