Ġieħ lil Anton Cassar

L-isbaħ premju li ngħata l-Erbgħa li għadda, 27 ta’ Novembru, fil-Premjazzjoni tal-Ktieb għall-2012 ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja kien lill-kittieb veteran Anton Cassar. Il-premju, mogħti bħala għarfien tal-ħidma letterarja u ġurnalistika ta’ Cassar fuq medda ta’ ħafna snin, ingħata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u ġie ppreżentat mill-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat fost applaws qawwi mill-ħafna kittieba u pubblikaturi preżenti għall-okkażjoni.

Bniedem ta’ servizz

Anton Cassar hu magħruf sew fost kulmin hu midħla tal-kotba u l-gazzetti f’Malta. Ħafna gawdew mill-ħidmiet tiegħu f’dawn l-oqsma, kif ukoll f’oqsma oħra soċjali u kulturali. Bosta minna spiss sabu fih għajn ta’ fehmiet u pariri siewja u ġenerużi. Anton hu figura stabbilita dejjem lest biex joħroġ id ta’ ħbiberija u għajnuna.

Imwieled il-Marsa fl-1924 (jagħlaq 90 sena, Alla jbierku, fi Frar li ġej), Anton Cassar beda l-karriera ġurnalistika u letterarja tiegħu mat-Times of Malta u Il-Berqa, meta mbagħad, fl-1962, sar l-ewwel editur ta’ l-Orizzont u sena wara kap tal-pubblikazzjoni tal-Union Press. Ftit wara, fl-1967, inħatar segretarju amministrattiv tal-istess kumpanija. Dawn huma ftit mill-uffiċċji li okkupa, speċjalment fil-Partit Laburista.

B’rikonoxximent ta’ ħidmietu, fl-1996 Anton ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, u fl-1996 il-premju tad-deheb għall-kontribut kbir tiegħu fil-ġurnaliżmu professjonali. Ippubblika diversi kotba ta’ natura letterarja, fosthom l-awtobijografija Ħajti: Mhix kollha ward u żahar fl-2009.

Gratitudni mistħoqqa

Għalkemm inkittef, dan it-tagħrif għandu mnejn hu biżżejjed biex jurina li d-deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għamel deċiżjoni għaqlija meta ddeċieda li l-premju għall-kontribut letterarju nazzjonali ta’ din is-sena jingħata lil Anton Cassar. Kienet deċiżjoni li espremiet il-gratitudni tal-biċċa l-kbira, jekk mhux kollha, ta’ kulmin hu midħla tal-qasam tal-kotba u l-ġurnaliżmu f’pajjiżna.

Personalment, jien ninsab grat lejn Anton għall-bosta okkażjonijiet li fihom kelli x-xorti u l-pjaċir li ngawdi mill-għarfien u l-esperjenza tiegħu. Niftakar b’għożża okkażjoni waħda partikulari fost l-oħrajn meta fl-2001 Anton ħa l-impenn li jlaqqagħni ma’ qaribi Pawlu Montebello. Għalkemm lil Pawlu kont smajt ħafna bih, kemm fil-ħidma professjonali tiegħi u kemm minn qrabati, qatt ma kont iltqajt miegħu. Anton, minn rajh, ra kif għamel u, b’mhux ftit diffikultà, irnexxielu jlaqqagħna u jagħmel mil-laqgħa tagħna waħda memorabbli.

Dejjem nibqa’ rikonoxxenti lejn Anton ta’ din il-biċċa xogħol, bħalma nibqa’ rikonoxxenti lejh għall-preżenza kostanti tiegħu f’ħafna proġetti u impenji oħra li ġew fi triqti matul is-snin.

Ġenerosità li tagħni

Il-gratitudni hi l-isbaħ fost il-ħafna kwalitajiet tal-bniedem. Li tkun kapaċi turi gratitudni lejn nies li taw biċċiet kbar minn ħajjithom għalik hija turija ta’ maturità żviluppata. Hija aktar hekk meta l-gratitudni tintwera lejn nies li taw sehem qawwi lill-pajjiż. Anton Cassar hu wieħed minn dawn in-nies. Il-premju mogħti lilu l-Erbgħa li għadda jesprimi din il-gratitudni, bħalma espremewh ukoll il-premijiet l-oħra nazzjonali li rċieva snin ilu.

Jien, minn hawnhekk, nixtieq nissieħeb b’mod pubbliku f’dawk l-atti ta’ gratitudni. Filwaqt li nawgura minn qalbi lil Anton ħafna snin oħra ta’ ħajja twila u sabiħa, ningħaqad ma’ ħafna oħrajn fil-ferħ li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għoġbu jagħtih il-ġieħ li tant kien jistħoqqlu.

Nies bħal Anton Cassar jibqgħu eżempju għalina lkoll biex nagħtu lill-oħrajn l-aħjar u l-isbaħ minn dak li għandna. Il-ġenerosità, li fiha tiġbor il-virtù tal-gratitudni li semmejt qabel, hija dik li tagħmel il-ħajja individwali u soċjali tagħna opra sabiħa. Mingħajra l-ħajja tagħna lkoll titfaqqar u magħha jitfaqqar il-ġens uman.

Grazzi, Anton!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?