Is-Sirja mdemma

Il-waqfa mill-ġlied fis-Sirja din il-ġimgħa ftit għandha prospetti tajbin. Għalkemm il-waqta hi miftiehma, ma tapplikax għas-sellieta Ġiħadisti. Dan iġib il-ftehim xi ftit jew wisq fix-xejn. Ifisser ukoll li l-miljuni ta’ Sirjani li jeħtieġu għajnuna urġenti umanitarja aktarx se jibqgħu jistennew għalxejn. Bħas-soltu, l-akbar ferita ta’ din il-gwerra mdemma ta’ bejn l-impikati tal-punent u r-Russja huma n-nies komuni li m’għandhom ebda ħajt ta’ kenn.

Gwerra tal-kliem u l-fatti

Waqt li għaddejja l-ġlieda bl-armi, għaddejja oħra ta’ kliem bejn l-impikati u stinati. Naħa takkuża lill-oħra ta’ ħsarat u kattiverji li, evidentement, ħadd ma jista’ jivverifikahom jew jagħmel xejn dwarhom. Bħalma kien intqal darba, ‘il-verità hija l-ewwel fatalità ta’ kull gwerra’. Hekk ġara dejjem u hekk qed jiġri issa.

Iżda l-gwerra tal-kliem ma hi xejn ħdejn l-hemm li minnu għaddej il-poplu Sirjan. Dan kienu jafuh mill-bidu, kemm il-pajjiżi tal-punent u kemm ir-Russja. Kienu jafuh il-pajjiżi tal-punent, inkluż Malta, meta kienu ddeċidew li jagħtu armi fl-idejn lill-ġellieda. Issa taparsi jibku u jitkażaw. Donnu l-imgħoddi qrib tagħhom u ta’ għemilhom insewh.

Dal-pajjiżi donnhom jippretendu li kulħadd joqgħod għar-rieda tagħhom. Il-problema hi dejjem l-istess waħda li bdiet kull gwerra fl-istorja: min se jaħkem lil min. Il-punent jippretendi predominanza assoluta kullimkien bħallikieku d-dinja saret tiegħu. Huwa ovvju li dan mhux se jitħalla jsir.

Gwerra injorata

Iżda minkejja l-politika maħmuġa ta’ din il-gwerra (bħal ta’ kull gwerra oħra), id-dramma ewlenija qiegħed jgħixha l-poplu indifiż tas-Sirja; in-nies fit-toroq u fi djarhom li huma esposti għall-perikli, il-ħsarat u l-imwiet. Huma dawn li qegħdin iħallu għall-pika u l-instransiġenza tal-politiċi. Huma dawn li, fl-aħħar mill-aħħar, qegħdin jgħixu ta’ kuljum, ’il bogħod mill-interess ta’ ħafna mezzi tal-aħbarijiet, il-kruha tal-qerda.

Din hi gwerra li, m’għandniex xi ngħidu, mhijiex importanti daqs l-‘iscudetto’ u l-‘primera liga’; mhijiex importanti daqs l-Oscars; mhijiex importanti daqs il-ħmerijiet li ta’ kuljum il-mezzi tal-aħbarijiet huma mehdija bihom. Mhijiex importanti għalihom, naturalment. Għal kulmin għandu qalb hi importanti ħafna u m’għandhiex tintesa qisu taħt il-bombi tagħha mhumiex nies li qegħdin imutu ta’ kuljum.

Il-gwerra fis-Sirja—partikularment din il-gwerra—hi tabilħaqq waħda maħmuġa. Inbdiet mill-politiċi u l-politiċi kienu l-ewwel nies li ħaslu jdejhom minnha. Dawn kienu minn ta’ quddiem biex jinjorawha biex jinħlew fuq ħwejjeġ aktar ‘importanti’ għalihom. Hi tal-biki kemm jismawna ftit ilkoll kemm aħna.

Il-‘vittorja’ tal-politiċi

Minkejja l-indifferenza tal-politiċi u tal-midja, wieħed għandu jkun jaf li din il-gwerra fis-Sirja saret l-akbar kriżi umanitarja taż-żminijiet moderni. Nofs it-22 miljun ruħ li kienu jgħixu fis-Sirja qabel il-gwerra, mhux anqas minn NOFSHOM kellhom jaħarbu minn djarhom. Wieħed minn kull ħames Sirjan issa huwa refuġjat. Biss biss, 4.5 miljun ruħ marru jsibu kenn fil-pajjiżi tal-qrib.

Interessanti, li l-biċċa l-kbira ta’ dawn in-nies mhumiex mit-territorji tal-għedewwa ta’ Assad, iżda mit-territorji tiegħu. Dan ifisser li dawn in-nies huma vittmi tal-bombi tal-punent mhux ta’ min il-punent qal li huwa x-xitan inkarnat.

Fost il-11-il miljun li baqa’ għall-ħniena tal-bombi hemm 1.1 miljun tfal li m’għandhom aċċess għal ebda għajnuna umanitarja. Bosta minnhom huma ddestinati li jmutu bil-ġuħ. S’issa aktar minn kwart ta’ miljun ruħ ġew maqtula, terz minnhom nies indifiżi għal kollox, 13-il elf minnhom tfal.

Din hi l-‘vittorja’ tal-politiċi. Hekk jaf jagħmel min jiddeċiedi għal ħaddieħor minn wara skrivanija.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?