Ir-razzjonalità fejha?

L-isteriżmi, l-għajjat, ix-xegħir, il-panikiżmi, il-maniji, l-aġitazzjonijiet u l-eċċitamenti qatt ma solvew xejn. Anzi, dejjem ħarrxu l-problemi li seta’ kienu jeżistu. Bħalissa f’pajjiżna mhux minn dawn għandna bżonn, imma l-kalma, ir-raġunament, il-prudenza, it-temperanza u ... ir-razzjonalità. Min irid ikun isteriku mhu tajjeb biex imexxi xejn.

Rappreżentazzjoni

F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna jiskala l-isteriżmu ta’ bosta nies. Dan-nies, ibda biex, jilagħbuha li jirrappreżentaw lil Malta u Għawdex kollha—anzi lid-dinja kollha—sempliċiment għax jidhru fuq it-televiżjoni, jiġu intervistati għall-aħbarijiet u jippużaw għar-ritratti ta’ xi ġurnalisti. Dawn ma jirrappreżentaw lil ħadd għajr lilhom infushom.

Dan ma ngħidux għax neċessarjament ma naqbilx magħhom. Nista’ naqbel magħhom ukoll; imma b’daqshekk ma jfissirx li rrid ukoll naqbel—anzi, ma naqbilx!—mal-isteriżmi u l-purċinellati tagħhom. Jien dan qatt ma qbilt miegħu, mhux illum biss, imma dejjem, ukoll meta fl-imgħoddi ħdimt ma’ kemm il-akkużat kriminali.

La l-ġurnalisti, la l-politiċi li jippurċinellaw magħhom, la l-għajjat isteriku, la l-paniku ta’ xi ħaddiem taċ-ċivil u la ħadd li jabbanduna r-raġuni u jintelaq għall-għajjat tal-paniku ma jista’ jagħmilha ta’ qorti. Il-ġustizzja u l-aġitazzjoni ma jmorrux flimkien; il-ħaqq u l-eċċitament huma kontra xulxin.

Opportuniżmu

Ħażin qed jagħmel, ħażin ħafna, min qed iħalli lilu nnifsu jipressjona ruħu mill-għajjat u x-xegħir li l-ġurnalisti qed jogħxew iwasslu ma’ kullimkien. Ħażin qed jagħmlu, mhux għax min qed jipprotesta m’għandux raġun, imma għax l-affarijiet ma jsirux hekk. Min qed iħalli lill-isteriżmi ta’ dan-nies jimpressjonahom, tilef is-sens tal-qies, il-probità, il-korrettezza u l-ġust.

Ma’ dawn hemm nies Laburisti. Dawn mingħalihom li, biex jagħmluha tal-gustużi u jidhru sabiħ quddiem ħaddieħor (li aktarx ma jridilhomx ġid), qed jingħaqdu mal-opportunisti li, ngħiduha kif inhi, qatt qatt qatt ma ħamlu li l-Partit Laburista jmexxi l-gvern ta’ dal-gżejjer.

Dan ma jfissirx, nerġa’ ngħid, li jista’ ma jkollhomx raġun; ma jfissirx li ma sarux żbalji, u żblaji ħoxnin, mill-gvern; ma jfissirx li jien ma naqbilx magħhom jew li naqbel f’kollox mal-gvern; ifisser biss li l-gvern bħalissa għandu bżonn il-kalma, speċjalment mil-Laburisti, ħalli jitlestew il-proċeduri mibdija u kulħadd jifhem is-sewwa.

Il-pressjoni li qed issir lill-gvern minn xi ġurnalisti, mill-politiċi konservattivi, mill-għaqdiet tal-lemin, minn xi mġienen li m’għandhomx x’jagħmlu u min ma nafx min aktar, ma tgħaġġibni xejn xejn xejn. Dawn ġiethom ix-xoqqa f’moxtha u erħilhom jirkbu r-riħ u jagħmlu kapital mill-anqas insinwazzjoni, suspett, dubju u x’naf jien.

Kalma!

Le, dawn ma jgħaġġbunix. Lanqas xejn. Jgħaġġbuni, imma—u ħafna wkoll—dawk in-nies tax-xellug, dawk il-Laburisti, li, minflok ma jappoġġjaw lill-gvern f’din is-siegħa diffiċli, erħilhom—ja ċwieċ—jingħaqdu ma’ min jixtieq lilhom u lil-Laburiżmu l-ħsara u saħansitra l-qerda, u joqogħdu jippurċinellaw magħhom.

Nerġa’ ngħid għall-mitt darba, b’dan ma jien qed ngħid xejn li dan jew dak għandu raġun jew tort. Qed ngħid biss li għandna d-dmir li ma nabbandunawx ir-razzjonalità.

Ejjew ma nibqgħux inkunu isteriċi! Ejjew ma nibqgħux inħallu lil min jobgħod ’l-Laburisti jinqeda bina jew b’xi ħadd! Ejjew ma nsawtux lil ta’ ġewwa! Ejjew ma nkissrux dak li ngħożżu!

Dmir kull wieħed u waħda minna bħalissa mhuwiex li nħallu l-ġenn tal-isteriżmu jew l-ipokrezija tal-aġitazzjoni jaħarbu bina. Dmirna hu li nżommu rasna fuq għonqna u nirraġunaw b’moħħna b’mod seren.

Dan jgħodd speċjalment għal-Laburisti kollha, l-aktar dawk li jinsabu f’postijiet ta’ responsabbiltà.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?