Posts

Showing posts from October, 2016

Il-ħaddiema barranin

Image
Qed issir ħaġa dejjem aktar komuni li ningħataw servizz minn ħaddiema barranin li ma jitkellmux bil-Malti. Imma bosta minnhom lanqas bl-Ingliż ma jafu jitkellmu, u spiss issib li bil-kemm kemm jifhmu dak li tgħidilhom. Ma jidhirlix li xi ħadd għandu jsiġ oġġezzjoni li l-barranin jaħdmu Malta la darba l-impjieg tagħhom huwa regolari, iżda li donnu ħadd ma jagħmel xejn bis-sengħa komunikattiva tagħhom ma naħsibx li hija xierqa. Ma jifhmux l-Ingliż F’restoranti, f’uffiċċji tal-gvern u tal-privat u f’servizzi oħra pubbliċi qed nidraw niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ ħaddiema barranin. Infatti, jidher li l-aktar servizzi bażiċi aktar qed jiġu popolati mill-barranin milli mill-Maltin. Din ma fiha xejn ħażin għalkemm il-fenomenu, fih innifsu, jagħti wieħed x’jaħseb fuq id-dinamika tal-impjiegi. Hu x’inhu, dawn il-barranin f’servizzi bażiċi wieħed jistenna li jkunu jafu jikkomunikaw, jekk mhux bil-Malti, għall-anqas bl-Ingliż. Apparti l-fatt li, ħafna drabi, l-Ingliż ta’ dawn il-ħaddiema barrani

L-Amerika sal-barkun

Image
Ninsabu fl-aħħar jiem jaħarqu tal-kampanja twila Amerikana għall-elezzjoni tal-45 President tal-Istati Uniti tal-Amerika. Ftit aktar minn ħmistax oħra, il-biċċa l-kbira tal-elettorat Amerikan irid jagħżel bejn ir-Repubblikan Donald Trump u d-Demokratika Hillary Clinton min minnhom se jkun fid-Dar il-Bajda mill-20 ta’ Jannar tal-2017 għall-erba’ snin ta’ wara. Ħdura u mibegħda Min segwa din il-kampanja matul ix-xhur, kif ukoll kampanji simili fi snin imgħoddija, jista’ jgħid kemm kienet atroċi u qalila. Qatt qabel ma kien hemm tant ħdura bejn il-kandidati, qatt tant baxxezza, qatt tant tgħajjir pastaż, qatt tant akkużi malafamanti. Din kienet l-agħar kampanja elettorali Amerikani ta’ kull żmien. Il-ħdura ta’ bejn il-kandidati nfirxet sa fl-elettorat ukoll u sa nbidlet f’mibegħda. Iż-żewġ kampijiet m’humiex mifruda biss fuq prinċipji u proposti politiċi, imma aktar u aktar fuq il-personalitajiet involuti, jiġifieri Trump u Clinton. U l-agħar, issa li għad fadal ftit jiem oħra bis

L-għannej ta’ qtil

Image
Nhar il-Ġimgħa, jekk trid, jista’ jkollok appuntament interessanti: il-ħruġ uffiċjali ta’ ktieb dwar qtil makabru li sar tliet mitt sena ilu. Din l-attività se ssir fil-kunvent tad-Dumnikani tal-belt Valletta, Triq San Duminku, mis-7.00 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Se jieħu sehem ukoll f’din l-attività l-għannej Kalċidon Vella bil-prim kitarrist Ronnie Calleja. Storja u għana Hemm raġuni għala din l-attività se ssir fil-kunvent tad-Dumnikani tal-Belt. Dan għax il-qtil li fuqu jitkellem il-ktieb il-ġdid sar proprju f’dan il-kunvent fl-1738. Il-vittma kienet Patri Viċenz Grimani, Dumnikan żagħżugħ ta’ 34 sena. Dan inqatel fiċ-ċella tiegħu stess. Hemm raġuni wkoll għala fl-attività se jieħu sehem ukoll l-għannej Kalċidon ‘Id-Danny’ bil-kitarrist Ronnie ‘Tal-Mosta’. Għax fl-1738, ftit jiem wara li nqatel il-patri, kien hemm għannej li ġietu f’rasu jgħanni l-istorja tal-qtil. Il-ballata tiegħu waslet s’għandna għax qassis kiteb il-vrus tagħha, li issa jinsabu f’manuskritt fil-Biblijot

L-għawġ ta’ Aleppo

Image
Aleppo, il-belt kbira tas-Sirja li tinsab fil-majjistral tal-pajjiż, illum saret sinonima mal-qerda u t-traġedja, l-istess bħalma fi żminijiet oħrajn kienu sfortunatament saru mkejjen oħra bħal Bejrut u Belfast. Bħal dawk l-ibliet vittmi tal-vjolenza għamja tal-bniedem, Aleppo wkoll illum tista’ tindara b’tali mod li l-għawġ li qed isir il-ħin kollu fih—ukoll waqt li taqra dan—jintesa u jitwarrab mill-ħsieb. L-għawġ ma jonqosx Il-belt ta’ Aleppo hija waħda mill-eqdem postijiet fid-dinja abibata kontinwament sa mis-6 millennju qabel Kristu. Għandha popolazzjoni ta’ madwar żewġ miljun ruħ. Il-gwerra ċivili Sirjana laqtitha bil-kbir u llum hi assedjata kuljum, lejl u nhar. In-nies ta’ Aleppo qed jgħixu kull mument bħallikieku kien eternità, ma jafux humiex se jirnexxielhom jgħixu sal-għada jew ukoll sa filgħaxija. Franza u Spanja qed jagħmlu minn kollox mal-Ġnus Magħquda sabiex jieqaf il-ġlied f’Aleppo u n-nies tagħha jingħataw ftit nifs mit-terrur li għaddejjin minnu. L-Istati Un

Tal-linja fl-ajruport

Image
Jekk hawn post li huwa mħabbat tista’ tgħid binnhar u billejl huwa l-ajruport. Iżda mhux għalhekk jeħtieġ attenzjoni speċjali mis-servizzi pubbliċi u privati. Jeħtieġ attenzjoni speċjali għaliex huwa mill-ajruport li dawk li jżuru ’l pajjiżna jieħdu l-ewwel impressjonijiet tajba jew ħżiena tagħna. Tajjeb; aħjar? Is-servizz tal-linja offrut mill- u għall-ajruport huwa wieħed biss minn għadd kbir ta’ servizzi oħrajn li jingħataw f’dan il-post. Jista’ jkun li lanqas ma hu l-aktar importanti, wkoll. Iżda hu servizz li, la darba jingħata, għall-anqas għandu jkun wieħed li jgħin kemm jista’ jkun lin-nies. Żgur m’għandux ikun hemm biex ifixkilhom. Ibda biex, jeħtieġ li wieħed jgħid li, f’dawn l-aħħar ftit snin, dan is-servizz tal-linja mill- u għall-ajruport tjieb fuq li tjieb. Iżda xi kultant, xi ħadd li jagħmel id-deċiżjonijiet jaqbad u jaqtagħha li jibgħat lura servizz bħal dan li kien sejjer ħarir. Jista’ jkun biex xi ħadd jiffranka. Jista’ jkun biex xi ħadd jagħmel sold aktar.