Erġajna koppi!

Il-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex reġgħet qed tiskjera ruħha kontra l-minoranzi tas-soċjetà. Ma titgħallem qatt! Ibda mill-kwistjoni ma’ Strickland bejn l-1928 u l-1932, għaddi għar-riformi ta’ Boffa biex jidħlu t-taxxa fuq il-qligħ u l-vot tan-nisa, kompli bir-referenda tal-Integration u l-Indipendenza, u spiċċa bir-referendum fuq id-divorzju u bil-liġi tas-sħubijiet ċivili, l-istorja baqgħet tirrepeti u tirrepeti u tirrepeti u tirrepeti ruħha mingħajr qtugħ. Knisja reazzjonarja. Knisja li tidher skjerata kontra ż-żgħir. Knisja magħluqa fil-bużżieqa ta’ moħħha. Wara kollox, ... Knisja li tibqa’ deċiża li tispara f’saqajha.

Il-problema

Issa waslet id-daqqa fuq il-kwistjoni tal-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun. Erġajna bdejna naraw l-isteriżmi. Erġajna bdejna nisimgħu l-argumenti sempliċisti. Erġajna bdejna naraw il-kruċjati. Erġajna bdejna nisimgħu bix-xenarji apokalittiċi. Erġajna bdejna naraw ... insomma ... erġajna bdejna naraw il-vavati ta’ dejjem.

Il-problema tiegħi mhijiex fl-argumenti li qed isiru, biex inkunu ċari. Hawnhekk m’iniex niddefendi l-emendi proposti mill-gvern tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun. Lanqas ma jien neħodha kontra l-kritika tal-Isqfijiet ta’ Malta u t’Għawdex jew dik tal-gruppi filokattoliċi. Il-problema tiegħi hi purament ta’ strateġija.

Pura u ċara: l-istrateġija li tidher qed tiskjera l-Knisja Kattolika ta’ dawn il-gżejjer kontra d-drittijiet ta’ xi minoranza—f’dan il-każ, f’rabta mad-donaturi taċ-ċelloli għat-tnissil, il-maternità surrogata u l-iffriżar tal-embrijuni—hija kontraproduċenti. Strateġija bħal din tkompli tinforza l-perċezzjoni, ġusta jew le, tal-Knisja bħala waħda retrograda, irrazzjonali, intolleranti, instransiġenti u insensittiva.

L-impressjonijiet

X’issib min jgħidlek? Issib min jgħidlek li l-isteriżmi, is-sempliċiżmi, il-kruċjati, l-apokalittiżmi u l-vavati mhumiex parti mill-istrateġija tal-Knisja. Mitt darba u elf. Allaħares kienu! ... Imma hekk jidhru. Għalhekk hi kwistjoni ta’ strateġija. Ħalli s-sitwazzjoni ma taħrablekx minn idejk ... kif diġà ħarbet.

Ħarsa ħafifa lejn il-manifestazzjoni li saret il-Ħadd li għadda—b’sorijiet, b’saċerdoti bil-kullar, b’isqfijiet jiċċaċċru u b’kartelluni prefabbrikati u b’għadd ta’ nies (minbarra tfal) li ma jifhmux akka f’kwistjonijiet tant delikati bħal dawn—malajr tintebaħ li l-karru diġà qabeż liż-żiemel u beda jkaxkru warajh.

L-istrateġija ta’ kampanja mhijiex magħmula biss minn dak li l-istratega jitwebbel li jagħmel. Hi magħmula wkoll—għandu mnejn ħafna u ħafna aktar—minn dak li ħaddieħor jifhem li l-istratega qed jagħmel. U ħaddieħor x’impressjoni seta’ jieħu minn tal-Ħadd li għadda? X’impressjoni seta’ jieħu dil-ġimgħa minn Għawdex? X’impressjoni seta’ jieħu dil-ġimgħa fuq l-Internet, fejn kellek lil kulħadd itaqtaq bl-addoċċ? X’taħseb li kienet l-impressjoni li seta’ jieħu fil-kuntest lokali—lat essenzjali f’kull strateġija—ta’ kważi seklu ta’ reazzjoniżmu klerikali u ekkleżjastiku?

L-umiljazzjonijiet

Ngħidlek jien x’impressjoni seta’ ħa: impressjoni ta’ Knisja Kattolika li hi, għal darba oħra, għall-elf darb’oħra, retrograda, irrazzjonali, intolleranti, instransiġenti u insensittiva! Mil-lat purament strateġiku, m’għandu x’jaqsam xejn din hijiex impressjoni tajba jew le; m’għandu x’jaqsam xejn qabadx l-irquqijiet tal-argumentazzjoni jew le; m’għandu x’jaqsam xejn fehemx il-kwistjoni jew le. Tgħodd biss il-perċezzjoni. U f’dal-każ hija pessma.

Dan għamel, qed jagħmel u se jibqa’ jagħmel ħsara kbira lill-Knisja nnifisha. B’dan il-mod, qed teqred lilha nnifisha; qed teqred ir-relevanza tagħha f’dawn il-gżejjer; qed tiġi mwarrba dejjem u dejjem aktar. Kemm dan hu tajjeb, hu diskutibbli. Ibqa’ l-fatt li din l-istituzzjoni venerabbli qed tagħmel, donnha apposta, lilha nnifisha vulnerabbli dejjem aktar.

Imma għandu mnejn għadu mhuwiex tard, għall-anqas din id-darba, li l-affarijiet jitranġaw xi ftit. Xejn xejn, neħilsu ftit mill-umiljazzjoni li l-paroli fil-vojt u l-istupitaġnijiet iġegħluna nġarrbu għalxejn.

Dan l-artiklu xxandar f'It-Torċa fis-6 ta' Mejju tal-2018
Ara wkoll (bl-Ingliż): What strategy is there?


https://www.bdlbooks.com/novels-and-romance-fiction/6706-il-kappillan-ta-malta.html

Top posts last 30 days

Top posts ever