Il-Fiera tal-Ktieb

Il-ġimgħa d-dieħla, bejn l-Erbgħa, 13, u l-Ħadd, 17 ta’ Novembru, se tiġi organizzata fiċ-Ċentru tal-Mediterrann għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, edizzjoni oħra tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb. Dan l-avveniment annwali huwa appuntament li jiswa żżommu għax ilaqqgħek mad-dinja affaxxinanti tar-riċerka, il-fantasija u t-tagħlim.

Internazzjonalità

Oriġinarjament, jidher li l-Fiera tal-Ktieb kienet idea li, fis-snin sebgħin, ħareġ biha ta’ Mintoff. Għalkemm illum tissejjaħ il-Fiera ‘Nazzjonali’ tal-Ktieb, Mintoff jidher li riedha tkun il-Fiera ‘Internazzjonali’ tal-Ktieb. Xtaqha, mhux biss li tkun wirja tat-talent letterarju Malti u Għawdxi, iżda wkoll opportunità ta’ laqgħa bejn is-suq letterarju tagħna u dak ta’ pajjiżi barranin.

Ma nafx jekk il-Fiera tal-Ktieb lokali qattx kienet internazzjonali kif riedha Mintoff. Illum ma jidhirx li hi; għalkemm nifhem li x-xewqa li bil-mod il-mod tinfetaħ għal pubblikaturi, awturi u ħwienet tal-kotba barranin mhijiex nieqsa. Din hi xewqa ta’ min jaħdem fuqha aktar, għax il-ktieb hu minnu nnifsu ftuħ lejn ixfqa dejjem aktar wiesgħa u ġodda, u jista’ jkun laqgħa imprezzabbli bejn kulturi u popli differenti.

Mintoff għamel sforzi kbar biex soċjalment u politikament joħroġ lill-Maltin mill-għeluq ta’ mentalità li tħares lejn Malta bħala xi gżira maqtugħa mid-dinja; naħseb li rnexxielu. Il-Fiera tal-Ktieb għandha tirrifletti din il-mentalità ġdida li twieżen dak li hu lokali, inkluż il-letteratura, f’rabta ma’ dak li jeżisti lil hinn minn xtutna.

Kemm jaqraw?

Meta tqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna, għandek mnejn tintebaħ li s-suq lokali tal-kotba mhuwiex tant żgħir. Skont l-aħħar Rapport dwar l-Iżvilupp Uman tal-2011 tal-Ġnus Magħquda, l-estimu tar-rata medja ta’ litteriżmu fid-dinja huwa ta’ 84%. Skont l-istess rapport, f’Malta u Għawdex l-estimu tar-rata medja hu ogħla minn hekk; huwa ta’ 93%. Rata inkuraġġjanti.

Iżda kemm jaqraw il-Maltin u l-Għawdxin? Ma jidhirx li nafu bl-eżatt. Biex twieġeb din il-mistoqsija trid, qabel xejn, iżżomm f’moħħok żewġ affarijiet: l-ewwel, li l-istatistiċi f’dan ir-rigward huma diffiċli ħafna biex jinġabru; it-tieni, li l-estimu tar-rata medja dinjija ta’ kemm nies jindenjaw irwieħhom li jaqraw ktieb f’sena hija ta’ anqas minn 30%.

Jekk tfittex ftit statistiċi ta’ kemm nies jaqraw ktieb f’sena, issib li jvarjaw ħafna. Hemm minnhom li jgħidu li l-Ġermaniżi jaqraw l-aktar fid-dinja; oħrajn jgħidu li l-Awstraljani; u oħrajn l-Indjani. Min jaf? Il-ġabra tal-istatistiċi f’dan ir-rigward hija skarsa u difettuża ħafna.

Sa fejn naf jien, ma jidhirlix li f’Malta għandna estimu ta’ rata ċerta dwar dan. Jekk ikolli nobsor bl-amment, ngħid li ħafna anqas min-nofs ta’ dawk li kapaċi jaqraw. Imma dan hu biss impressjoni.

Il-ktieb u l-iżvilupp nazzjonali

Il-ktieb hu l-aktar ħaġa fraġli tad-dinja. Daqstant hu prezzjuż. Ktieb hu dejjem għall-ħniena tal-elementi daqskemm tan-nies. Jista’ jinqered faċilment u jista’ jinżamm b’għożża. Madanakollu, ktieb għandu ħajja tiegħu. Imur fejn awtur ma jmurx; jiltaqa’ ma’ nies li l-awtur ma jiltaqax magħhom; jitkellem mingħajr ma għandu fomm.

Hemm relazzjoni qawwija bejn il-qari tal-kotba u l-ekonomija ta’ pajjiż. Mhux għax is-suq tal-kotba jħalli xi effett sinifikanti fuq il-budget tal-pajjiż, iżda għaliex poplu li ma jaqrax hu poplu li jfaqqar lil pajjiżu; poplu li jaqra huwa wieħed li jċekken il-possibbiltajiet tiegħu li jiżviluppa r-riżorsi ta’ pajjiżu.

Naturalment, illum hawn ħafna mezzi ta’ qari u li jistgħu joqogħdu flok ktieb. Hawn ukoll ħafna mezzi li jistgħu jagħmlu l-ktieb aktar aċċessibbli. Kollha għandhom is-siwi tagħhom. Iżda li wieħed jagħmel imqar ftit sigħat fil-ġimgħa jaqra ktieb huwa sinjal ċert tal-maturità ta’ dik il-persuna.

Il-Fiera tal-Ktieb fi ftit jiem oħra tagħtik dik l-opportunità sabiħa li tħabbrek għat-tkabbir tiegħek innifsek u ta’ min hu għażiż għalik. Titlifhiex.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?