Posts

Showing posts from August, 2015

Ippulizjati!

Image
‘IPPULIZJATI’. Kelma tqila. Ma ssibha f’ebda dizzjunarju tal-ilsien Malti (safejn naf jien). Lanqas bħala verb (stramb) li jiġi min-nom ‘pulizija’. Iżda t-tifsira tal-kelma teżisti tabilħaqq. U kif! Il-kelma tindika sorvelja, għassa, ħarsien, superviżjoni, viġilanza, żamma taħt l-għajnejn. Bl-Ingliż tiġi ‘policed’; bil-Franċiż ‘policée’; bl-Ispanjol ‘vigilado’; bit-Taljan ‘sorvegliato’; bil-Ġeramniż ‘überwacht’; bil-Grieg ‘αστυνομεύεται’; biċ-Ċiniż ‘维持治安’ u l-bqija. Xi jfisser ‘ippulizjati’? Aħna lkoll ninsabu ppulizjati ħafna aktar milli naħsbu jew nistħajlu. Meta ngħid li aħna ppulizjati, ma nifhimx biss li l-pulizija jidħlu f’ħafna oqsma u ħinijiet tal-ħajja tagħna. Waqt li nsuqu, ngħidu aħna, jew waqt xi laqgħa tal-massa, jew f’attivitajiet fejn jinġabru ħafna nies, jew waqt xi festa. Kieku kien hekk biss, fiha u ma fihiex. Għax il-pulizija hija meħtieġa la darba jrid ikun hemm il-bon ordni. Lanqas ma nfisser, meta ngħid li aħna ppulizjati, li aħna xi stat pulizjesk, jiġifi

It-Tmien Kmandament

Image
It-tmien kmandament huwa ‘La tisraqx’. Il-kliem tiegħu donnu jifhmu kulħadd mingħajr diffikultà. Kulħadd jifhem li ħadd m’għandu jqis bi proprjetà tiegħu dik il-proprjetà li hi ta’ ħaddieħor. Infatti, kulħadd iqis dan il-kmandament bħala l-pilastru ewlieni tal-kunċett u l-filosofija tal-proprjetà privata. Iżda dak li ħafna ma jqisux huwa li, fil-fatt, il-kmandament ma jgħidx ‘La tisraqx’. It-traduzzjoni tal-kliem ta’ dan il-kmandament hija mbagħbsa. Il-kliem oriġinali Jekk tmur tfittex il-versjoni Lhudija oriġinali tal-Bibbja fil-Ktieb tal-Eżodu (kapitlu 20, vers 15) issib li t-tmien kmandament jgħid: ‘La tġenobx’ ; mill-għerq ‘ġanab’ . Kif tista’ tintebaħ, fortunatament il-verb jixbah ħafna l-kelma Maltija ‘iġġenneb’ , jiġifieri tqiegħed fil-ġenb, twarrab, iżżomm għalik innifsek jew tikseb b’qerq. Preċiżament, hu dan li t-tmien kmandament jgħid: ‘La ġġennibx’ , mhux la tisraqx, kif spiss jiġi tradott (ukoll minn Saydon). Kien b’dan il-verb u d-derivazzjonijiet tiegħu li l-Lhud

Tmiem il-professjonist

Image
L-Internet għad itemm il-ħtieġa tal-professjonisti. Din naħseb li hija waħda mill-aktar effetti profondi, mifruxa u radikali ta’ dan il-mezz fenomenali ta’ qsim ta’ informazzjoni. L-effett diġà qiegħed jinħass ġmielu. Iżda nobsor li se jkompli jikber sakemm jieħu predominanza għal kollox. Il-ħolqien tal-professjonist Il-professjonisti ta’ kull qasam minn dejjem kellhom ħakma fuq l-informazzjoni. Anzi, jidhirli jien li kienet proprju din il-ħakma li ħolqot il-klassi tagħhom. L-informazzjoni speċjalizzata li huma ġabru u ħażnu ħolqithom f’dak li huma: professjonisti fis-sengħa tagħhom bl-esklużjoni ta’ kulmin dik l-informazzjoni ma kellux. Din l-esklussività ħolqot dipendenza fuq il-professjonist u, għaldaqstant, l-indispensabbiltà tiegħu. In-nies (li kienu nieqsa mill-informazzjoni) kellhom bil-fors jiddependu fuq il-professjonist sabiex jaċċessaw irwieħhom minn ċertu servizzi u, għalhekk, il-professjonist sar indispensabbli fil-ħajja tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, din id-dip

Lejn teoloġija tas-sbuħija

Image
Ħafna huma t-teoriji dwar liema hi t-teoloġija ideali, teoriji li spiss ħabbtu rashom ma’ xulxin. Din aktarx hi waħda mill-aktar kwestjonijiet li t-teologi riedu jsibu tarf: li jsawru teoloġija għal kull żmien u għal post; teoloġija waħda li tiġbor l-oħrajn kollha; teoloġija li weħedha hi biżżejjed. Jien jidhirli li din tista’ tkun it-Teoloġija tas-Sbuħija. Alla hu Sbuħija Alla hu Sbuħija. Mhux biss hu sabiħ, iżda hu s-Sbuħija nnifisha. F’dak li l-Latini kienu jgħidu ‘Deus est ipsa pulchritudo’ , ‘Alla hu s-sbuħija nnifisha’ (Wistin, Hom. IX in 1Io , 9; Akwinu, IiaIIae , 34, I; ), kienu jiġbru l-‘attributi’ kollha ta’ Alla: il-Sewwa, it-Tjieba, il-Waħdieni. Ukoll dak li jgħid San Ġwann, ‘Alla hu mħabba’ (1 Ġw 4:8), tinġabar f’din l-essenza tas-Sbuħija. Għax kemm dak li hu sewwa, kemm dak li hu tjieba, kemm dak li waħdieni, u kemm dak li mħabba, hu sabiħ, u ma jistax ma jkunx sabiħ. Kull virtù oħra—kemm jekk hi ġustizzja, qawwa, temperanza u prudenza, kemm jekk hi ħniena, u kemm

L-‘iskandlu’ ta’ Palmira

Image
Fi tmiem Mejju li għadda, aġenziji tal-aħbarijiet fil-Gran Britannja, l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Unjoni Ewropea (UE) lkoll qamu ħuġġieġa waħda biex jitkażaw bl-Istat Iżlamiku tal-Irak u l-Lvant (magħruf għala ISIS) għax militanti tiegħu daħlu fir-raħal ta’ Palmira (fid-deżert tas-Sirja) u għamlu l-ħsarat f’monumenti tal-qedem. Issa biex titkaża trid tkun pur. Iżda la l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, la l-Amerika u wisq anqas il-Gran Britannja ma huma puri biex jitkażaw. Il-ħarsien ta’ Palmira Palmira fis-Sirja hija belt li l-istorja tagħha tmur lura erba’ millennji. Tul il-medda taż-żminijiet, il-pożizzjoni ġeografika tagħha għamlitha possibbli li tkun post fejn kienu jaqsmu diversi rotot tal-kummerċ bejn il-lvant u l-punent u bejn it-tramuntana u nofsinhar. Kienet ċentru Griek u Ruman, kif ukoll ċentru Persjan, imbagħad ċentru Musulman. Il-fdalijiet arkeoloġiċi u l-monumenti artistiċi li llum għadhom jeżistu ġo Palmira huma impressjonanti u imprezzabbli. Skont il-UNESC