Id-dritt morali tat-tmexxija

F’dak li jirrigwarda l-Istat politiku, id-dritt morali tat-tmexxija jikseb is-saħħa u l-ġustifikazzjoni tiegħu mill-poplu. Għaldaqstant, huwa l-poplu li jsostni u jżomm wieqaf dan id-dritt, hu l-poplu li jrid ikun kontinwament sodisfatt miż-żamma u l-użu tiegħu, u hu lill-poplu li jrid jingħata rendikont progressiv.

Mandat morali

Id-dritt tat-tmexxija f’pajjiż demokratiku ma jinkisibx biss mil-lat numeriku tal-elettorat, jiġifieri meta l-maġġoranza tal-voti validi f’elezzjoni ġenerali tiffavorixxi partit flok oħrajn. Dak jista’ jkun il-bidu tal-istorja, imma żgur li mhijiex l-istorja kollha. Għax biex tissokta l-bqija tal-istorja jeħtieġ xi ħaġa oħra. Jeħtieġ mandat morali ma’ dak elettorali.

Il-mandat morali huwa rieda kontinwa ta’ favoriment, ta’ aċċettazzjoni u ta’ approvazzjoni. Dan huwa mandat li ma jintweriex bil-voti f’kaxex elettorali. Jintwera b’sentiment ġenerali mifrux fost il-popolazzjoni bbażat fuq l-esperjenza immedjata u fuq il-fiduċja fil-ġejjieni qrib. Dan hu sentiment li jitħarrek. Hu fluwidu. Proprju minħabba li jitgħajjex minn impressjonijiet issuġġeriti minn kuntatt dirett mal-istrutturi tat-tmexxija kif ukoll mill-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Fuq kollox, hu sentiment ta’ dixxerniment kontinwu ta’ x’inhu jsir mit-tmexxija, x’seta’ sar, x’huwiex qiegħed isir, kif, għala u għalfejn. Minkejja li hu sentiment intanġibbli u tipikament elastiku, jiġifieri li kapaċi jissaporti inkonvenjenzi fit-tul, xorta waħda hu qawwi, tenaċi u b’ħila li jagħmel ġudizzji kategoriċi.

Il-moralità elettorali

Id-dritt morali tat-tmexxija li jiġi mill-poplu b’dan il-mod mhuwiex ta’ min jinjorah. Għalkemm ħafna drabi ma jreġġax lura mandat elettorali qabel ma dan itemm iż-żmien allokat lilu kostituzzjonalment, iżomm il-polz tat-treġija b’għajnejn attenti, b’moħħ li jiddelibera u, fuq kollox, b’ilsien li jtaqtaq. Hu minn hawn jikseb il-forza tiegħu. Ma jiġġudikax addoċċ. Jiġġudika b’sens ta’ moviment u direzzjoni. Iħoss, jekk trid tgħid hekk, jekk il-mandat elettorali għandux ukoll wieħed morali.

Il-moralità ta’ dan il-mandat huwa sens ġenerali ta’ jekk it-treġija hijiex kif kienet mistennija jew kif kienet ittamata. Hi moralità għax tħaddan fiha l-kriterji ta’ x’inhu sewwa u x’huwiex, ta’ x’inhu xieraq u x’huwiex, ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Hi moralità li, fl-aħħar mill-aħħar, hi sensittiva għal jekk il-mandat elettorali huwiex qed jiġi onorat jew le.

Il-moralità tal-elettorat―li, effettivament, hi dejjem akbar mir-rieda tal-maġġoranza elettorali―ma tistax tinbena jew tinħatt wisq faċilment jew artifiċjalment, speċjalment meta hi sostenuta fuq perjodu twil u mibnija b’esperjenzi proprji. Ovvjament, wieħed m’għandux ma jagħtihiex importanza jew jittrattaha b’mod ħafif. Fl-aħħar mill-aħħar, se jkun fuqha li se tistrieħ il-maġġoranza elettorali li jmiss.

L-esiġenza elettorali

Għalkemm din il-moralità popolari tat-tmexxija mhijiex insensittiva għal bosta fatturi li mhux dejjem ikollhom x’jaqsmu direttament mal-politika, is-sustanza tagħha hija l-vera termometru tal-pajjiż. Hija ovvja li, f’kull perjodu governattiv, hi din il-moralità li l-oppożizzjoni politika tipprova tinfluwixxi kemm jista’ jkun. Iżda spiss jiġri li l-oppożizzjoni tiżbalja meta taħseb li tali moralità hi manipulabbli faċilment.

M’hijiex. La mill-oppożizzjoni u lanqas mill-gvern, u lanqas mill-midja. Tabilħaqq, dawn u ħafna fatturi influwenti oħra kapaċi jħallu xi għamla ta’ effett, iżda mhux daqstant determinanti. Dan għax l-esperjenza kontreta ta’ kuljum ta’ dak li l-elettorat jisma’, jara, iħoss u jġarrab fil-laħam il-ħaj għandu toqol akbar fl-istima ġenerali tal-ġudizzju prattiku.

Jiena jidhirli li wieħed m’għandux jilgħab jew jissogra wisq ma’ din il-moralità. M’għandux jażżarda żżejjed, għax kapaċi tkun perikoluża. Wara kollox, hi minnha li jiġi, apparti l-legalità tal-mandat, id-dritt morali tat-tmexxija, u mingħajrha t-treġija titlef is-saħħa u l-ġustifikazzjoni tagħha.

Il-poplu jesiġi sodisfazzjoni morali kontinwament, u għandu raġun u għandu dritt.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?