Sunday, 9 August 2015

Lejn teoloġija tas-sbuħija

Ħafna huma t-teoriji dwar liema hi t-teoloġija ideali, teoriji li spiss ħabbtu rashom ma’ xulxin. Din aktarx hi waħda mill-aktar kwestjonijiet li t-teologi riedu jsibu tarf: li jsawru teoloġija għal kull żmien u għal post; teoloġija waħda li tiġbor l-oħrajn kollha; teoloġija li weħedha hi biżżejjed. Jien jidhirli li din tista’ tkun it-Teoloġija tas-Sbuħija.

Alla hu Sbuħija

Alla hu Sbuħija. Mhux biss hu sabiħ, iżda hu s-Sbuħija nnifisha. F’dak li l-Latini kienu jgħidu ‘Deus est ipsa pulchritudo’, ‘Alla hu s-sbuħija nnifisha’ (Wistin, Hom. IX in 1Io, 9; Akwinu, IiaIIae, 34, I; ), kienu jiġbru l-‘attributi’ kollha ta’ Alla: il-Sewwa, it-Tjieba, il-Waħdieni. Ukoll dak li jgħid San Ġwann, ‘Alla hu mħabba’ (1 Ġw 4:8), tinġabar f’din l-essenza tas-Sbuħija.

Għax kemm dak li hu sewwa, kemm dak li hu tjieba, kemm dak li waħdieni, u kemm dak li mħabba, hu sabiħ, u ma jistax ma jkunx sabiħ. Kull virtù oħra—kemm jekk hi ġustizzja, qawwa, temperanza u prudenza, kemm jekk hi ħniena, u kemm jekk hi umiltà—kollha huma sbieħ u għandhom mis-Sbuħija, u ma jistax ma jkunx hekk. Għax dak li hu ikrah la jista’ jkun veru, la sewwa, la tjieba, la umli, la ħanin, la qawwi, la ġust, la temperanti, la prudenti u lanqas imħabba. Dak li hu ikrah m’għandu xejn minn Alla.

Dak li nifhem b’‘sbuħija’ m’għandux jiġi identifikat biss ma’ dak li għandu ġmiel esterjuri. Dan ma jeskludihx għal kollox, għax lanqas ma nifhem ‘sbuħija’ bħala kwalità morali biss. Dak li nifhem biha hija ċerta integrità naturali li hi onesta u sinċiera.

Teoloġija tal-wiri ta’ Alla

Is-sbuħija nifhem biha li tinkludi dak kollu li hu ġust, temperanti, prudenti, qawwi. Tinkludi dak kollu li hu sewwa, tajjeb, umli u ħanin. Tinkludi dak kollu li hu mħabba. Is-sbuħija li aħna nilmħu kemm f’dawn il-kwalitajiet u kemm f’oħrajn, kif ukoll f’għamliet estetiċi u artistiċi, intellettwali u etiċi, hija sabiħa għax tieħu mis-Sbuħija ewlenija, li hu Alla.

Alla juri lilu nnifsu f’dak kollu li hu sabiħ u, għalhekk, f’dawn il-kwalitajiet kollha li semmejt. Iżda hu eskluż u mwarrab fl-opposti tagħhom, bħal fl-inġustizzja, il-gideb, il-ħażen, l-ebusija tal-qalb, in-nuqqas ta’ ġenerosità, il-mibegħda, l-intemperanza, l-imprudenza, il-godardetà, id-diżordnat, il-ġlied, l-għira, il-moħqrija, il-vendetta, il-firda, l-eslużjoni, l-umiljazzjoni, il-gwerra, l-abbuż, id-diżrispett, l-inugwaljanza, l-intolleranza, il-kburija, is-suppervja u l-bqija.

Teoloġija tas-Sbuħija hija waħda li tiċċelebra l-wiri tas-Sbuħija f’kull għamla ta’ sbuħija, u tiddenunċja t-twarrib tas-Sbuħija, u l-insolenza lejHa, f’kull sura ta’ kruha. Teoloġija tas-Sbuħija ma tistax tkun legalista, dommatika jew moralista. Bil-maqlub, hija tissottometti l-liġi, id-dommatiżmi u l-moraliżmi għal dak li hu sabiħ (bil-kwalitajiet kollha li din iġġib magħha).

Teoloġija inklużiva

It-teoloġiji kollha huma inklużi f’Teoloġija tas-Sbuħija. It-teoloġiji konservattivi, liberali, soċjalisti, faxxisti, mistiċi, bibbliċi, panteisti, etiċi, komunitarji, anarkiċi, morali, kontestwali, ‘suwed’, apoloġetiċi, naturali, storiċi, kateketiċi, sistematiċi, dommatiċi, prattiċi, etniċi u l-bqija, kollha għandhom implikat fihom Teoloġija tas-Sbuħija mingħajr ma jagħtu lis-sabiħ il-post ewlieni li jixraqru.

Jiena jidhirli li niksbu dwal ġodda—kemm duttrinali, kemm skritturali u kemm morali—jekk inqiegħdu ħsiebna fuq Teoloġija tas-Sbuħija li tiġborhom ilkoll. Wara kollox, hija s-Sbuħija waħedha li, kif nemmnu, għad ngħaddu eternità nikkontemplew fil-ġenna; dik li tissejjaħ il-‘visio beatifica’ (il-‘kontemplazzjoni hienja’), il-komunikazzjoni lilna tas-Sbuħija divina bl-aktar mod għoli u perfett.

Li nagħrfu, infaħħru, inbierku u nxandru xrar ta’ din is-Sbuħija minn issa f’din id-dinja—hekk kif trid teoloġija bħal din—ikun ifisser li nibdew minn issa niċċelebraw b’rahan il-ħajja beatifika li ġejja. Aħna ma neħtiġux teoloġiji ta’ firda, iżda teoloġija ta’ għaqda.




No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever