L-elezzjoni Brittanika

Nhar il-Ħamis li għadda, fl-elezzjoni ġenerali tal-Gran Brittanja, ħareġ riżultat li juri kemm hu diversifikat l-elettorat Brittaniku. Il-konservattivi b’maġġoranza assoluta, il-laburisti warajhom b’distakk li kiber bl-ikrah, u partiti oħrajn, jiċkienu imma xi wħud minnhom għadhom jistgħu jigdmu f’xi nħawi.

Il-miżien tħarrek farka

Xi ftit jew wisq, il-kwadru politiku Brittaniku kompla sejjer lejn il-lemin. Issa hu kkonfermat li Boris Johnson għamel il-ġid lill-partit konservattiv u tejjeb is-simpatija li l-poplu Brittaniku b’mod ġenerali beda jkollu għall-politika konservattiva. Dan għamlu f’ħames xhur biss, minn Lulju ’l hawn, u issa jista’ jagħmel l-arja bl-appoġġ personali li kiseb mill-elettorat.

Mhux l-istess jista’ jgħid Jeremy Corbyn, il-mexxej tal-partit laburista għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs, minn Mejju tal-2015. Għalkemm tibqa’ ħaġa tal-għaġeb kif il-politika xellugija kemxejn estrema tiegħu tiġbed interess kontra kull stennija, xorta waħda Corbyn ma rnexxilux idawwar ir-riħ favur il-Partit Laburista b’mod li jrebbħu mqar riżultat deċenti.

Il-miżien tħarrek sew lejn il-lemin ta’ Johnson, li issa tah maġġoranza fil-parlament biex jitkessaħ biha. Kontra dak li kien mistenni, il-bandla għal-lemin kienet kbira. Fl-aħħar mill-aħħar, ukoll fir-rigward tal-Brexit, b’mod ġenerali s-sitwazzjoni Brittanika kompliet teħrax għat-tluq immedjat mill-Unjoni Ewropa. Il-poplu Brittaniku huwa assolutament deċiż bil-provi.

Min mar l-aħjar?

Min mar l-aħjar f’din l-elezzjoni? Ovvjament il-partit konservattiv ta’ Johnson fil-gvern. Mhux biss l-elezzjoni ma tefgħethomx lura, mhux biss ir-riżultat tagħhom ma jaqtagħlhomx qalbhom, imma talli mxew sew ’il quddiem u r-riżultat żgur li se jżid ir-riħ fil-qlugħ. Johnson għandu għalfejn ikun kuntent minn dan it-taħriġ demokratiku għax wera li l-biċċa kbira tal-elettorat jinsab solidament warajh.

Corbyn, però, m’għandux għalfejn ikun kuntent ... għalkemm, naturalment, mhux għal kollox. Filwaqt li ma ġabx il-maġġoranza relattiva li xtaq, il-partit laburista mar lura sew mill-aħħar elezzjoni ġenerali fl-2017. Dan ifisser li l-problemi ta’ Corbyn jew tal-Partit Laburista tkattru.

Issa, meta l-Partit Laburista bħal ġie f’wita fejn donnu la jista’ jmur lura u lanqas ’il quddiem, il-pożizzjoni ta’ Corbyn bħala kap tal-partit hija rrovinata. Il-Partit Laburista issa jrid iqis fejn irid imur: hux se jirrevedi l-politika tiegħu à la Blair, hux se jissokta à la Corbyn, jew hux se jibda esperiment ġdid. Jinsab f’salib it-toroq.

Xejn ġdid

Fil-politika rari jiġru revoluzzjonijiet jekk mhux minn taħt u fit-tul. Minkejja li l-politiċi dejjem għandhom il-ħabta li jħabbru kull elezzjoni bħala waħda deċiżiva, kruċjali u x’naf jien, rari ħafna li xi elezzjoni tagħmel xi taqliba fundamentali, ukoll meta jitla’ fil-gvern partit li qabel kien fl-oppożizzjoni. Ukoll f’okkażjoni bħal din fejn kollox jidher li se jinbidel, ħafna drabi kollox jibqa’ l-istess.

Minkejja r-riżultat eċċellenti li Johnson u l-Partit Konservattiv kiseb il-Ħamis li għadda, b’mod ġenerali l-politika Brittanika se tibqa’ eżattament l-istess ... għajr għal ħaġa waħda: min kien b’saħħtu, issaħħaħ aktar, u min kien dgħajjef, iddgħajjef aktar. Dan hu sinifikanti ħafna.

Issa dalwaqt jibda x-xogħol ta’ wara l-elezzjoni bi gvern ġdid li m’hu ġdid xejn, bi programm ġdid li m’hu ġdid xejn, bi prijorità ġdida hi l-istess prijorità ta’ qabel: Brexit. Ħaġa waħda mhijiex ġdida żgur: il-gvern se jkollu ħafna aktar arja minn qabel, se jkollu ħafna aktar problemi mill-Iskozja, se jkollu oppożizzjoni laburista b’ħafna inqas snien.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?