Posts

Showing posts from December, 2013

Elezzjoni bla gvern

Image
Jekk xejn, is-sena li se tagħlaq pitgħada tibqa’ mfakkra għar-rebħa kbira elettorali li saret f’Marzu mill-Partit Laburista. Iżda sa issa għadni nisma’ lil min jgħid: 'Il-Labour rebħu l-elezzjoni iżda ma ħadux il-gvern’ . Hija espressjoni kurjuża. Is-suspett tiegħi huwa li min jgħidha aktarx qed jirreferi għal diversi dipartimenti u mkejjen tal-gvern fejn il-moviment tal-bidla baqa’ jew għadu ma wasalx. Dak li nbeda Ma nixtieqx insemmi fejn jaħdmu dawk li wżaw miegħi din l-espressjoni għax il-pożizzjoni tagħhom tista’ ssir aktar vulnerabbli milli hi. Iżda nassigurak li smajtha minn ħaddiema tal-gvern li jaħdmu f’oqsma differenti taċ-ċivil. Ilkoll aktarx huma nies li ttamaw li l-amministrazzjoni l-ġdida kienet se tagħmel bidliet ta’ malajr. Iżda issa, li diġà għaddew disa’ xhur, ma jidhirx li jinsabu eqreb lejn it-tama mitmuma tagħhom. Wieħed jifhem li, mar-rebħa elettorali, il-gvern il-ġdid daħal għal xogħol iebes u kumpless. Wieħed jista’ anki jinnota faċilment li f’divers

L-abolizzjoni tal-Milied

Image
Il-Milied illum sar farsa sħiħa. Mhux biss f’ħafna soċjetajiet il-Milied jiġi ċċelebrat mingħajr ma’ Ġesù jiddaħħal bl-iċken mod, iżda wkoll f’soċjetajiet insara, inkluż tagħna, il-Milied jiġi ċċelebrat b’orġja ta’ xiri, konsum u xalar inkredibbli. F’kull każ, it-tifsira tal-Milied sparixxiet tista’ tgħid għal kollox. Isiru diversi sforzi biex it-tren jerġa’ jitqiegħed fuq il-binar tiegħu, iżda kollu ta’ xejn. Forsi l-aħjar ħaġa hi li l-Milied jiġi abolit għal kollox. Rabta liturġika Naturalment, bħala festa nisranija, il-Milied għandu post preċiż fil-kalendarju tal-Knejjes insara. Jibda s-sena liturġika għax hu l-bidu tal-misteru tas-salvazzjoni. Iżda l-Milied mhux suppost jiġi meqjus l-akbar festa nisranija; dan il-post privileġġjat iżommu l-Għid il-Kbir. Fil-prattika, speċjalment lil hinn minn xtutna, l-affarijiet mhumiex hekk. Għal ħafna li jiċċelebraw il-Milied (bil-mod tagħhom), l-Għid lanqas biss jeżisti. Il-kalendarju liturġiku ilu jeżisti ħafna sekli. Iżda mhuwiex asso

Mandela tal-fantasiji

Image
Nelson Mandela, li ġie ċċelebrat il-ġimgħa li għaddiet waqt li sarlu l-funeral ġewwa s-Sid Afrika, kien aktar binja ta’ fantasija milli ta’ realtà. Din il-fantasija bdiet f’ħajtu, kompliet f’mewtu u aktarx se tkompli bit-tifkira tiegħu. Ħadd ma fakkar it-terrorist Marxist li kien tabilħaqq u li hu stess qatt ma ċaħad jew iddenunċja. Mhux li ma kellux il-merti tiegħu, flimkien ma’ miljuni oħrajn, fil-ġlieda kontra l-kruha tal-Apertheid fis-Sud Afrika, iżda li wieħed għall-anqas jammetti li r-reviżjoniżmu hu qarrieq meta jikkanonizza daqskemm meta jiddemonizza. Terroriżmu Wara xi snin jipprova jorganizza kampanja ta’ non-vjolenza, Mandela kien fl-aħħar qata’ qalbu għal kollox u ddeċieda li l-vjolenza terribbli tal-Istat razzista tista’ tiġġildilha biss bil-vjolenza. Għaldaqstant, waqqaf għaqda terrorista (‘Umkhonto we Sizwe’) li baqgħet toqtol, tissekwestra, tittortura u teżekuta n-nies (inkluż suwed ‘tradituri’), u wkoll tidfen il-mini, anki meta Mandela għamel kważi tliet għexier

Tamiet li qed jistennew

Image
Flimkien mal-ġesti straordinarji li l-Papa Franġisku ilu jagħmel sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, issa żied ukoll kumment personali twil dwar diversi aspetti tal-ħidma tal-Knisja fid-dinja tal-lum. Dan il-kumment ġie wara s-sinodu tal-isqfijiet li sar ftit ilu f’Ruma. Minkejja li l-Papa għamel dan il-kumment qawwi, jippreżentah bħala sempliċiment eżortazzjoni, jiġifieri appell li l-intenzjoni ewlieni tiegħu hu li jħeġġeġ aktar milli jagħmel xi tibdiliet sustanzjali fl-istruttura tal-Knisja u l-mod kif taħdem man-nies. Liema bidla? Għalkemm il-Papa jgħid li jrid ‘iġedded l-istrutturi’ tal-Knisja (nru. 27), ma jagħti ebda indikazzjoni ta’ kif dan għandu jseħħ fil-prattika. Huwa jsostni li ‘hemm tabilħaqq lok ta’ fejn jistgħu jinħadmu aħjar għad-dinja tal-lum id-drawwiet tal-Knisja, il-modi ta’ kif tagħmel l-affarijiet, iż-żminijiet u l-iskedi tagħha, kif ukoll il-lingwaġġ u l-istrutturi tagħha’ (nru. 27). Mitt darba u elf. Imma kif? S’issa, la f’dan id-dokument twil u lanqas

Ġieħ lil Anton Cassar

Image
L-isbaħ premju li ngħata l-Erbgħa li għadda, 27 ta’ Novembru, fil-Premjazzjoni tal-Ktieb għall-2012 ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja kien lill-kittieb veteran Anton Cassar. Il-premju, mogħti bħala għarfien tal-ħidma letterarja u ġurnalistika ta’ Cassar fuq medda ta’ ħafna snin, ingħata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u ġie ppreżentat mill-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat fost applaws qawwi mill-ħafna kittieba u pubblikaturi preżenti għall-okkażjoni. Bniedem ta’ servizz Anton Cassar hu magħruf sew fost kulmin hu midħla tal-kotba u l-gazzetti f’Malta. Ħafna gawdew mill-ħidmiet tiegħu f’dawn l-oqsma, kif ukoll f’oqsma oħra soċjali u kulturali. Bosta minna spiss sabu fih għajn ta’ fehmiet u pariri siewja u ġenerużi. Anton hu figura stabbilita dejjem lest biex joħroġ id ta’ ħbiberija u għajnuna. Imwieled il-Marsa fl-1924 (jagħlaq 90 sena, Alla jbierku, fi Frar li ġej), Anton Cassar beda l-karriera ġurnalistika u letterarja tiegħu mat- Times of Malta u Il-Berqa , meta mbagħad, fl-1962,