L-‘iskandlu’ ta’ Palmira

Fi tmiem Mejju li għadda, aġenziji tal-aħbarijiet fil-Gran Britannja, l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Unjoni Ewropea (UE) lkoll qamu ħuġġieġa waħda biex jitkażaw bl-Istat Iżlamiku tal-Irak u l-Lvant (magħruf għala ISIS) għax militanti tiegħu daħlu fir-raħal ta’ Palmira (fid-deżert tas-Sirja) u għamlu l-ħsarat f’monumenti tal-qedem. Issa biex titkaża trid tkun pur. Iżda la l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, la l-Amerika u wisq anqas il-Gran Britannja ma huma puri biex jitkażaw.

Il-ħarsien ta’ Palmira

Palmira fis-Sirja hija belt li l-istorja tagħha tmur lura erba’ millennji. Tul il-medda taż-żminijiet, il-pożizzjoni ġeografika tagħha għamlitha possibbli li tkun post fejn kienu jaqsmu diversi rotot tal-kummerċ bejn il-lvant u l-punent u bejn it-tramuntana u nofsinhar. Kienet ċentru Griek u Ruman, kif ukoll ċentru Persjan, imbagħad ċentru Musulman.

Il-fdalijiet arkeoloġiċi u l-monumenti artistiċi li llum għadhom jeżistu ġo Palmira huma impressjonanti u imprezzabbli. Skont il-UNESCO huma wirt tal-umanità kollha. Il-ħarsien ta’ dawn il-fdalijiet u monumenti huwa dmir tad-dinja ċivilizzata għall-ġenerazzjonjiet ġejjiena.

F’Mejju li għadda, meta l-ISIS kiseb rebħiet territorjali fis-Sirja u wasal sar-raħal ta’ Palmira, xi wħud mill-mititanti Sunni l-aktar fanatiċi u indixxiplinati daħlu f’mużew arkeoloġiku u farrku xi monumenti imprezzabbli tal-qedem. Dan l-aġir ġie meqjus mill-ISIS bħala wieħed rennegat. L-ISIS għamlitha ċara li m’għandha ebda intenzjoni teqred il-fdalijiet u l-monumenti arkeoloġiċi ta’ Palmira.

Qerda limitata

Jidher li l-ISIS riedet tuża Palmira bħala ‘ostaġġ’ fin-negozjati mal-għedewwa tagħha. Kien għalhekk, apparentement, li tqiegħdu l-mini madwar siti arkeoloġiċi ta’ siwi storiku kbir f’Palmira. Iżda wkoll biex tipproteġihom minn fanatiċi militanti li jagħmlu xi ftit jew wisq li jridu.

Għalkemm f’Ġunju li għadda, l-ISIS qerdet żewġ siti Musulmani Xiti—il-qabar ta’ wieħed mill-qraba ta’ Moħammed, Moħammed bin Ali, u t-tempju Abu Beħaeddin (tas-seklu 20)—jidher li kellu x’jaqsam aktar ma’ strateġija militari milli ma’ xi ħaġa oħra. Il-qerda ta’ Mejju kienet kwestjoni ta’ sfortuna fis-saħna tal-gwerra.

Wieħed ma jista’ qatt jiġġustifika l-qerda ta’ siti prezzjużi bħal dawn. Lanqas ta’ fdalijiet uniċi u monumenti imprezzabbli storiċi u arkeoloġiċi. Mhux biss għax huma ddikjarata wirt tal-umanità. Iżda għaliex ċiviltà m’għandhiex teqred wirt ta’ ċivilità oħra sempliċiment għax ma taqbilx magħha.

X’ma qerdux?

L-aktar li ma jistgħux jitkellmu dwar dan huma proprju ħafna pajjiżi mill-UE, l-Amerika u l-Gran Britannja. Tkażaw bl-ISIS mhux għax ma jaqblux magħhom f’dan, iżda għal raġunijiet propagandistiċi u xejn aktar. Għax twerrċek il-qerda sistematika li għamlu ta’ ħwejjeġ storiċi u monumenti imprezzabbli f’ħafna artijiet u fi żminijiet differenti l-bosta pajjiżi tal-UE, l-Amerika u l-Gran Britannja. Qerda mingħajr skruplu.

L-ipokrezija tagħhom tispikka mhux għax l-ISIS huma xi puri. Iżda għax bosta pajjiżi tal-UE, l-Amerika u l-Gran Britannja mhux talli mhumiex puri, imma talli jintnu bil-ħmieġ li għandhom f’dan ir-rigward. Kulfejn marru u ħakmu, dawn qerdu mingħajr l-iċken tingis tal-kuxjenza kull ħaġa prezzjuża ‘tal-għadu’ li setgħu jqiegħdu jdejhom fuqhom.

X’ma qerdux fl-Afrika? X’ma qerdux fl-Ewropa stess? X’ma qerdux fl-Amerika Latina? X’ma qerdux fl-Asja? X’ma qerdux f’kull parti tad-dinja li kellha l-isfortuna li tara l-kummerċjanti, l-avventuristi, il-merċinarji u s-suldati tagħhom jirfsu l-art tagħha? Il-qerda li għamlu hi titanika u monumentali.

Eżempju li jkaxkar

Dawn il-bosta pajjiżi tal-UE, l-Amerika u l-Gran Britannja jridu jitkażaw b’min l-anqas jibda mad-distruzzjoni tagħhom. Mhux biss ta’ fdalijiet arkeoloġiċi u l-monumenti artistiċi uniċi u imprezzabbli, imma ta’ popli sħaħ bil-kulturi u l-wirt tagħhom b’kollox. Huwa skandaluż kif dawn iridu jitkażaw meta huma stess wettqu agħar u agħar attroċitajiet irriparabbli u insostitwibbli.

Il-qerda ta’ ħwejjeġ prezzjużi ma hi qatt u qatt tajba, naturalment. Iżda li għama jgħajjar għami lill-għama hi insolenza kbira. Bosta pajjiżi tal-UE, l-Amerika u l-Gran Britannja għandhom idejhom imċappsa perennement bid-demm tad-distruzzjonijiet li għamlu u jibqgħu jagħmlu. Żgur li ma jistgħux jitkażaw b’ħaddieħor.

Jalla l-ISIS iżomm il-wegħda tiegħu li ma teqridx il-fdalijiet u l-monumenti arkeoloġiċi la ta’ Palmira u la ta’ mkien. Jalla ma jiħux l-eżempju tal-Ewropa u l-Amerika, u fuq kollox tal-Gran Britannja, biex iġib qerda bħal din. Jalla juri li hu aktar ċivilizzat minnhom. Jalla juri li hu aktar ċivilizzat milli jriduh huma.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?