Posts

Showing posts from November, 2013

KENNEDY

Image
Hija ħaġa kurjuża li lanqas jien ma naf infissirha sew: għala, bħal tant miljuni ta’ oħrajn, jien miġbud lejn John F. Kennedy. Għax kien politiku ta’ setgħa bla qies f’età daqshekk żgħira? Għax kien personalment affaxxinanti? Għax miet żgħir? Għax kien idealista? Għax kien bin immigranti Irlandiżi? Għax miet b’mewta hekk vjolenti, misterjuża u spettakulari? Ma nafx inwieġeb għala bl-eżatt. Ġibda stramba Fil-fatt, aktar hemm raġunijiet għala m’għandix ninġibed lejh milli hemm biex ninġibed: it-tbażwir li bażwar fil-politika; il-ħajja privata xejn eżemplari tiegħu; il-korruzzjoni tiegħu u ta’ familtu; il-ħabi sistematiku tiegħu privatament u professjonalment; l-immoralità tiegħu; il-Kattoliċiżmu ipokrita tiegħu; il-manuvrar u l-intriċċi mdellija fil-politika tiegħu ... Il-lista tista’ tibqa’ sejra. Minkejja dan, ... xorta waħda jkolli nammetti li Kennedy kellu xi ħaġa li tibqa’ tiġbidni lejh b’mod irreżistibbli. Jista’ jkun għax narah xi ftit jew wisq bħala bniedem traġiku (u, fl-a

Is-sagralità taċ-ċittadinanza

Image
Kulmin tkellem miegħi assuma li jien kont se nkun kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza. Assumew ħażin. Jien fraħt biha għax, forsi mingħajr ma jaf, il-gvern aktarx ħa waħda mill-aktar miżuri anarkiċi drastiċi li wieħed jista’ jimmaġina: ġab fix-xejn xi ħaġa li kienet artifiċjalment miżmuma minn xi wħud f’sagralità bla qies. Għax meta tqiegħed prezz fuq xi ħaġa, anki jekk ta’ miljuni, inti fil-fatt tkun ġibtha żero. Mannara mal-għerq Immaġina tqiegħed prezz fuq ommok l-għażiża! X’jibqa’ mis-siwi tal-istima tiegħek lejha? Xejn! Minn ħaġa sagra ssir ħaġa ta’ kummerċ; ħaġa kwantifikata monitarjament. L-istess storja tiġri minn kull ħaġa li tista’ tinbiegħ. Flok togħla fis-siwi, tonqos. Għal xi wħud, is-siwi taċ-ċittadinanza―flimkien ma’ dak kollu li hu marbut magħha, bħan-nazzjonalità u l-identità―kien miżmum fl-ogħla ġieħ. Kienu jqisu ħaġa artifiċjali u arbitrarja bħala sagrosanta u kważi kważi naturali. Kien tajjeb dan? Fil-fehma tiegħi ma kienx. U l-fatt li issa hemm prezz fuq astraz

Dwar spjuni u spjunaġġi

Image
Jekk inti qatt ħsibt li l-era tal-ispjuni u l-ispjunaġġi kien intemm mal-ħajt ta’ Berlin u l-gwerra l-bierda, kont sejjer żball bi kbir. Ix-xahar l-ieħor tar m’għola s-saqaf l-għatu minn fuq borma li kienet ilha tagħli: l-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana (NSA) inkixfet li kienet qed tispjuna fuq il-biċċa l-bkira tal-mexxejja Ewropej. Iżda wara inqabdu jispjunaw fuq xulxin il-mexxejja Ewropej stess. Spjuni fuq xulxin “Il-ħbieb ma jispjunawx fuq il-ħbieb,” qalet mill-ewwel il-Kanċillier Ġermaniż Merkel, u ċemplet lil Obama biex tagħtih tgħajjira. L-istorja faqqgħet meta kixef għadd ta’ dokumenti ż-żagħżugħ ta’ 30 sena Edward Snowden. Dan hu speċjalist Amerikan tal-komputer, li kien ħaddiem mas-CIA, kuntrattur mal-NSA, u li issa jinsab maħrub ir-Russja taħt ażil temporanju. Jista’ jkun li hu l-aktar bniedem mibgħud fl-Amerika bħalissa. Id-dokumenti li kixef Snowden ix-xahar l-ieħor juru spjunaġġ bla rażan mill-NSA, iżda wkoll minn Israel, Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-G

Il-Fiera tal-Ktieb

Image
Il-ġimgħa d-dieħla, bejn l-Erbgħa, 13, u l-Ħadd, 17 ta’ Novembru, se tiġi organizzata fiċ-Ċentru tal-Mediterrann għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, edizzjoni oħra tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb. Dan l-avveniment annwali huwa appuntament li jiswa żżommu għax ilaqqgħek mad-dinja affaxxinanti tar-riċerka, il-fantasija u t-tagħlim. Internazzjonalità Oriġinarjament, jidher li l-Fiera tal-Ktieb kienet idea li, fis-snin sebgħin, ħareġ biha ta’ Mintoff. Għalkemm illum tissejjaħ il-Fiera ‘Nazzjonali’ tal-Ktieb, Mintoff jidher li riedha tkun il-Fiera ‘Internazzjonali’ tal-Ktieb. Xtaqha, mhux biss li tkun wirja tat-talent letterarju Malti u Għawdxi, iżda wkoll opportunità ta’ laqgħa bejn is-suq letterarju tagħna u dak ta’ pajjiżi barranin. Ma nafx jekk il-Fiera tal-Ktieb lokali qattx kienet internazzjonali kif riedha Mintoff. Illum ma jidhirx li hi; għalkemm nifhem li x-xewqa li bil-mod il-mod tinfetaħ għal pubblikaturi, awturi u ħwienet tal-kotba barranin mhijiex nieqsa. Din hi xewqa ta