Alla jeżisti jew le?

Ħafna jistaqsu: Alla ħoloq lilna jew aħna ħloqna lilu? Fost dawk li jippruvaw isolvu din it-tensjoni, l-akbar dmir biex tiġi pprovta l-eżistenza t’Alla taqa’ fuq min jemmen f’Alla. La l-atejisti u lanqas l-agnostiċi m’għandhom għalfejn jipprovaw xejn.

L-argumenti tat-tejisti

Fost it-tejisti, donnu hemm ħames għamliet ta’ raġunijiet li jipproponu:

(1) kożmiċi, l-aktar li l-ordni li donnu jeżisti fl-univers ħolqu essri divin (dawk li jipproponi hekk ġeneralment jissejħu ‘Kreazzjonisti’ jew il-proponenti tal-‘Fasla Intelliġenti’);

(2) storiċi, l-aktar li l-bniedem minn dejjem emmen f’essri divin);

(3) psikoloġiċi, l-aktar li l-bniedem IĦOSS li hemm xi essri divin ’l barra u akbar minnu;

(4) romantiċi jew sentimentali, l-aktar li l-ġmiel kollu tan-natura bilfors ħolqu xi essri divin; u

(5) filosofiċi, l-aktar li, fl-ordni tal-essri (being), ma jistax ma jkunx hemm Essri Ewlieni (‘Primum Movens’) li mhuwiex kompost u m’għandux bidu (it-tifsiriet ta’ dawn jissejħu ‘ontoloġiċi’).

Argumenti li jgħoddu

Bl-eċċezzjoni tal-aħħar proposta, hija l-ewwel waħda li llum l-aktar li tiġbed interess. It-tlieta l-oħra m’għandhomx validità wisq kbira. Dan għax kull diskors oġġettiv fuq jekk Alla jeżistix irid jibda mill-manifestazzjonijiet t’Alla li huma distinti u indipendenti mill-esperjenza umana.

L-argumenti tat-tejisti ma jistgħux jibdew minn dak li l-bniedem jilmaħ jew jaħseb li jilmaħ, wisq anqas minn dak li jħoss. Biex juri li hemm xi Alla, il-bniedem ma jistax jibda hu l-azzjoni tal-għarfien t’Alla. Dan jammonta biss għal suġġettiviżmu bla validità oġġettiva.

Fi kliem ieħor, argument validu irid jibda minn dak li l-bniedem iġarrab mingħajr ma jibda ebda azzjoni min-naħa tiegħu. Il-bniedem li b’xi mod jibda jew jipprovoka esperjenza spiritwali jew mistika qajla jista’ jistqarr li qed jibni fuq il-bażi soda tal-oġġettività.

Reliġjon u xjenza opposti?

Dan iwassalna biex nagħmlu ħames mistoqsijiet fuq jekk l-eżistenza t’Alla tistax tiġi pprovata oġġettivament fuq il-bażi pożitivistika (partikularment dik tal-mekkanika kwantistika).

L-EWWEL NETT: It-teoristi tal-‘Fasla Intelliġenti’ huma ta’ min joqgħod fuqhom f’dan ir-rigward? It-tweġiba diretta aktarx trid tkun: Le. L-espert tal-mekkanika kwantistika, Stephen Barr (The Believing Scientist, 2016) jgħid hekk: “X’kisbu t-teoristi tal-fasla intelliġenti? Bħala xjenza, xejn. [...] L-argumenti tagħhom mhux biss ma jikkonvinċux, iżda għamla ħafna ħsara, għax deffsu f’moħħ in-nies li l-kunċett ta’ Essri Intelliġenti huwa marbut ħaġa waħda maċ-ċaħda tax-xjenza”, li mhuwiex korrett.

IT-TIENI: Min jemmen fl-eżistenza t’Alla BIL-FORS irid jiċħad ix-xjenza? It-tweġiba diretta aktarx trid tkun Le wkoll. Skont Barr: “Dak li ħafna jqisuh bħala kunflitt bejn ir-reliġjon u x-xjenza ma hu hekk xejn. Il-kunflitt huwa bejn ir-reliġjon u l-materjaliżmu. Il-materjaliżmu jqis ruħu xjentifiku meta, fil-fatt, mhuwiex hekk. Huwa skola filosofika li tiċħad li xejn, minbarra l-materja fiżika, ma jeżisti”, ħaġa li lanqas il-mekkanika kwantistika ma taċċetta.

Alla jista’ jiġi pprovat?

IT-TIELET: Il-mekkanika kwantistika telimina kull possibbiltà tal-eżistenza t’Alla? Għal darba oħra t-tweġiba tidher li trid tkun: Le. Skont Barr: “Għalkemm ma tagħti ebda argument għall-eżistenza t’Alla, il-mekkanika kwantistika [...] tipprovdi argument kontra l-materjaliżmu, li fid-dinja tallum hu l-opponent intellettwali ewlieni tat-twemmin f’Alla”.

IR-RABA’: Tista’, mill-filosofija biss tipprova l-eżistenza t’Alla? Hawnhekk ukoll, it-tweġiba tidher li għandha tkun: Le. L-ewwel nett, il-proċess metodoloġiku sħiħ tal-filosofija huwa diametrikament oppost għall-okkorrenza ta’ xi esperjenza t’Alla. Filwaqt li tal-ewwel hu attiv, tat-tieni hu għal kollox passiv. It-tieni, in-natura sperimentali tal-provi teskludi l-possibbiltà ta’ osservazzjoni pożittiva ta’ essri divin.

IL-ĦAMES: Jista’ qatt ikun hemm prova pożittiva indubitabbli tal-eżistenza t’Alla? It-tweġiba tidher li trid tkun: Le. Waħda, għax nistgħu biss nilmħu l-eżistenza ta’ Essri Divin jew min dak li mhuwiex. It-tieni, għax kull diskors tagħna jista’ jkun biss permezz analoġiku, jiġifieri b’ċertu xebħ u proporzjonalità.



http://www.bdlbooks.com/maltese-history/6101-min-qatel-il-patri.html

 Agħfas fuq l-istampa għal aktar informazzjoni. Grazzi.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?