Demokrazija u libertà

Jekk hu tabilħaqq minnu li l-gvern preżenti hu ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżna, allura għandna għalfejn ninkwetaw. Jekk le, allura kif għandna naqraw l-isfrattarija kollha li qed issir madwarna? Kif għandna niżnu l-kliem li jingħad, l-akkużi li jsiru u l-attentati ta’ paniku ġenerali?

Il-kisba storika

Li gvern ikun ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżu hija ħaġa serja ħafna. Dawn huma valuri li tgħallimna nħobbu u ngħożżu. Huma valuri, ma ninsewx, li ma kinux jeżistu f’pajjiżna qabel ma l-gvern Laburista ta’ Mintoff tal-1955-58 ma ħoloqhomx b’rieda kważi ossessjonata. U ħoloqhom, għandna nżidu malajr, bil-kooperazzjoni tat-tmexxija kolonjali Britannika, imma kontra l-antagoniżmu u l-ostilità kważi fanatika tal-oppożizzjoni Nazzjonalista u l-oskurantiżmu tal-Knisja Kattolika lokali.

Dan, fih innifsu, ifisser u ma jfissirx. ‘Ifisser’ għax spiss jintesa li dak li għandna llum ma waqax bħal bajtra mis-sħab, imma saru sagrifiċċji kbar għalih. ‘Ma jfissirx’ għax id-demokrazija u l-libertà mhumiex affarijiet li jinkisbu darba għal dejjem qishom kienu xi biċċa għamara, imma jeħtieġu ħarsien kontinwu, attent u impenjat.

Illum, li għaddew mas-sittin sena minn meta saret il-qabża ta’ kwalità taż-żmien ħamsin, ngħożżu dawn il-valuri bl-istess qawwa u għożża ta’ dejjem. Naqblu lkoll li l-ħarsien tagħhom hu l-akbar dmir tal-gvern u ta’ kulmin għandu xi setgħa f’pajjiżna. Naqblu li ma rriduhomx jiġu mbagħbsa, immermra jew traskurati.

Tifkiriet preġudikati

Għalhekk, hu serju ħafna meta tixxejjer mal-erbat irjieħ tad-dinja, speċjalment mill-oppożizzjoni politika, l-akkuża li l-gvern hu ta’ theddida għal dawn il-valuri għeżież. Wieħed m’għandux jieħu akkuża bħal din ħafif. Għandu jagħtih l-akbar attenzjoni u jixtarrha sew. Għax, jekk hi minnha, allura għandna għalfejn ninkwetaw. Kif għandna ninterpretaw din l-akkuża?

Qabel xejn, wieħed għandu jinnota li hi l-midja tal-oppożizzjoni stess li qed tagħti l-kulur lin-natura tal-akkuża. Dan qed tagħmlu billi żżeffen fin-nofs episodji politiċi antiki mis-snin sebgħin u tmenin li għadhom jeħtieġu interpretazzjoni storika bierda u newtrali, jiġifieri mhux partiġġjana. Il-fatt hu li dawn l-episodji qed jissemmew proprju b’orjentament partiġġjan—u wieħed qawwi wkoll—li, magħġun mas-solita preġudizzji u mitoloġiji popolari, jappellaw għas-sentimenti u l-emozzjoni.

Ilkoll nafu li akkuża moħmija b’dan il-mod ma tikkwalifikax bħala leġittimament aċċettabbli. Akkuża hi valida meta msejsa fuq il-fatti, mhux fuq l-emozzjoni. Dan diġà jwaqqgħalna s-susspett li hawnhekk qed ikollna x’naqsmu ma’ xi ħaġa li qed issir għall-gallerija u mhux għal ġudizzju bilanċjat.

Il-fatti tal-akkuża

Biex nissoktaw fl-istħarriġ tagħna, ħa nassumu li dan mhuwiex minnu. Niġu għall-fatti li suppost qed jitimgħu din l-akkuża. Meta wieħed iħares lejhom mill-qrib aktarx isib li, aktar milli provi konkreti, huma għadd ta’ insinwazzjonijiet, ukoll jekk inkwetanti. L-effett sensazzjonali tagħhom hu akkumulattiv. Hu b’hekk li joħolqu arja ta’ paniku kważi isteriku.

Li kieku kienu provi konkreti u ekwivoċi, allura mhemmx tama għall-gvern. Iżda l-impressjoni qawwija hi li d-diskors kollu li qed isir, imdagħdagħ kif inhu minn emozzjoni preġudikata u minn nuqqas ta’ evidenza pożittiva, huwa mxandar biss għall-vantaġġ politiku. Dan ma jistax ikun xieraq.

Il-fatt li l-akkuża serja li qed issir—li l-gvern preżenti hu ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżna—tidher iperbolika, jew sproporzjonata, għandu jwassalna biex nifhmu li hi kkargata aktar b’passjoni għall-gwadann partiġġjan milli għal xi kisba tal-ġustizzja.

Dan ma jfissirx li l-gvern m’għandu jagħmel xejn dwarha. Itfa’ llum u itfa’ għada, xi ftit tajn dejjem jeħel. Il-poplu, huwiex favur jew huwiex kontra l-gvern, għandu jserraħ moħħu li d-demokrazija u l-libertà tiegħu tabilħaqq mhumiex mhedda.

 Ktieb ġdid ta' Mark Montebello li se joħroġ dalwaqt.
Ippubblikat mill-SKS

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?