Posts

Showing posts from February, 2016

L-Att kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni

Image
Mhuwiex eżattament ċar x’inhu l-punt ewlieni tal-‘Position Paper’ li ħarġet dil-ġimgħa l-Kummissjoni mqabbda mill-Kurja tal-Arċisqof dwar l-Att kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni. Il-Kummissjoni, f’dokument ċkejken ta’ ftit aktar minn erbat elef kelma, donnha tfittex li tixħet kulma ġieha f’rasha mingħajr ma qisha kienet taf eżatt fejn kien il-versall. Akkużi flok djalogu Il-kritika li l-Kummissjoni xxejjer, jew aħjar l-akkużi li b’arja awtorevoli tfittex li tagħmel, fir-rigward tal-Att imsemmi huma diversi. Iżda, meta jarahom sewwa, wieħed jibqa’ perpless eżattament fuq liema naħa tal-ħajt tinsab il-Kummissjoni. Wieħed jista’ anki jaqgħalu s-suspett li l-Kummissjoni fittxet li tivvinta xagħra ħalli ssibha fl-għaġina. Insejħilhom ‘akkużi’ l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni għax f’ebda vers tad-dokument tagħha ma hemm ħjiel ta’ djalogu. It-ton huwa konfrontazzjonali u ġellied; qisha qed tkellem lil xi għadu. Id-dokument ma japprezza kważi xejn fl-Att imsemmi filwaqt li jaqra affari

Is-Sirja mdemma

Image
Il-waqfa mill-ġlied fis-Sirja din il-ġimgħa ftit għandha prospetti tajbin. Għalkemm il-waqta hi miftiehma, ma tapplikax għas-sellieta Ġiħadisti. Dan iġib il-ftehim xi ftit jew wisq fix-xejn. Ifisser ukoll li l-miljuni ta’ Sirjani li jeħtieġu għajnuna urġenti umanitarja aktarx se jibqgħu jistennew għalxejn. Bħas-soltu, l-akbar ferita ta’ din il-gwerra mdemma ta’ bejn l-impikati tal-punent u r-Russja huma n-nies komuni li m’għandhom ebda ħajt ta’ kenn. Gwerra tal-kliem u l-fatti Waqt li għaddejja l-ġlieda bl-armi, għaddejja oħra ta’ kliem bejn l-impikati u stinati. Naħa takkuża lill-oħra ta’ ħsarat u kattiverji li, evidentement, ħadd ma jista’ jivverifikahom jew jagħmel xejn dwarhom. Bħalma kien intqal darba, ‘il-verità hija l-ewwel fatalità ta’ kull gwerra’. Hekk ġara dejjem u hekk qed jiġri issa. Iżda l-gwerra tal-kliem ma hi xejn ħdejn l-hemm li minnu għaddej il-poplu Sirjan. Dan kienu jafuh mill-bidu, kemm il-pajjiżi tal-punent u kemm ir-Russja. Kienu jafuh il-pajjiżi tal-pun

Ħsieb Manwel Dimech

Image
Huwa rarissmu li f’Malta jew f’Għawdex isir kors ta’ tagħlim fuq Manwel Dimech. Anzi, nista’ ngħid b’ċerta ċertezza li qatt ma sar. Wisq anqas fuq ħsiebu. Jien naf li ħafna nies huma mxennqin għal dan għax ġustament iħobbu jitgħallmu dejjem aktar dwar Dimech. Għaldaqstant, issa hu l-mument li forsi ilek tistenna. Għall-ewwel darba se jsir kors qasir bil-Malti li għalih jista’ jattendi kulħadd. Kors qasir għal kulħadd Jekk tixtieq titgħallem xi ftit aktar dwar Manwel Dimech u l-ħsieb tiegħu, agħti kas sewwa ta’ dawn id-dettalji li se nagħtik ħalli ma titlifx opportunità bħal din. Ngħidlek millewwel li din mhijiex opportunità li se terġa’ tiġi ’l quddiem tant malajr. Anzi, nista’ kważi nassigurak li din l-opportunità hi kważi unika. Allura, aħtafha, jekk tista’, għax mhux la kemm se tiġik oħra bħalha. Il-kors li se jsir hu wieħed qasir. Jieħu biss ħamest ijiem. Se jsir kull nhar ta’ Tnejn għal ħames ġimgħat. Biex wieħed jattendi għalih ma jridx ikun mar korsijiet oħrajn jew atten

Ħniena ma’ Godfrey Ellul

Image
Godfrey Ellul huwa priġunier li qiegħed jiskonta sentenza twila ta’ ħabs. Jinsab marid serjament. Fil-fatt, diżrazzjatament jinsab fi stat prekarju ħafna ta’ saħħa. Is-sejħat lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jitħalla jiġi sospiż mill-ħabs minħabba l-istat fiżiku tiegħu ilhom isiru. Iżda s’issa ma hi qed tintwera ebda rieda politika li tiġi applikat l-liġi f’każijiet bħal dawn billi jingħata ‘ħelsien kompassjonali’. Hawnhekk il-gvern għandu opportunità biex juri l-qalb kbira tiegħu. Jien inħeġġu sabiex jippermetti lil Godfrey jgħaddi l-aħħar jiem tiegħu f’ambjent aktar dinjituż u uman. Provediment għaqli Xi wħud, malli se ssemmilhom lil Godfrey Ellul, millewwel—m’għandix dubju—se jqajmu s-sens ta’ ġudizzju tagħhom u jwaqqfu widnejhom. Il-każijiet kriminali tiegħu, ir-raġuni għalfejn jinsab il-ħabs, se jiġu kkwotati u mwejra bħal bandiera. Godfrey instab ħati mill-qrati tal-ġustizzja u qed jieħu li ħaqqu, jgħidulek. B’dan li qiegħed ngħid hawnhekk, però, m’iniex se niċħad dan ko