Ippulizjati!

‘IPPULIZJATI’. Kelma tqila. Ma ssibha f’ebda dizzjunarju tal-ilsien Malti (safejn naf jien). Lanqas bħala verb (stramb) li jiġi min-nom ‘pulizija’. Iżda t-tifsira tal-kelma teżisti tabilħaqq. U kif! Il-kelma tindika sorvelja, għassa, ħarsien, superviżjoni, viġilanza, żamma taħt l-għajnejn. Bl-Ingliż tiġi ‘policed’; bil-Franċiż ‘policée’; bl-Ispanjol ‘vigilado’; bit-Taljan ‘sorvegliato’; bil-Ġeramniż ‘überwacht’; bil-Grieg ‘αστυνομεύεται’; biċ-Ċiniż ‘维持治安’ u l-bqija.

Xi jfisser ‘ippulizjati’?

Aħna lkoll ninsabu ppulizjati ħafna aktar milli naħsbu jew nistħajlu. Meta ngħid li aħna ppulizjati, ma nifhimx biss li l-pulizija jidħlu f’ħafna oqsma u ħinijiet tal-ħajja tagħna. Waqt li nsuqu, ngħidu aħna, jew waqt xi laqgħa tal-massa, jew f’attivitajiet fejn jinġabru ħafna nies, jew waqt xi festa. Kieku kien hekk biss, fiha u ma fihiex. Għax il-pulizija hija meħtieġa la darba jrid ikun hemm il-bon ordni.

Lanqas ma nfisser, meta ngħid li aħna ppulizjati, li aħna xi stat pulizjesk, jiġifieri stat totalitarju kkontrollat minn qawwiet politiċi sigrieti. Aħna la aħna kkontrollati b’dan il-mod u lanqas, safejn naf jien, m’għandna korp ta’ pulizija poltika tħuf ma’ saqajna u wara dahrna. Alla ħares!

Meta ngħid li aħna ppulizjati rrid infisser li ħajjitna hi sorveljata mingħajr waqfien u l-ħin kollu. Ninsabu mgħassa, imħarsa, miżmuma taħt għajnejn is-‘sorveljaturi’. It-teknoloġija elettronika għamlet dan possibbli mija fil-mija mingħajr ma aħna nintebħu u mingħajr ma dan kollu jaffettwa ’l ħajjitna b’mod dirett.

Mod ġdid ta’ spjunaġġ

Qabel konna nitħaddtu dwar l-ispjuni. Konna nistħajluhom kuti kuti, iħufu f’irkejjen mudlama, b’kappell mgħaddas f’rashom u b’ġagaga daqsiex bl-għonq imtella’ sa widnejhom. À la Humphrey Bogart, insomma. Tal-films.

Illum l-ispjuni ta’ din is-sura m’għadhomx moda. Bħal meta, ngħid aħna, kellna minnhom fostna mill-Italja Faxxista qabel l-aħħar gwerra (kif juru d-dokumenti fl-Arkivju Nazzjonali tal-Gran Britannja KV 2/2869, KV 3/352-365 u KV 4/432-434). Jew meta, wara l-attakk fuq il-Libja fl-1986, l-ispjuni tas-CIA u tas-servizzi sigrieti Libjani invadewlna xtutna biex jirrovinaw lil xulxin (kif juru l-fajls tas-CIA deklassifikati fl-2011 relattivi għall-aġent Abdul Majid Giaka).

Insomma, żmienhom għamluh. Illum l-ispjuni u l-ispjunaġġ huwa għal kollox ta’ xorta oħra. Illum l-ippulizjar ma jsirx fuq nies ‘issuspettati’ b’xi għemil kriminali possibbli jew probabbli; fuq nies imdaħħlin f’xi manuvrar politiku jew militari perikoluż. Xejn minn dan. Illum kulħadd hu ppulizjat. Jien, int, uliedek, il-ġirien u kulmin nafu u ma nafux. Kulħadd.

Il-prezz tal-kumdità

Kull darba li int tuża l-kredit kard, is-‘sorveljaturi’—xi ħadd, xi mkien, b’xi mod—ikunu jafu jew jiġi rreġistrat f’xi ‘database’ misterjuż. L-istess kull darba li tuża l-Internet, kull darba li tħaddem il-mobajl, kull darba li tibgħat SMS jew email, kull darba li tgħaddi quddiem kamera fit-triq jew f’xi stabbeliment, kull darba li tagħmel telefonata, kull darba ssiefer, kull darba li tuża xi servizz pubbliku ... Il-movimenti kollha tiegħek qegħdin jiġu ssorveljati, irreġistrati u maħżuna.

Għala dal-pulizjar kollu? Għas-sigurtà tagħna nfusna. Għallanqas din hi t-teorija. Fil-prattika: biex xejn ma jaħrab minn taħt għajnejn il-‘kontrollaturi’ tas-swieq kummerċjali u politiċi; biex kollox jiġu wżat jekk ikun hemm il-ħtieġa tiegħu; biex ħadd ma joħroġ mil-linja tal-ordni stabbilit. Forsi kien għalhekk li fl-2013, bl-għajnuna ta’ aġenziji Amerikani (u aktarx Iżraeliti), il-gvern Malti daħħal sistema sofistikata ta’ spjunaġġ fuqna lkoll.

U l-privatezza tagħna? Din ilha li mietet mewta naturali l-għexieren tas-snin. Indifnet mingħajr funeral. Mibkija minn ħadd. Għax il-biċċa l-kbira tagħna ma jinpurtahomx mill-ippulizjar sakemm nitħallew ngħixu ħajjitna bil-kwiet mingħajr indħil. Iħares min irid. Jirreġistra min irid. L-aqwa li ma jindaħlulix.

L-ippulizjar huwa l-prezz tal-kumdità li ksibna.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?