Posts

Showing posts from August, 2016

In-Nasseriżmu bħala għajn tal-ħsieb politiku ta’ Mintoff

Image
Mintoff ma waqax mis-sema. Kien hemm diversi kuntesti u bosta għejun għall-ħsibijietu u għall-personalità kumplessa tiegħu. Hawnhekk ma rridx intawwal wisq fuq xi waħda minnhom. Xtaqt biss insemmihom biex naħsbu ftit fuqhom u biex jgħinuna ħalli nibdew inwessgħu daqsxejn il-perspettiva li jista’ jkollna tal-Perit. Niftaħ biss fuq waħda minn dawn l-għejun. Qabel xejn, nibda biex insemmi għadd ta’ għejun ewlenin li jidhirli huma relevanti għat-tiswir tal-personalità u l-ħsibijiet tal-Perit Mintoff. Dawn li se nsemmi jistgħu ma jkunux l-uniċi għejun tiegħu, iżda aktarx huma l-ewlenin. L-għejun minuri għalissa mhu se nsemmihom xejn. L-ewwel, jidhirli li hemm mill-anqas tliet għejun ewlenin li, b’modi u intensitajiet differenti, sawru l-ħsieb u l-personalità bikrin ta’ Mintoff. Dawn huma: Ommu, Il-familja ta’ missieru u It-tabib Pawlu Boffa. Dawn l-influwenzi jidhru li kienu determinanti, f’din l-ordni li semmejthom, għal dak li l-Perit Mintoff kellu jkun, kemm personalment u k

Kemm nobgħod il-funerali!

Image
Nifhem perfettament li l-funerali huma l-aħħar tislima lill-mejtin u, għal xi wħud, talba għall-mistrieħ ta’ ruħhom. Nifhem perfettament ukoll li ħafna nies huma ġenwini meta jieħdu sehem f’xi funeral. Iżda nifhem perfettament ukoll li l-funerali huma l-quċċata ta’ ħafna ipokreżija, dmugħ tal-kukkudrilli u xeni għal wiċċ in-nies. Kemm nixtieq li jien qatt ma jkolli funeral! Ma rridx funeral M’iniex qed ngħid dan—li ma jkollix funeral—għax għandi xi xewqa li ma mmut qatt. Xejn minn dan. Għall-grazzja tal-ħanin Alla, xi darba nintemmu bħal ħaddieħor. Lanqas ma ngħid dan biex nonqos bl-iċken mod mir-rispett lejn min inħalli warajja u jkun jixtieq jesprimi d-dieqa u s-sentimenti tiegħu. Le. Ma nixtieqx funeral għax naf li għall-funeral tiegħi, bħalma għall-funerali l-oħra kollha tad-dinja, li qatt saru u li qatt iridu jsiru, arahom ġejjin b’wiċċ imqarras nies li f’qalbhom probabbli jkunu qed jiżfnu u jkantaw id-“Don’t Stop Me Now” tal-Queen (meqjusa l-aktar kanzunetta allegra tad-d

Mitt Sena mit-Twelid ta’ Dom Mintoff

Image
Diskors mogħti fil-Berġa ta’ Kastilja, Valletta L-Erbgħa, it-3 ta’ Awwissu tal-2016 f'għeluq il-100 sena mit-twelid tal-Perit Dom Mintoff Mark Montebello F’waħda min-novelli tal-2009 l-aktar magħrufa, Ir-Raġel ta’ Mitt Sena li Ħareġ mit-Tieqa u Għeb , il-kittieb Żvediż Jonas Jonasson jirrakkonta din l-istorja avventuruża ta’ wieħed li għalaq mitt sena. Ftit minuti qabel ma ħbiebu għamlulu festin f’għeluq sninu, ħarbilhom mit-tieqa u, b’ta’ fuqu senduqu, bil-papoċċ f’saqajh, telaq għal għonq it-triq biex tgħidx kemm ħa keded u nkwieta nies! Il-lejla nistħajjel lil Mintoff jagħmel l-istess. Mhux il-lejla biss. Nistħajlu jiżgiċċa u jaħrab kulmeta jsirulu tifkiriet li jirromantiċizzawh, jidealizzawh, jissentimentalizzawh, jidolatrizzawh, jipproġettaw fuqu kull xorta ta’ platitudnijiet, u jpinġuh lil hinn mill-umanità sabiħa li kellu, umanità dgħajfa, umanità mistħija, umanità midinba, iżda wkoll umanità sensittiva, umanità ġeneruża. F

Is-sajf sabiħ tal-ġonna

Image
Ma nafx taqbilx miegħi. Jien jidhirli li l-isbaħ żmien tal-ġonna f’Malta u Għawdex huwa s-sajf. Jista’ jkun minħabba l-qawwa tad-dawl, jew għandu mnejn minħabba l-ġdid li jiżhar fuq l-ixtieli kollha u l-frott u l-ward li jikber bl-abbundanza, xi ħaġa fis-sajf tagħti dehra mill-isbaħ lill-ġnien Malti biex donnu joħroġ l-aqwa tiegħu. Il-ħajja tal-ġnien Teħodnix li jien xi espert tal-ġonna. Hawnhekk niskuża ruħi ma’ dawk kollha—li naf li mhumiex ftit f’Malta u Għawdex—li jħobbu l-ġonna, jieħdu ħsiebhom u jitgħaxxqu bihom. Ħafna minnhom huma esperti u jifhmu f’dan is-suġġett ħafna aktar minni. Jien delettant żgħir li nitgħallem mill-ftit esperjenza li għandi. Il-ġnien li nieħu ħsieb jien huwa mdaqqas. Ħloqtu jien minn għalqa żdingata u mitluqa. Ridt noħloq spazju ta’ trankwillità li jgħaxxaq. Qatt ma kelli f’moħħi li noħloq xi ġnien à la Ingliża, fejn kollox jidher perfett u ebda werqa ma tkun barra minn lokha. Mid-dehra, aħna l-Maltin u l-Għawdxin m’aħniex miġbudin wisq lejn ġonna

L-istorja u min jiktibha / History bottom-up

Image
Wasal iż-żmien li nirrevedu biċċiet mill-istorja ta’ Malta? ENGLISH VERSION FURTHER DOWN REĊENSJONI TAL-KTIEB A Materialist Revision of Maltese History: 870–1919 ta' MARK CAMILLERI (SKS, 2016). L-istorja nagħmluha aħna waqt li nirrakkuntawha. M’għandniex x’ingħidu, ma noħolqux il-fatti li ġraw. Noħolqu l-għamla li biha juru lilhom infushom lilna skont xi fasla teoretika jew oħra. Fihom infushom, il-fatti huma newtrali. Dak li jagħmlu l-istoriċi huwa li jikkodifikaw il-fatti ħalli jiddeterminawlhom is-siwi narrattiv li jkunu jridu jagħtuhom. Eżempju tajjeb ta’ dan hija l-pubblikazzjoni l-ġdida ta’ Mark Camilleri, it-tielet waħda tiegħu, jekk mhux sejjer żball. Il-ktieb jipproponi b’mod kuraġġuż, deliberat u intelliġenti r-regoli bażiċi ta’ kodifikazzjoni ġdida għan-narrattiva tal-istorja tal-gżejjer Maltin u l-poplu tagħhom. Camilleri jersaq qrib ħafna sabiex jagħti raġun lil Theodor Adorno meta dan qal, f’Id-Dijalettiċi Negattivi (1966: 295), li l-“oġġettività tal-feh