L-abolizzjoni tal-Milied

Il-Milied illum sar farsa sħiħa. Mhux biss f’ħafna soċjetajiet il-Milied jiġi ċċelebrat mingħajr ma’ Ġesù jiddaħħal bl-iċken mod, iżda wkoll f’soċjetajiet insara, inkluż tagħna, il-Milied jiġi ċċelebrat b’orġja ta’ xiri, konsum u xalar inkredibbli. F’kull każ, it-tifsira tal-Milied sparixxiet tista’ tgħid għal kollox. Isiru diversi sforzi biex it-tren jerġa’ jitqiegħed fuq il-binar tiegħu, iżda kollu ta’ xejn. Forsi l-aħjar ħaġa hi li l-Milied jiġi abolit għal kollox.

Rabta liturġika

Naturalment, bħala festa nisranija, il-Milied għandu post preċiż fil-kalendarju tal-Knejjes insara. Jibda s-sena liturġika għax hu l-bidu tal-misteru tas-salvazzjoni. Iżda l-Milied mhux suppost jiġi meqjus l-akbar festa nisranija; dan il-post privileġġjat iżommu l-Għid il-Kbir. Fil-prattika, speċjalment lil hinn minn xtutna, l-affarijiet mhumiex hekk. Għal ħafna li jiċċelebraw il-Milied (bil-mod tagħhom), l-Għid lanqas biss jeżisti.

Il-kalendarju liturġiku ilu jeżisti ħafna sekli. Iżda mhuwiex assolut. Bħalma nbidel ħafna drabi, jista’ jerġa’ jinbidel. Hekk jew b’hekk, il-bidu tas-sena liturġika ma taqbilx mal-bidu tas-sena ċivili. Filwaqt li dik liturġika tibda fl-aħħar ta’ Novembru, dik ċivili tibda fl-1 ta’ Jannar. Ma’ dan wieħed jista’ jżid ukoll li s-sena liturġika lanqas mas-sena bibblika ma taqbel. Għax din tibda f’Marzu (ix-xahar ta’ Nisan; l-ekwinozju tar-rebbiegħa). Kien hemm żmien meta s-sena liturġika wkoll kienet tibda fil-25 ta’ Marzu (festa tal-Annunċjazzjoni), iżda din imbagħad inbidlet.

Il-fatt hu li l-kalendarju liturġiku mhuwiex miktub fil-ġebel u jista’ jinbidel. Wara kollox, hu magħruf sew li Ġesù ma twelidx fix-xitwa, u li l-festa tal-25 ta’ Diċembru (is-solstizju tas-sajf) kienet id-data ta’ festa pagana li tippreċedi l-Kristjaniżmu: id-'Dies Natalis Solis Invicti' (Jum it-Twelid tax-Xemx qatt Mirbuħa).

Festa ta’ tfixkil

Minħabba raġunijiet kapitalistiċi, illum huwa prattikament impossibbli li tifred il-Milied mill-assurditajiet li ġew marbutin miegħu, inkluż mill-insara. Forsi l-aħjar soluzzjoni sabiex il-Milied jintraddlu t-tifsir xieraq tiegħu, anki fil-kalendarju li jakkumpanja l-ħajja spiritwali (kif suppost jagħmel), huwa li jiġi abolit għal kollox; id-data taċ-ċelebrazzjoni tiegħu titneħħa mill-25 ta’ Diċembru u titqiegħed f’data oħra b’kalendarju liturġiku mibdul.

Minkejja s-simboliżmi li maż-żmien bdew jiġu assoċjati mal-kalendaru liturġiju, fiha nnifisha l-liturġija (u s-sena tagħha) la jiddependu fuq il-kalendarju ċivili u lanqas għandhom x’jaqsmu mar-ritmu tiegħu. Il-kalendarju liturġiju nnifsu lanqas hu sensiela ta’ festi kronoloġiċi, bħax, ngħidu aħna, l-Annunċjazzjoni tiġi wara l-Milied (għalkemm eżattament disa’ xhur qablu; ix-xhur normali ta’ tqala).

Il-kalendarju liturġiku huwa biss konvenzjonali; jista’ jinbidel u jissawwar b’mod differenti, anki skont it-tiġdid antropoloġiku u teoloġiku tal-Konċilju Vatikan II. Anzi, jien ngħid li għandu jinbidel, għax kif inhu―b’din il-farsa sħiħa marbuta mal-Milied―aktar qiegħed ifixkel il-mixja tal-ħajja spiritwali nisranija milli jgħinna u jsostniha.

Skeda liturġika differenti

Fi żmienna, bir-rata li qegħdin imajnaw, il-knejjes insara ma jistgħux jaffordjaw li jibqgħu jaqilgħu aktar daqqiet taħt iċ-ċinturin b’detriment għall-messaġġ li jirrappreżentaw u jxandru. Iċ-ċelebrazzjoni spiritwalment fundamentali tal-Inkarnazzjoni Divina saret pedina ta’ telf u m’għadhiex ass ta’ vantaġġ fl-istrateġija ta’ dan il-messaġġ. Għalhekk, għandha tiġi drastikament maħsuba mill-ġdid u kkollokata fi ħdan organizzazzjoni kalendarja differenti b’tali mod li tinfired għal kollox mid-data tal-25 ta’ Diċembru.

Dan jista’ jsir biss fi ħdan skema liturġika totalment differenti għal dik li teżisti llum, forsi f’armonija akbar mal-kalendarju bibbliku, u li tkun tibda bir-Randan mhux bl-Avvent. Wara kollox, il-kunċett ewlieni taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied―li suppost jagħti 'kick-start' qawwija ’l-mixja spiritwali tas-sena―huwa l-istennija tat-tieni miġja ta’ Kristu (u mhux tat-twelid ta’ Ġesù). Għaldaqstant, iċ-ċelebrazzjoni tista’ perfettament u loġikament issir wara l-Għid.

Mard serju jeħtieġ interventi drastiċi. Bl-Aspro mhux se nfiequ.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?