Posts

Showing posts from February, 2017

Demokrazija u libertà

Image
Jekk hu tabilħaqq minnu li l-gvern preżenti hu ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżna, allura għandna għalfejn ninkwetaw. Jekk le, allura kif għandna naqraw l-isfrattarija kollha li qed issir madwarna? Kif għandna niżnu l-kliem li jingħad, l-akkużi li jsiru u l-attentati ta’ paniku ġenerali? Il-kisba storika Li gvern ikun ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżu hija ħaġa serja ħafna. Dawn huma valuri li tgħallimna nħobbu u ngħożżu. Huma valuri, ma ninsewx, li ma kinux jeżistu f’pajjiżna qabel ma l-gvern Laburista ta’ Mintoff tal-1955-58 ma ħoloqhomx b’rieda kważi ossessjonata. U ħoloqhom, għandna nżidu malajr, bil-kooperazzjoni tat-tmexxija kolonjali Britannika, imma kontra l-antagoniżmu u l-ostilità kważi fanatika tal-oppożizzjoni Nazzjonalista u l-oskurantiżmu tal-Knisja Kattolika lokali. Dan, fih innifsu, ifisser u ma jfissirx. ‘Ifisser’ għax spiss jintesa li dak li għandna llum ma waqax bħal bajtra mis-sħab, imma saru sagrifiċċji kbar għalih. ‘

Alla jeżisti jew le?

Image
Ħafna jistaqsu: Alla ħoloq lilna jew aħna ħloqna lilu? Fost dawk li jippruvaw isolvu din it-tensjoni, l-akbar dmir biex tiġi pprovta l-eżistenza t’Alla taqa’ fuq min jemmen f’Alla. La l-atejisti u lanqas l-agnostiċi m’għandhom għalfejn jipprovaw xejn. L-argumenti tat-tejisti Fost it-tejisti, donnu hemm ħames għamliet ta’ raġunijiet li jipproponu: (1) kożmiċi, l-aktar li l-ordni li donnu jeżisti fl-univers ħolqu essri divin (dawk li jipproponi hekk ġeneralment jissejħu ‘Kreazzjonisti’ jew il-proponenti tal-‘Fasla Intelliġenti’); (2) storiċi, l-aktar li l-bniedem minn dejjem emmen f’essri divin); (3) psikoloġiċi, l-aktar li l-bniedem IĦOSS li hemm xi essri divin ’l barra u akbar minnu; (4) romantiċi jew sentimentali, l-aktar li l-ġmiel kollu tan-natura bilfors ħolqu xi essri divin; u (5) filosofiċi, l-aktar li, fl-ordni tal-essri (being), ma jistax ma jkunx hemm Essri Ewlieni (‘Primum Movens’) li mhuwiex kompost u m’għandux bidu (it-tifsiriet ta’ dawn jissejħu ‘ontoloġiċi

Id-dritt morali tat-tmexxija

Image
F’dak li jirrigwarda l-Istat politiku, id-dritt morali tat-tmexxija jikseb is-saħħa u l-ġustifikazzjoni tiegħu mill-poplu. Għaldaqstant, huwa l-poplu li jsostni u jżomm wieqaf dan id-dritt, hu l-poplu li jrid ikun kontinwament sodisfatt miż-żamma u l-użu tiegħu, u hu lill-poplu li jrid jingħata rendikont progressiv. Mandat morali Id-dritt tat-tmexxija f’pajjiż demokratiku ma jinkisibx biss mil-lat numeriku tal-elettorat, jiġifieri meta l-maġġoranza tal-voti validi f’elezzjoni ġenerali tiffavorixxi partit flok oħrajn. Dak jista’ jkun il-bidu tal-istorja, imma żgur li mhijiex l-istorja kollha. Għax biex tissokta l-bqija tal-istorja jeħtieġ xi ħaġa oħra. Jeħtieġ mandat morali ma’ dak elettorali. Il-mandat morali huwa rieda kontinwa ta’ favoriment, ta’ aċċettazzjoni u ta’ approvazzjoni. Dan huwa mandat li ma jintweriex bil-voti f’kaxex elettorali. Jintwera b’sentiment ġenerali mifrux fost il-popolazzjoni bbażat fuq l-esperjenza immedjata u fuq il-fiduċja fil-ġejjieni qrib. Dan hu s

Id-demm tal-ħajja

Image
L-aqwa għemil ta’ tjieba umana huwa dak anonimu. Mhux biss meta min jirċievi l-għemil ma jkunx jaf min għamlu, imma aktar u aktar li min jagħmel l-għemil ma jkunx jaf min gawda minnu. L-istess il-karità, meta tkun anonima b’dan il-mod li qed ngħid, hi fl-aqwa tagħha. Meta tagħti d-demm, dan hu li tkun qed tagħmel. Tjieba umana, karità nisranija Jien wieħed minn dawk li, kull tliet xhur, immur bil-ferħ kollu ta’ qalbi nagħti d-demm. Għalija hu sagrifiċċju tabilħaqq żgħir, imma li naf li jiswa’ ħafna. Fiċ-Ċentru tal-Demm fi Gwardamangia, ħdejn id-dħul tal-Isptar San Luqa, dejjem sibt kortesija mill-aqwa u faċiltà kbira biex nagħmel din l-opra ta’ tjieba umana u karità nisranija. Nifhem li mhux kulħadd għandu stonku biex jagħti d-demm. Għandu mnejn jibża’ mil-labra jew ma jħossux komdu meta jara d-demm jinġabar ġo borża. Iżda nifhem ukoll li l-biċċa l-kbira tagħna m’għandhomx problemi bħal dawn u xorta waħda qatt ma qiesu b’serjetà li jagħtu mid-demm lil ħaddieħor. Jista’ jkun h