Tmiem il-professjonist

L-Internet għad itemm il-ħtieġa tal-professjonisti. Din naħseb li hija waħda mill-aktar effetti profondi, mifruxa u radikali ta’ dan il-mezz fenomenali ta’ qsim ta’ informazzjoni. L-effett diġà qiegħed jinħass ġmielu. Iżda nobsor li se jkompli jikber sakemm jieħu predominanza għal kollox.

Il-ħolqien tal-professjonist

Il-professjonisti ta’ kull qasam minn dejjem kellhom ħakma fuq l-informazzjoni. Anzi, jidhirli jien li kienet proprju din il-ħakma li ħolqot il-klassi tagħhom. L-informazzjoni speċjalizzata li huma ġabru u ħażnu ħolqithom f’dak li huma: professjonisti fis-sengħa tagħhom bl-esklużjoni ta’ kulmin dik l-informazzjoni ma kellux.

Din l-esklussività ħolqot dipendenza fuq il-professjonist u, għaldaqstant, l-indispensabbiltà tiegħu. In-nies (li kienu nieqsa mill-informazzjoni) kellhom bil-fors jiddependu fuq il-professjonist sabiex jaċċessaw irwieħhom minn ċertu servizzi u, għalhekk, il-professjonist sar indispensabbli fil-ħajja tagħhom.

M’għandniex xi ngħidu, din id-dipendenza u l-indispensabbiltà tat lill-professjonist ħafna setgħa u wkoll ħafna qawwa fis-soċjetajiet kollha. Mingħajru ċerti servizzi mhux biss ġew magħluqa għall-biċċa l-kbira tan-nies iżda wkoll inħoloq madwarhom ċerta mistiċità. Il-professjonisti kellhom l-imfietaħ ta’ bibien magħluqa li huma biss setgħu jiftħu u jagħalqu

Dinja mingħajr professjonisti

Immaġina dinja mingħajr il-ħtieġa ta’ tobba, avukati, saċerdoti, periti, għalliema, ‘accountants’, tradutturi, imħallfin, pulizija u l-bqija. Immaġina dinja fejn l-informazzjoni speċjalizzata ta’ dawn in-nies ma tkunx tagħhom biss iżda ta’ kulħadd; fejn kulħadd ikollu aċċess għal din l-informazzjoni.

F’sitwazzjoni dinjija bħal din tista’ timmaġina wkoll kemm ilkoll kemm aħna nibdew nifrankaw flus. Għax il-belli liri li nisparpaljaw fuq dawn il-professjonisti ta’ kuljum għas-servizzi speċjalizzati li jipprovdulna ma jkollniex għalfejn nonfquhom. Aħna jkollna l-istess informazzjoni li għandhom huma u, għalhekk, bżonn tagħhom ma jibqax ikollna.

Mhux li lkoll kemm aħna nsiru tobba, avukati, saċerdoti, periti u l-bqija. Iżda li lkoll kemm aħna jkollna aċċess għal biżżejjed informazzjoni sabiex ngħaddu mingħajr il-professjonist. Is-servizzi li llum jagħtuna dawn in-nies bi ħlas għali u esaġerat, f’ħinhom u għall-kumdità tagħhom, inkunu nistgħu neħduhom mingħajr il-ħtieġa li nirrikorru għand nies li għamlu min-niċċa tagħhom manipulazzjoni sħiħa.

Bl-Internet possibbli

Din id-‘dinja’ mhijiex il-bogħod. Hija d-dinja li qed jagħmilha possibbli l-Internet. Għada pitgħada, meta l-ġenerazzjoni tal-ktieb u l-kitba tgħaddi, meta l-ġenerazzjoni elettronikament illitterata tintemm, l-Internet mhux biss ikollu firxa globali u universali iżda wkoll ikompli jikber fl-informazzjoni li jagħmel possibbli.

Għada pitgħada, dak li kapaċi jgħidlek professjonist ikun aċċessibbli—kollu kemm hu u xejn anqas minn kollu kemm hu—fuq l-Internet. Mhux biss. Imma wkoll dak li kapaċi jagħmel professjonist, hu liema hu, tkun tista’ tagħmlu int ukoll bis-saħħa tal-informazzjoni speċjalizzata li l-Internet jagħtik aċċess għalih.

Il-professjonist ma jkollokx bżonnu aktar. Ir-rwol mifrux li għandu llum il-professjonist għal miljun ħaġa li mhijiex sofistikata biżżejjed biex bil-fors tirrikjedi l-intervent speċjalizzat tiegħu jsir ta’ kulħadd mingħajr għażla. Għax l-Internet mhux biss jipprovdi l-informazzjoni iżda wkoll kapaċi jagħmel l-affarijiet. L-informazzjoni tagħmel possibbli t-twettiq.

Dinja aħjar

Filwaqt li llum għal ċerti servizzi jeħtiġilna bil-fors nirrikorru għand professjonist, għada pitgħada, permezz tal-informazzjoni u l-aċċessibbiltà li jagħtina l-Internet, dawk is-servizzi nistgħu neħduhom mingħajr il-professjonist u d-dominju tiegħu.

Wara kollox, l-informazzjoni hekk imsejħa ‘speċjalizzata’ hi biss kelma elitista u klassista li l-Internet qiegħed jagħmel obsolita. Bil-mod il-mod, maż-żmien, ixejjinha għal kollox.

Din il-bidla ġġib trasformazzjoni sħiħa fid-dinja. Bħalma l-ħolqien artifiċjali tal-klassijiet professjonisti fasslu dinja ta’ esklussivitajiet, predominji u privileġġi, hekk ukoll il-qerda gradwali tal-barrieri li jiddefinixxu u jistabbiixxu l-professjonijiet ifasslu dinja għal kollox differenti ... u forsi isbaħ.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?