Ħniena ma’ Godfrey Ellul

Godfrey Ellul huwa priġunier li qiegħed jiskonta sentenza twila ta’ ħabs. Jinsab marid serjament. Fil-fatt, diżrazzjatament jinsab fi stat prekarju ħafna ta’ saħħa. Is-sejħat lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jitħalla jiġi sospiż mill-ħabs minħabba l-istat fiżiku tiegħu ilhom isiru. Iżda s’issa ma hi qed tintwera ebda rieda politika li tiġi applikat l-liġi f’każijiet bħal dawn billi jingħata ‘ħelsien kompassjonali’. Hawnhekk il-gvern għandu opportunità biex juri l-qalb kbira tiegħu. Jien inħeġġu sabiex jippermetti lil Godfrey jgħaddi l-aħħar jiem tiegħu f’ambjent aktar dinjituż u uman.

Provediment għaqli

Xi wħud, malli se ssemmilhom lil Godfrey Ellul, millewwel—m’għandix dubju—se jqajmu s-sens ta’ ġudizzju tagħhom u jwaqqfu widnejhom. Il-każijiet kriminali tiegħu, ir-raġuni għalfejn jinsab il-ħabs, se jiġu kkwotati u mwejra bħal bandiera. Godfrey instab ħati mill-qrati tal-ġustizzja u qed jieħu li ħaqqu, jgħidulek. B’dan li qiegħed ngħid hawnhekk, però, m’iniex se niċħad dan kollu. Imqar għas-saħħa tal-argument.

Ħadd ma hu se jgħid—jien inkluż—li l-imgħoddi għandu jiġi minsi issa li Godfrey jinsab fi stat ta’ saħħa pjetuża u tabilħaqq prekarja. Ħadd ma hu se jgħid li dak li kien kien u issa nibdew paġna ġdida. Ħadd ma hu se jiċħad is-sewwa tal-ħaqq li sar. Dan huwiex il-punt. Anzi, bil-kontra. F’każ bħal dan, hu proprju għax il-persuna hi ssentenzjata u misjuba ħatja li għandha tintwera r-rieda li jiġi applikat il-provediment legali tal-‘ħelsien kompassjonali’.

Dan il-provediment sar mill-amministratur proprju biex, f’każijiet bħal dan ta’ Godfrey Ellul, jitħaddem sabiex juri li l-liġi u r-rappreżentanti tagħha, għalkemm iebsa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jafu jkunu wkoll ħanina. Min hu ġust m’għandux ikun ukoll kattiv.

Appelli meqjusin

Fl-imgħoddi, taħt diversi amministrazzjonijiet governattivi, kemm Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti, kien hemm każijiet bħal dawn. F’xi wħud minnhom, intwera tabilħaqq li l-amministratur jaf jagħder u jifhem is-sitwazzjoni partikulari li tkun qamet u l-‘ħelsien kompassjonali’ ngħata. F’oħrajn, diżrazzjatament, id-deċiżjoni ttieħdet wisq fit-tul u mbagħad ma kienx hemm bżonnha aktar.

F’dan il-każ partikulari ta’ Godfrey Ellul, il-gvern hu konxju tas-sitwazzjoni. Saru diversi appelli meqjusin u informati tajjeb. Iżda s’issa għad hemm ħafna tħassib mingħajr deċiżjonijiet. Jiena jidhirli li, la darba hu aċċertat b’ċertezza assoluta x’inhi s-sitwazzjoni fiżika ta’ Godfrey, m’għandux ikun hemm aktar indeċiżjoni f’dan ir-rigward. Godfrey għandu jingħata l-‘ħelsien kompassjonali’ minnufih.

Dan ma jkunx biss għall-benefiċju ta’ Godfrey, biex jgħaddi l-jiem tiegħu b’mod dinjituż u rispettabbli. Iżda jkun għall-familja tiegħu wkoll u b’rispett lejha. Barra minn hekk, ikun ukoll għall-benefiċju tal-gvern u tas-soċjetà nnifishom, għax b’hekk jigbru fl-istima tagħhom infushom u f’għajnejn il-pubbliku; li huma istituzzjonijiet li jafu juru ħniena daqskemm ġustizzja.

Il-mument hu issa

Il-gvern qiegħed jaħsibha fit-tul wisq f’dan il-każ. L-appelli quddiemu rahom u jafhom. Iżda d-dewmien jista’ ma jibdiex jitqies aktar bħala għaqal daqskemm bħala ebusija tal-qalb jew għallanqas menefregiżmu. Il-gvern m’għandu qatt jippermetti li ċ-ċittadini tiegħu jaħsbu hekk dwaru. L-Istat ġust mhuwiex ġust jekk mhuwiex ukoll ħanin.

Għaldaqstant, nappella bis-saħħa kollha li, fl-istat aċċertat li jinsab fih, Godfrey Ellul għandu jingħata l-‘ħelsien kompassjonali’ minnufih mingħajr aktar dewmien u mingħajr aktar tidwir mal-lewża. Jien nippretendi li l-gvern, speċjalment f’dan il-każ li hu wieħed partikulari, għandu juri l-ħniena tiegħu. Għax il-ħniena li juri lil wieħed hi ħniena li tkun tidher li hi aċċessibbli għal kulħadd.

Jiena ma nemminx li l-gvern se jħalli din l-opportunità tgħaddi mingħajr ma juri ħniena mal-ġustizzja li diġà wrew il-qrati tal-ġustizzja. F’ġieħ dak kollu li hu deċenti u ċivilizzat, jien ngħid li l-mument hu ISSA. La Godfrey Ellul u la ħadd m’għandu jtemm ħajtu f’ambjent diżuman u indinjituż, u f’qagħda degradanti.

Aħna aħjar minn hekk.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?