L-isbaħ wiċċ

Xi ħadd qal li l-Milied juri l-isbaħ wiċċ tal-bnedmin. Huwa fuq it-twelid, xi darba fl-imgħoddi mbiegħed, tal-aktar siwi għoli u mbierek li jsawwar il-bniedem u l-umanità tiegħu. Dan huwa l-qaddis ta’ ġo fih, l-ifjen ħjut tad-deheb li jinsġu ’l qalbu u jnebbħuh għal għemejjel tal-aqwa tjieba u foħrija.

Dal-wiċċ hawn min isejjaħlu l-wiċċ tal-imħabba. Hu bixra li tidher l-aktar fiċ-ċkejknin u ż-żgħar. Tintilef fil-biċċa l-kbira li jħallu d-dinja tgħaffeġ fihom u ġġorrhom bit-tidwir tagħha. Imma xi wħud, le, ma jitilfuhiex; jibqgħu b’dik il-bixra, jew aħjar, jitgħallmu jerġgħu jiksbuha bħalliekieku reġgħu żgħar u ċkejknin.

X’ikun ġara? Ikunu tgħallmu għal darb’oħra dak li kellhom darba u tilfu; dak li nsew mas-snin, iżda li fittxew dejjem b’elf triq mudlama u xxenqu għalih f’miljun beraħ bla triqat. Ikunu tgħallmu jħobbu. Jiġifieri jkun daħlu fl-akbar qiegħ ta’ ruħ il-bniedem, imnażża’ minn kull frugha, u hemm tħaddnu u twaħħdu mal-għemil l-aktar safi u sieket; l-għemil tal-għotja sħiħa għall-ġid ta’ għajrek.

Dan l-għemil setgħu jitkellmu fuqu dawk biss li ġarrbuh. Il-gżuż l-oħrajn li ddeffsu jitħaddtu fuqu mingħajr ma jafuh għamlu minnu ċajta ta’ frugħa bla qies li tlellex u tmerżaq kemm trid imma battala u qarrieqa bla ma tista’ tkun xort’oħra. Ma jitħaddidx fuqu min ma għexx.

Wieħed minn dawk li, iva, għex dan l-għemil bil-bixra tal-imħabba smajtu jgħid dal-kliem: “Arah, meta jagħraf li huwa mhux biss agħar minn kulħadd fid-dinja, imma wkoll ħati quddiemhom, f’isimhom u għalihom, għad-dnubiet kollha tal-ġens uman, tad-dinja kollha u ta’ kull bniedem, imbagħad f’dak il-waqt jintlaħaq l-għan tal-għaqda tagħna.” U jissokta: “Huwa biss f’dak il-waqt li qlubna jitħarrku għal imħabba li hi bla tmien, bla qies u bla xaba’.”

Dan, iva, jikxef l-isbaħ wiċċ tal-umanità. Huwa wiċċ t’mħabba universali li biha bniedem iqis lilu nnifsu—jista’ jkun mod ieħor?—mhux aħjar minn ħaddieħor, lanqas daqs ħaddieħor, imma sa agħar minn kulmin jgħix, kulmin għex u kulmin għad jgħix. Imħabba li mhijiex fil-qiegħ nett tal-umanità, li ma tinfirixx tul l-aktar medda wiesgħa ta’ żmien, ma tistax tkun minnha; imħabba bla din ma tħaddanx t-totalità u għalhekk hi nieqsa.

Dal-kliem li tarraftlek kitbu l-imgħallem Dostoevsky fil-vanġelu tiegħu L-Aħwa Karamazov (4.1.2). Huwa qalu għax-xiħ Zosima biex ifisser l-imħabba.

Hija dik l-istess imħabba li nfakkru fil-Milied. L-imħabba universali. L-imħabba tal-aktar umili. L-imħabba ta’ dak li jbati. L-imħabba ta’ dak li hu mogħti. M’hemmx imħabba oħra għajr din. Il-bqija għandhom l-isem. Aktar mill-isem m’għandhomx.

Dal-jum li jiġi fuqna kull sena biex isibna nixtiequh ifakkarna li m’għandniex wiċċ għalih għajr fiċ-ċkejknin u ż-żgħar tagħna. Ifakkarna, però, li rriduh, irridu dak il-wiċċ, irridu nerġgħu nsibuh. Dan jurina, fuq kollox, li minkejja l-kruha tagħna, m’aħniex mitlufin ... għax għadna nħossu x-xewqa tiegħu.

F’dal-Milied fittex l-isbaħ wiċċ tal-Imħabba mqaddsa umana fiċ-ċkejknin u ż-żgħar, u agħmel talba f’qiegħ qalbek mill-għarfien tiegħu fihom. Itlob għalik innifsek, biex tisbiħ; itlob għad-dinja, biex fiha s-sbuħija tqaddes kollox; u itlob għal min id-dlam tal-kruha rikbu, biex hu wkoll isib ftit hena u jistrieħ.

Minn qalbi, il-Milied it-tajjeb lilek u lill-familja tiegħek kollha!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?