Imdendlin bit-tama

Tmiem is-sena ġie fuqna u sabna mdendlin. Jirrifletti l-esperjenza li kellna tul is-sena li qed tagħlaq? Jista’ jkun. Anzi, aktarx iva. Kienet sena li, fost il-ħafna ħwejjeġ sbieħ u pożittivi li kellha, ġabet magħha wkoll affarijiet koroh u saħansitra ta’ dwejjaq. Kollox juri, però, li s-sena d-dieħla m’għandhiex tkun bħalha. Anzi, aktarx ma tkun bħalha xejn. It-tama mhijiex mejta żgur.

Sena sfortunata

Prattikament, qed nispiċċaw is-sena bi Prim Ministru li se jtemm is-servizz tiegħu f’dan l-uffiċċju fi ftit jiem. L-istess bħala kap tal-Partit Laburista. Politikament, aktar imdendlin minn hekk ma naħsibx li nistgħu nkunu. Is-sitwazzjoni ġie deskritta bħala waħda “mhux normali”, u ċertament m’hijiex.

Min ġenwinament u min mhux ġenwinament, f’Malta u Għawdex tul is-sena li spiċċat ħassewhom imqanqlin għal xi wħud minn dawk iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan l-istat “mhux normali”. Dan ngħidu kemm għaċ-ċittadini ta’ dal-pajjiż imma wkoll għal-Laburisti b’mod partikulari. Imqanqlin, irrabjati, iddispjaċuti ... għid li trid; żgur li kulħadd xtaq mod ieħor u mhux dan.

Is-sena li qed tagħlaq fuqna kienet sfortunata għax se tibqa’ tissemma għal dat-tqanqil kollu li ħalla ħafna swied ta’ qalb. Forsi dis-sena kien jixirqilha aħjar, għax fiha saru ħafna affarijiet, ukoll bħala nazzjon, li huma ta’ foħrija u ġieħ. Imma dawn kollha se jisfumaw ħdejn l-affarijiet l-oħra li ma kinux tant sbieħ.

Ġustizzja storika

Kulħadd dis-sena, għall-anqas minn dan il-lat, irid jeħles minnha u jitfagħha wara daharu kemm jista’ jkun malajr. Naħseb qatt daqs dis-sena 2019 ma ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif ukoll il-biċċa l-kbira tal-Laburisti, ma jridu li jeħilsu mid-dwejjaq li ġie f’dis-sena u jimxu malajr kemm jista’ jkun għas-sena d-dieħla.

Fuq livell individwali u personali, jew ukoll f’oqsma oħra tal-ħajja nazzjonali, dan jista’ ma jkunx il-każ; imma ċertament, fuq lat ġenerali, l-2019 aħjar iżżomm il-kruhat tagħha u tħallina bi kwietna. Hekk qed twiegħed is-sena 2020, u għalhekk iridha tieħu post l-oħra kemm jista’ jkun malajr.

Din hi sfortuna, għax il-ħafna ġid li sar jintesa wisq malajr. Imma fl-istess ħin ma jistax ikun mod ieħor. Ċertu ġid ikun tajjeb wisq biex tiddallam mill-ħafna ħsara; imma ċerta ħsara tkun kbira wisq biex tintefa’ mill-ftit ġid. Din tista’ tkun ġustizzja storika li ma tagħmilx il-kontijiet darba fil-ġimgħa, u forsi lanqas darba fis-sena, imma aktar darba kull għomor.

Interventi deċiżi

Kulħadd aktarx qed iħares ’il quddiem lejn l-2020 biex jibdew jiddewwew il-ġerħat li, għad-dispjaċir tagħna lkoll, sirna nafu bihom tul is-sena li issa ntemmet. Dan nagħmluh b’ħafna fiduċja fil-ħiliet tagħna nfusna, ilkollkemm aħna, biex inżommu l-ġieħ nazzjonali fl-ogħla rispett u qima. Jiena ċert li m’hawnx wieħed jew waħda li dan ma jriduhx.

Il-ġerħat iridu jitfejqu. Waħedhom ma jmorrux. Il-ġerħat jitolbu interventi deċiżi, diretti u sostenuti, ukoll jekk dawn idarrsuna. Il-fedeltà tagħna hija l-ewwel nett lejn id-dinjità ta’ kull persuna f’dal-pajjiż, ċittadin u mhux, imbagħad lejn il-bqija, huwiex il-partit, il-gvern jew xi istituzzjoni oħra. Jekk nitilfu, ninsew jew inwarrbu dal-prinċipju, żgur li nitfixklu, u dat-tfixkil ħsara biss iġib, kemm fuqna nfusna u kemm fuq ħaddieħor.

Fuq dal-prinċipju tiddependi l-integrità tagħna bħala persuni individwali u bħala membri tas-soċjetà ċivili. Min ħaseb li jista’ jġegħilna nwarrbu dal-prinċipju, hu min hu, mar żbaljat bil-kbir. Dal-prinċipju ma nittraduhx. Jagħmel tajjeb kulħadd jifhem li dal-pajjiż mhux ġungla.

Għalissa nistgħu ninsabu mdenlin, tabilħaqq, imma m’aħniex qalbna maqtugħa. Is-sena d-dieħla turina.

Minn qalbi nixtieq lilek u l-familja tiegħek, u lil dan in-nazzjon, is-sena t-tajba!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?