Tamiet li qed jistennew

Flimkien mal-ġesti straordinarji li l-Papa Franġisku ilu jagħmel sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, issa żied ukoll kumment personali twil dwar diversi aspetti tal-ħidma tal-Knisja fid-dinja tal-lum. Dan il-kumment ġie wara s-sinodu tal-isqfijiet li sar ftit ilu f’Ruma. Minkejja li l-Papa għamel dan il-kumment qawwi, jippreżentah bħala sempliċiment eżortazzjoni, jiġifieri appell li l-intenzjoni ewlieni tiegħu hu li jħeġġeġ aktar milli jagħmel xi tibdiliet sustanzjali fl-istruttura tal-Knisja u l-mod kif taħdem man-nies.

Liema bidla?

Għalkemm il-Papa jgħid li jrid ‘iġedded l-istrutturi’ tal-Knisja (nru. 27), ma jagħti ebda indikazzjoni ta’ kif dan għandu jseħħ fil-prattika. Huwa jsostni li ‘hemm tabilħaqq lok ta’ fejn jistgħu jinħadmu aħjar għad-dinja tal-lum id-drawwiet tal-Knisja, il-modi ta’ kif tagħmel l-affarijiet, iż-żminijiet u l-iskedi tagħha, kif ukoll il-lingwaġġ u l-istrutturi tagħha’ (nru. 27).

Mitt darba u elf. Imma kif? S’issa, la f’dan id-dokument twil u lanqas fi stqarrijiet oħra tiegħu ma l-Papa wettaq bidliet konkreti ta’ kif dawn il-ħwejjeġ ‘jistgħu jinħadmu aħjar’. Wieħed jittama li x-xewqat sbieħ tiegħu, kif ukoll il-ġesti u l-kliem straordinji li qiegħed jagħmel u jgħid, jinbidlu f’xi għamla ta’ azzjoni tanġibbli u speċifika li taffettwa l-bidla fil-fasla strutturali eżistenti.

L-eżortazzjonijiet u l-appelli huma sbieħ daqskemm huma sbieħ il-ġesti―u dawn jagħtu ħafna tama―iżda weħidhom ma jibdlu xejn. Li l-bidliet jagħmilhom il-Papa waħdu, kważi fuq livell personali, ma jfissirx li l-‘eżempju se jkaxkar’, kif ngħidu. Għal dan jeħtieġ ordnijiet ċari u preċiżi.

Denunzji qawwija

Tul l-appell tiegħu, b’kuraġġ kbir il-Papa ma jżommx lura milli jagħmel kummenti qawwija ħafna fuq is-sistemi ekonomiċi tan-neoliberaliżmu tal-lum. F’parti ċentrali tal-appell huma jgħid ‘Le għal ekonomija ta’ esklużjoni’ (nri. 53–54), ‘Le għall-idolatrija tal-flus’ (nri. 55–56), ‘Le għal sistema finanzjarja li taħkem flok isservi’ (nri. 57–58), u ‘Le għall-inugwaljanza li tnissel il-vjolenza’ (nri. 59–60).

Dawn huma denunzji qawwija. ‘Xi wħud,’ jgħid il-Papa f’din il-parti tad-dokument, ‘jibqgħu jiddefendu teoriji finanzjarji li jsostnu li l-flus tas-sinjuruni b’xi mod inixxu sal-fqar. Dawn jassumu,’ ikompli jgħid, ‘li t-tkabbir ekonomiku, inkuraġġit mis-suq ħieles, inevitabbilment jirnexxielu jġib ġustizzja u inklussività akbar fid-dinja. Dawn il-fehmiet, iżda,’ isostni l-Papa, ‘qatt ma ġew ikkonfermati mill-fatti’ (nru. 54). F’post ieħor tad-dokument, il-Papa jisħaq li ‘l-ħtieġa biex jiġu solvui l-kawżi strutturali tal-faqar ma jistax tibqa’ tiġi posposta’ (nru. 202).

Bla dubju, dawn huma affirmazzjonijiet intensi u b’saħħithom, anki jekk ilna nisimgħu bħalhom mill-papiet kollha sa mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Huwa fil-kuntest tagħhom li għal darba oħra l-Papa jappella għat-tiġdid tad-drawwiet, l-operat, il-pjanijiet, il-lingwaġġ u l-istrutturi tal-Knisja, kemm fuq livell djoċesan u kemm fuq livell parrokkjali.

Inissel tamiet kbar

Iżda dan il-leħen profetiku qawwi kemm qed jinstama’? Kemm qed jagħtu widen għalih dawk li fil-fatt huma attwalment responsabbli tal-istrutturi ekkleżjastiċi? Kemm qed jintmessu minn dawn l-appelli u eżortazzjonijiet? Fl-aħħar mill-aħħar hu dan li jgħodd. Mhux il-paroli, iżda l-fatti.

Il-Papa qiegħed inissel tamiet kbar fi qlub dawk li jixtiequ jerġgħu jaraw il-Knisja terġa’ taqbad id-direzzjoni li kien taha l-Konċilju Vatikan II, id-direzzjoni li fiha l-Knisja ma tibqax aktar istituzzjoni ta’ setgħa u qawwa imma ta’ qadi u mixi mal-umanità. Dawn it-tamiet għad ma raw ebda bidla perċettibbli u definita; qegħdin biss jistennew bil-ħerqa sa ma dan iseħħ.

Jalla t-tamiet tagħhom ma jisfawx fix-xejn. Il-Knisja għandha opportunità unika f’dan il-mexxej inkredibbli tagħha; iżda jeħtieġ li din l-opportunità tintlaqa’ u tittieħed. Forsi għad fadal ftit żmien ieħor għal dan; iżda ż-żmien qiegħed jaħrab malajr ... u t-tamiet qed jistennew.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?