Wirt Joseph

Naraha għaqlija l-fehma ta’ Joseph Muscat li qatt m’għandu prim ministru jagħmel aktar minn żewġ amministrazzjonijiet konsekuttivi. Hija idea Amerikana, ovvjament. Imma għandha mnejn tagħmel sens. Il-punt hu, però, li Joseph għamel dak li hu konvint minnu. Tnejn u daqshekk. U hekk hu.

Ilu jgħidha

Minn dejjem wera dil-fehma Joseph. Aktarx ħadd ma ħadu bis-serjetà daqskemm xtaq. Imma kien minn dejjem deċiż. Kien ħareġ biha l-ewwel darba f’Ġunju tal-2017 f’intervista ma’ Reno Bugeja fuq il-programm ‘Dissett’.

Kulħadd ħadha bħala xi kumment umli; imma ma kiex hekk. Reġa’ qalha ma’ Andrew Azzopardi f’intervista fi Frar 2018 fuq il-programm ‘X’għandi xi ngħid’. Irrepetiha f’intervista għar-revista ‘Politiko’ ma’ Florian Eder u Zoya Sheftalovich. Issa, ftit ilu, qalilna li kien wasal il-waqt.

Żewġ prim ministri biss għamlu aktar minn żewġ amministrazzjonijiet konsekutivi. Borg Olivier kien l-ewwel wieħed bejn l-1950 u l-1955, għal erba’ snin u tliet xhur. Mintoff kien ta’ warajh, bejn l-1971 u l-1984, għal tlettax-il sena u nofs. Jekk Joseph jikkontesta u jirbaħ l-elezzjoni li jmiss (2022), ikun għamel disa’ snin prim ministru.

Bidliet kbar

Bid-deċiżjoni meqjusa li ħa l-ġimgħa li għaddiet, sa Jannar tas-sena d-dieħla Joseph se jkun għamel mas-sitt snin prim ministru. It-tluq tiegħu, għalkemm xi ftit jew wisq mistenni għax kien skont kif qal hu stess fl-2017, xorta waħda għal ħafna hi ta’ swied il-qalb. Tabilħaqq, kif jgħid il-Malti: ‘Konna drajnih’.

Imma kien hemm aktar minn hekk. Mill-2008 lil hawn, jiġifieri minn mindu inħatar ‘leader’ tal-Parti Laburista kważi tnax-il sena ilu, Joseph għamel bidliet kbar fix-xena politika lokali. ‘Terrimoti,’ kien wiegħed li se jkunu f’dak iż-żmien; u għandu mnejn xi wħud minnhom kienu.

Li hu żgur hu li għadu kmieni wisq wisq wisq biex jibda jsir rendikont suriet in-nies tal-wirt ta’ Joseph Muscat. Għad iridu jgħaddu ħafna snin biex nibdew nintebħu kemm, fil-fatt, affettwat fil-fond u fil-wisa’ lis-soċjetà Maltija l-politika ta’ Joseph.

Gratitudni

Ċertament, l-entużjażmu li Joseph ġab miegħu, in-nifs ġdid li ta lill-Parti Laburista, id-definizzjoni ġdida li ta lill-kelma ‘laburiżmu’ ... u ħafna affarijiet oħra li messew lilna lkoll għad xi darba nifhmuhom aħjar u nagħarfu nwiżnuhom tajjeb u kif jixraq. L-emozzjonijiet ta’ bħalissa ma jħalluniex nagħmlu dan sewwa għall-mument.

Minkejja li se jżomm kelmtu u jagħmel dak li dejjem qal li jrid jagħmel, jiġifieri jħalli l-amministrazzjoni governattiva u tal-partit f’idejn ħaddieħor, Joseph mhux se jintemm u jispiċċa. Qed jibda għalih kapitlu ġdid; u għandu mnejn ikun aħjar mill-kapitli ta’ qabel. Dan għax Joseph għad irid jiġi vvindikat. Imbagħad tassew ikun għalaq dak li beda b’mod xieraq.

Bħalissa l-aħjar ħaġa li jista’ jintradd lil Joseph hu l-gratitudni ta’ dawk kollha li gawdew mis-servizz pubbliku tiegħu. Xejn ma jtabba’ dar-rikonoxximent. Il-ġid li sar ma jista’ jiċħdu ħadd. Dan m’għandux jintesa jew jitgħajjeb.

Huwa bi swiet il-qalb li eluf kbar se jgħidu ‘saħħiet’ lil Joseph. Dawn għandhom jibqgħu żguri li d-deċiżjoni tiegħu hi għall-ġid tagħhom u tal-pajjiż. Għal dan ukoll għandna nkunu grati.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?