Mandela tal-fantasiji

Nelson Mandela, li ġie ċċelebrat il-ġimgħa li għaddiet waqt li sarlu l-funeral ġewwa s-Sid Afrika, kien aktar binja ta’ fantasija milli ta’ realtà. Din il-fantasija bdiet f’ħajtu, kompliet f’mewtu u aktarx se tkompli bit-tifkira tiegħu. Ħadd ma fakkar it-terrorist Marxist li kien tabilħaqq u li hu stess qatt ma ċaħad jew iddenunċja. Mhux li ma kellux il-merti tiegħu, flimkien ma’ miljuni oħrajn, fil-ġlieda kontra l-kruha tal-Apertheid fis-Sud Afrika, iżda li wieħed għall-anqas jammetti li r-reviżjoniżmu hu qarrieq meta jikkanonizza daqskemm meta jiddemonizza.

Terroriżmu

Wara xi snin jipprova jorganizza kampanja ta’ non-vjolenza, Mandela kien fl-aħħar qata’ qalbu għal kollox u ddeċieda li l-vjolenza terribbli tal-Istat razzista tista’ tiġġildilha biss bil-vjolenza. Għaldaqstant, waqqaf għaqda terrorista (‘Umkhonto we Sizwe’) li baqgħet toqtol, tissekwestra, tittortura u teżekuta n-nies (inkluż suwed ‘tradituri’), u wkoll tidfen il-mini, anki meta Mandela għamel kważi tliet għexieren ta’ snin il-ħabs. L-attivitajiet terroristiċi tagħha ma kinux biss fis-Sud Afrika, iżda wkoll fl-Angola, fir-Rodesja, f’Możambique u fin-Namibja.

Ukoll wara li temm iż-żmien ikrah tiegħu l-ħabs, meta sar President tas-Sud Afrika u meta rtira, Mandela dejjem baqa’ jiġġustifika l-linja vjolenti u terroristika li kien ħa fil-bidu tas-sittinijiet. Għalkemm, meta kiseb is-setgħa, saħaq li l-vjolenza ma kienx hemm aktar lokha, fil-fatt qatt ma waqaf jemmen li kienet il-vjolenza li ġabet l-Istat razzista apertheidista għarkobbtejha sa ma fl-aħħar ċediet.

Tabilħaqq, jekk irridu ngħidu kollox, l-atti terroristiċi tiegħu ma kinux kontra l-‘bojod’ (bħalma l-vjolenza tal-istat kienet kontra s-‘suwed’), iżda kontra l-Istat terroristiku. Iżda dan qajla jtaffi mill-gravità tal-fatt li, waqt li l-atti vjolenti weġġgħu lill-Istat kemm setgħu, qatlu wkoll mijiet ta’ nies innoċenti, kemm bojod u kemm suwed.

Realtà mibdula bi ftit

L-ewwel darba li jien ġejt wiċċ imb’wiċċ mar-realtà apartheidista Sud-Afrikana kien fl-1985 meta kont iltqajt ma’ azzjonisti żgħażagħ Sud-Afrikani suwed fil-Brażil. It-tbatijiet affettwati mill-Apertheid li rrakkontaw kienu jwerrċuk. Is-‘soluzzjoni’ tagħhom kienet il-vjolenza u l-intensifikazzjoni tagħha. B’niket kbir, wara kont smajt li bosta minn dawn iż-żagħżagħ, jekk mhux kollha, kienu nqatlu meta marru lura f’pajjiżhom jiġġieldu għall-ideali tagħhom.

Is-sistema qerrieda tal-Apertheid iltqajt magħha wiċċ imb’wiċċ ħafna snin wara, fi Frar tal-2009, fl-istess ġimgħa li fiha Mandela kien inħeles mill-ħabs. Żort l-oqsma urbani suwed ta’ Nyanga u Guguletu f’Cape Town u l-miżerja terrifikanti li rajt hemmhekk ħallietni mnixxef. Il-qasma netta bejn il-partijiet bojod ta’ Cape Town u dawk suwed kienet xhieda krudili tar-realtà vjolenti tal-Apertheid.

Illum, ħames snin wara, għalkemm ninsab mgħarraf li s-sitwazzjoni tjiebet xi ftit, il-miżerji ta’ postijiet bħal Nyanga u Guguletu ma ntemmux, bħalma lanqas ma ntemmu ħafna strutturi soċjali li kienet waqqfet is-sistema politika tal-Apertheid. Milli jidher, hu fatt li fil-ħames snin li Mandela għamel bħala President tas-Sud Afrika, minkejja li legalment qered l-Apertheid, xorta waħda ma kienx irnexxielu mqar jibda jsolvi l-problemi kbar tal-pajjiż, inkluż dawk tas-saħħa (u l-inċidenza enormi ta’ HIV), in-nuqqas ta’ residenzi inadegwati, iż-żoni apartheidisti, il-livell edukattiv tas-suwed, u pjagi oħrajn.

Reviżjoniżmu

Il-‘kanonizzazzjoni’ ta’ Mandela, partikularment f’din l-aħħar ġimgħa li għaddiet, tinjora kemm it-twemmin persistenti (u mhux niedem) tiegħu fil-vjolenza kif ukoll il-fallimenti klamorużi tiegħu bħala President. Bħal fil-każ ta’ kull ikona oħra (ta’ Che Guevara, Kennedy u oħrajn, ngħidu aħna; u, fil-każ tagħna, La Valette, Franġisk Saverju Caruana, Adrian Dingli u oħrajn), id-dija tad-dijadema li tqiegħdet wara rasu għammxet l-għajnejn u tfiet kull dell ikrah li seta’ kien hemm fir-realtà tal-fatti. Ħafna għażlu―u se jibqgħu jagħżlu―li jagħmlu reviżjoni sħiħa tal-ġrajja ta’ ħajtu billi jneħħu kulma jħammeġ u jqażżeż, u jħallu biss dak li hu sabiħ u jlellex.

Ħafna ‘vittmi’ tar-reviżjoniżmu ġralhom bil-kontra: ġew ddemonizzati b’mod irrikonoxxibbli (nies bħal Mao, Stalin u oħrajn; u, fil-każ tagħna, Dimech, Mintoff u oħrajn).

F’kull każ ta’ reviżjoniżmu, kemm il-kanonizzazzjoni u kemm id-demonizzazzjoni tneżża’ l-persuna mill-umanità tagħha u tagħti stampa tagħha li mhijiex hi. Din id-de-umanizzazzjoni hija falza daqskemm illeġittima, għax jew tidealizza n-nies b’mod romantiku jew tbaxxihom b’mod krudil lil hinn minn kull realtà.

Fejn hu tiegħu, Mandela jistħoqqlu l-ġieħ; iżda fejn mhuwiex, ma jistħoqqlux. Il-kanonizzazzjonijiet (u d-demonizzazzjonijiet) l-aħjar inħalluhom għal min jehda bil-ħrejjef.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?