KENNEDY

Hija ħaġa kurjuża li lanqas jien ma naf infissirha sew: għala, bħal tant miljuni ta’ oħrajn, jien miġbud lejn John F. Kennedy. Għax kien politiku ta’ setgħa bla qies f’età daqshekk żgħira? Għax kien personalment affaxxinanti? Għax miet żgħir? Għax kien idealista? Għax kien bin immigranti Irlandiżi? Għax miet b’mewta hekk vjolenti, misterjuża u spettakulari? Ma nafx inwieġeb għala bl-eżatt.

Ġibda stramba

Fil-fatt, aktar hemm raġunijiet għala m’għandix ninġibed lejh milli hemm biex ninġibed: it-tbażwir li bażwar fil-politika; il-ħajja privata xejn eżemplari tiegħu; il-korruzzjoni tiegħu u ta’ familtu; il-ħabi sistematiku tiegħu privatament u professjonalment; l-immoralità tiegħu; il-Kattoliċiżmu ipokrita tiegħu; il-manuvrar u l-intriċċi mdellija fil-politika tiegħu ... Il-lista tista’ tibqa’ sejra.

Minkejja dan, ... xorta waħda jkolli nammetti li Kennedy kellu xi ħaġa li tibqa’ tiġbidni lejh b’mod irreżistibbli. Jista’ jkun għax narah xi ftit jew wisq bħala bniedem traġiku (u, fl-aħħar mill-aħħar, forsi wkoll patetiku) maqbud bejn l-ideali sbieħ u għoljin li ppersonifika fis-snin sittin u l-mezzi koroh li kellu juża biex jipprova jibda jlaħħamhom u jilħaqhom. Jista’ jkun ukoll minħabba li hu profil qawwi ta’ dak il-ferq sofferenti li jeżisti bejn dak li aħna u dak li rridu nkunu.

Il-50 anniversarju, il-Ġimgħa li għadda, mill-assassinju atroċi tiegħu―li seħħ fit-22 ta’ Novembru tal-1963―reġa’ ġabni wiċċ imb’wiċċ ma’ din l-attrazzjoni stramba tiegħi u ta’ tant miljuni oħra madwar id-dinja. Inevittabbilment, ġabna wkoll wiċċ imb’wiċċ mal-misteri u l-intriċċi li għadhom sal-lum marbuta mal-mewt qalila tiegħu.

Misteru intriganti

Huwa virtwalment impossibbli li Lee Harvey Oswald kien l-uniku bniedem li spara fuq Kennedy dak in-nhar f’Dallas, kif għadha sal-lum redikolożament u illoġikament issostni l-versjoni uffiċjali tal-gvern Amerikan. Jidher li kien hemm mill-anqas tnejn oħra li sparaw: xi ħadd minn quddiem u xi ħadd ieħor mix-xellug. Evidentement ġiet minn quddiem il-balla mortali li tajret barra nofs ras Kennedy. Fajls kruċjali minn dak iż-żmien li jistgħu jixħdu aktar dawl fuq dan il-misteru għadhom miżmuma sigrieti mill-gvern Amerikan sal-lum, ħamsin sena wara.



Min jaf qattx toħroġ il-verità, jew għall-anqas biċċa oħra minnha? Fi żmien ħamsin sena minn mindu sar l-assassinju, ħareġ ħafna tagħrif ieħor li dak in-nhar ma kienx magħruf li jeżisti. L-investigazzjonijiet, privati daqskemm uffiċjali, ma waqfu qatt, u hawn nies li ddedikaw ħajjithom kollha biex isolvu dan il-misteru famuż u intriganti. M’huwiex ta’ stagħġib kbir il-fatt li, fl-istess medda ta’ żmien, kemm il-gvern Amerikan u kemm riċerkaturi privati, ħarġu b’teoriji tassew fantastiċi dwar dan kollu. Il-misteri dejjem ikebbsu l-immaġinazzjoni.

Il-mistoqsija ‘Fejn kont meta smajt li qatlu l-Kennedy?’ hija waħda kurjuża u interessanti daqskemm magħrufa. Ħafna nies adulti jistgħu jgħidulek bl-eżatt fejn kienu f’dak il-waqt. Ix-xokk u t-trawma li l-assassinju ta’ Kennedy kkawża fiċ-ċirkustanzi tad-dinja ta’ ħamsin sena ilu u fil-kuntest tat-tagħrif difettuż u mmanipulat li kien magħruf dwaru f’dak iż-żmien, ftit nistgħu nifhmuhom illum. L-avveniment traġiku kien mument ta’ sinifikat speċjali għal biċċa kbira tal-umanità.

Mhux kollox mibdul

Minkejja li d-dinja nbidlet bil-kbir fil-medda ta’ ħamsin sena li tifridna mill-assassinju ta’ Kennedy, il-fatt li l-verità dwar min qatlu u għaliex hu biżżejjed biex jurina li ċerti affarijiet ma nbidlux. Sal-lum, tant snin wara, għadu meħtieġ li l-gvern Amerikan jibqa’ jaħbi x’ġara eżatt dak in-nhar tat-22 ta’ Novembru tal-1963 f’Dallas. Sal-lum, il-gvern Amerikan għadu jista' jagħmel ħaġa bħal din b’immunità (u wkoll tant affarijiet oħra).

Jekk inbidlet id-dinja, il-gvernijiet li jikkmandaw il-politika tagħha ma jidhirx li nbidlu wisq. Xejn xejn, saru aktar sofistikati u sfaċċati. Huma aktar ċerti mill-immunità li jgawdu. Xi jfisser dan għalina? Ifisser li aħna, imqar illum, aħna ċwielaq kuntenti daqs (jekk mhux aktar) minn dawk li kienu jgħixu ħamsin sena ilu; għadna pupazzi f’idejn minn iżomm l-ispag bil-permess tagħna.

Kennedy jibqa’ jiġbidni, wara kollox, għax forsi nara fih il-ġabra f’ħin wieħed ta’ dak kollu li nħobb u ta’ dak kollu li nobgħod fija nnifsi u madwari; tal-isbaħ li jista’ jaspira għalih il-bniedem imħallat ħaġa waħda mal-aktar ikrah li jista’ jkollu. Kennedy hu enigmatiku daqs kull wieħed u waħda minna; u l-misteru tal-mewt tiegħu forsi hu l-aqwa tribut li jista’ jingħata lilu daqskemm lilna.


Comments

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, gửi hàng đi Mỹ, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?