Posts

Showing posts from December, 2019

Imdendlin bit-tama

Image
Tmiem is-sena ġie fuqna u sabna mdendlin. Jirrifletti l-esperjenza li kellna tul is-sena li qed tagħlaq? Jista’ jkun. Anzi, aktarx iva. Kienet sena li, fost il-ħafna ħwejjeġ sbieħ u pożittivi li kellha, ġabet magħha wkoll affarijiet koroh u saħansitra ta’ dwejjaq. Kollox juri, però, li s-sena d-dieħla m’għandhiex tkun bħalha. Anzi, aktarx ma tkun bħalha xejn. It-tama mhijiex mejta żgur. Sena sfortunata Prattikament, qed nispiċċaw is-sena bi Prim Ministru li se jtemm is-servizz tiegħu f’dan l-uffiċċju fi ftit jiem. L-istess bħala kap tal-Partit Laburista. Politikament, aktar imdendlin minn hekk ma naħsibx li nistgħu nkunu. Is-sitwazzjoni ġie deskritta bħala waħda “mhux normali”, u ċertament m’hijiex. Min ġenwinament u min mhux ġenwinament, f’Malta u Għawdex tul is-sena li spiċċat ħassewhom imqanqlin għal xi wħud minn dawk iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan l-istat “mhux normali”. Dan ngħidu kemm għaċ-ċittadini ta’ dal-pajjiż imma wkoll għal-Laburisti b’mod partikulari. Imqanqlin,

L-isbaħ wiċċ

Image
Xi ħadd qal li l-Milied juri l-isbaħ wiċċ tal-bnedmin. Huwa fuq it-twelid, xi darba fl-imgħoddi mbiegħed, tal-aktar siwi għoli u mbierek li jsawwar il-bniedem u l-umanità tiegħu. Dan huwa l-qaddis ta’ ġo fih, l-ifjen ħjut tad-deheb li jinsġu ’l qalbu u jnebbħuh għal għemejjel tal-aqwa tjieba u foħrija. Dal-wiċċ hawn min isejjaħlu l-wiċċ tal-imħabba. Hu bixra li tidher l-aktar fiċ-ċkejknin u ż-żgħar. Tintilef fil-biċċa l-kbira li jħallu d-dinja tgħaffeġ fihom u ġġorrhom bit-tidwir tagħha. Imma xi wħud, le, ma jitilfuhiex; jibqgħu b’dik il-bixra, jew aħjar, jitgħallmu jerġgħu jiksbuha bħalliekieku reġgħu żgħar u ċkejknin. X’ikun ġara? Ikunu tgħallmu għal darb’oħra dak li kellhom darba u tilfu; dak li nsew mas-snin, iżda li fittxew dejjem b’elf triq mudlama u xxenqu għalih f’miljun beraħ bla triqat. Ikunu tgħallmu jħobbu. Jiġifieri jkun daħlu fl-akbar qiegħ ta’ ruħ il-bniedem, imnażża’ minn kull frugha, u hemm tħaddnu u twaħħdu mal-għemil l-aktar safi u sieket; l-għemil tal-għotja s

L-elezzjoni Brittanika

Image
Nhar il-Ħamis li għadda, fl-elezzjoni ġenerali tal-Gran Brittanja, ħareġ riżultat li juri kemm hu diversifikat l-elettorat Brittaniku. Il-konservattivi b’maġġoranza assoluta, il-laburisti warajhom b’distakk li kiber bl-ikrah, u partiti oħrajn, jiċkienu imma xi wħud minnhom għadhom jistgħu jigdmu f’xi nħawi. Il-miżien tħarrek farka Xi ftit jew wisq, il-kwadru politiku Brittaniku kompla sejjer lejn il-lemin. Issa hu kkonfermat li Boris Johnson għamel il-ġid lill-partit konservattiv u tejjeb is-simpatija li l-poplu Brittaniku b’mod ġenerali beda jkollu għall-politika konservattiva. Dan għamlu f’ħames xhur biss, minn Lulju ’l hawn, u issa jista’ jagħmel l-arja bl-appoġġ personali li kiseb mill-elettorat. Mhux l-istess jista’ jgħid Jeremy Corbyn, il-mexxej tal-partit laburista għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs, minn Mejju tal-2015. Għalkemm tibqa’ ħaġa tal-għaġeb kif il-politika xellugija kemxejn estrema tiegħu tiġbed interess kontra kull stennija, xorta waħda Corbyn ma rnexxilux

Wirt Joseph

Image
Naraha għaqlija l-fehma ta’ Joseph Muscat li qatt m’għandu prim ministru jagħmel aktar minn żewġ amministrazzjonijiet konsekuttivi. Hija idea Amerikana, ovvjament. Imma għandha mnejn tagħmel sens. Il-punt hu, però, li Joseph għamel dak li hu konvint minnu. Tnejn u daqshekk. U hekk hu. Ilu jgħidha Minn dejjem wera dil-fehma Joseph. Aktarx ħadd ma ħadu bis-serjetà daqskemm xtaq. Imma kien minn dejjem deċiż. Kien ħareġ biha l-ewwel darba f’Ġunju tal-2017 f’intervista ma’ Reno Bugeja fuq il-programm ‘Dissett’. Kulħadd ħadha bħala xi kumment umli; imma ma kiex hekk. Reġa’ qalha ma’ Andrew Azzopardi f’intervista fi Frar 2018 fuq il-programm ‘X’għandi xi ngħid’. Irrepetiha f’intervista għar-revista ‘Politiko’ ma’ Florian Eder u Zoya Sheftalovich. Issa, ftit ilu, qalilna li kien wasal il-waqt. Żewġ prim ministri biss għamlu aktar minn żewġ amministrazzjonijiet konsekutivi. Borg Olivier kien l-ewwel wieħed bejn l-1950 u l-1955, għal erba’ snin u tliet xhur. Mintoff kien ta’ warajh, be

Ir-razzjonalità fejha?

Image
L-isteriżmi, l-għajjat, ix-xegħir, il-panikiżmi, il-maniji, l-aġitazzjonijiet u l-eċċitamenti qatt ma solvew xejn. Anzi, dejjem ħarrxu l-problemi li seta’ kienu jeżistu. Bħalissa f’pajjiżna mhux minn dawn għandna bżonn, imma l-kalma, ir-raġunament, il-prudenza, it-temperanza u ... ir-razzjonalità. Min irid ikun isteriku mhu tajjeb biex imexxi xejn. Rappreżentazzjoni F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna jiskala l-isteriżmu ta’ bosta nies. Dan-nies, ibda biex, jilagħbuha li jirrappreżentaw lil Malta u Għawdex kollha—anzi lid-dinja kollha—sempliċiment għax jidhru fuq it-televiżjoni, jiġu intervistati għall-aħbarijiet u jippużaw għar-ritratti ta’ xi ġurnalisti. Dawn ma jirrappreżentaw lil ħadd għajr lilhom infushom. Dan ma ngħidux għax neċessarjament ma naqbilx magħhom. Nista’ naqbel magħhom ukoll; imma b’daqshekk ma jfissirx li rrid ukoll naqbel—anzi, ma naqbilx!—mal-isteriżmi u l-purċinellati tagħhom. Jien dan qatt ma qbilt miegħu, mhux illum biss, imma dejjem, ukoll meta fl-imgħoddi ħdi