Id-demm tal-ħajja

L-aqwa għemil ta’ tjieba umana huwa dak anonimu. Mhux biss meta min jirċievi l-għemil ma jkunx jaf min għamlu, imma aktar u aktar li min jagħmel l-għemil ma jkunx jaf min gawda minnu. L-istess il-karità, meta tkun anonima b’dan il-mod li qed ngħid, hi fl-aqwa tagħha. Meta tagħti d-demm, dan hu li tkun qed tagħmel.

Tjieba umana, karità nisranija

Jien wieħed minn dawk li, kull tliet xhur, immur bil-ferħ kollu ta’ qalbi nagħti d-demm. Għalija hu sagrifiċċju tabilħaqq żgħir, imma li naf li jiswa’ ħafna. Fiċ-Ċentru tal-Demm fi Gwardamangia, ħdejn id-dħul tal-Isptar San Luqa, dejjem sibt kortesija mill-aqwa u faċiltà kbira biex nagħmel din l-opra ta’ tjieba umana u karità nisranija.

Nifhem li mhux kulħadd għandu stonku biex jagħti d-demm. Għandu mnejn jibża’ mil-labra jew ma jħossux komdu meta jara d-demm jinġabar ġo borża. Iżda nifhem ukoll li l-biċċa l-kbira tagħna m’għandhomx problemi bħal dawn u xorta waħda qatt ma qiesu b’serjetà li jagħtu mid-demm lil ħaddieħor.

Jista’ jkun hemm ukoll min ma jistax jitħalla jagħti d-demm, jew minħabba s-saħħa tiegħu nnifsu jew minħabba xi riskju li jista’ jinħoloq fil-pazjent li jirċevih. Fiċ-Ċentru li semmejt dejjem ikun hemm tabib jew tabiba li tara bir-reqqa d-demm jistax jingħata u hekk kulħadd ikollu moħħu mistrieħ.

Donazzjoni li ssalva l-ħajja

L-għoti tad-demm tiegħek lil ħaddieħor huwa każ speċjali ta’ għajnuna lill-proxxmu. Bih litteralment qed tagħti xi ħaġa mill-aktar intima għalik. Mhux bħal meta tagħti flus, ħwejjeġ, ikel, xorb, oġġetti u l-bqija lil xi ħadd. Dawn mhumiex parti minna. Imma d-demm iva. Bħal meta, ukoll, xi ħadd jagħti organu tal-ġisem lil ħaddieħor.

Dawn iż-żewġ każijiet, l-għoti tad-demm u, ħafna aktar serju, tal-organi, huma wħud mill-isbaħ modi ta’ kif bniedem jista’ jingħata lil ħaddieħor mingħajr ma jagħmel ħsara gravi lilu nnifsu. Fil-każ tal-għoti tad-demm, mhux biss il-proċess, imma l-għotja nnifisha hija hekk sempliċi li kważi kważi tgħaġġbek kif tista’ tagħmel xi ħaġa daqshekk kbira bi sforz daqshekk żgħir.

Meta pazjent jeħtieġ id-demm, u l-każijiet għal dan ma jonqsux ta’ kuljum, ikun qed jilagħba mal-mewt. Id-donazzjoni tad-demm litteralment issalvah u troddlu l-ħajja. Daqshekk essenzjali u fundamentali huwa nvolut f’dan il-proċess sempliċi li wieħed jista’ jagħmlu mingħajr diffikultajiet kumplikati.

Privileġġ u gratitudni

Personalment, jien inħossni privileġġjat li nista’ nagħti din l-għajnuna kull tliet xhur sakemm inkun nista’. Ma tiswili xejn. Ma toħloqlix problemi ta’ saħħa. Ma taħlilix ħafna ħin. Ma timplika ebda diffikultà fit-tul. Madanakollu, kull darba li nagħti d-demm inħossni li għamilt xi ħaġa, mhux biss sabiħa u xierqa, iżda wkoll prezzjuża.

Ovvjament, il-siwi tad-demm li nagħti għal ħaddieħor huwa talli hu, demm li ħaddieħor għandu bżonnu biex jgħix u ma jmutx. Imma hemm aspett ieħor ta’ din id-donazzjoni: l-anonimat tagħha. Jien la nkun naf għand min se jmur id-demm—u borża demm, kif jgħiduli, tista’ tingħata lil aktar minn persuna waħda—u lanqas min jirċevih ma jkun jaf min tahulu. Qisu xi ftit bħall-każ tal-id il-leminija li ma tafx x’inhi tagħmel ix-xellugija. L-anonimità qisha l-garanzija li d-donazzjoni tkun safja u awtentika, mingħajr trombi u rikonoxximenti.

Dan kollu qiegħed ngħidu biex inħajrek tagħti d-demm. Tista’ tmur kuljum, inkluż il-Ħdud u l-festi, jew fiċ-Ċentru ta’ Gwardamangia jew fiċ-Ċentru tad-demm f’Għawdex. Tista’ tmur ukoll fis-swali l-kannella tal-Isptar Mater Dei kull nhar ta’ Tnejn bejn is-2.00 u s-7.00 ta’ filgħaxija, jew fl-Isptar t’Għawdex bejn it-Tnejn u s-Sibt bejn it-8.30 u l-11.30 ta’ filgħodu.

Minn hawnhekk nirringrazzja lill-ħaddiema kollha taċ-Ċentru ta’ Gwardamangia, mhux talli jagħtuni l-opportunità li nagħmel dan l-att sabiħ ta’ tjieba umana u karità nisranija, imma wkoll tal-kortesija sabiħa tagħhom.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?