Dwar spjuni u spjunaġġi

Jekk inti qatt ħsibt li l-era tal-ispjuni u l-ispjunaġġi kien intemm mal-ħajt ta’ Berlin u l-gwerra l-bierda, kont sejjer żball bi kbir. Ix-xahar l-ieħor tar m’għola s-saqaf l-għatu minn fuq borma li kienet ilha tagħli: l-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana (NSA) inkixfet li kienet qed tispjuna fuq il-biċċa l-bkira tal-mexxejja Ewropej. Iżda wara inqabdu jispjunaw fuq xulxin il-mexxejja Ewropej stess.

Spjuni fuq xulxin

“Il-ħbieb ma jispjunawx fuq il-ħbieb,” qalet mill-ewwel il-Kanċillier Ġermaniż Merkel, u ċemplet lil Obama biex tagħtih tgħajjira. L-istorja faqqgħet meta kixef għadd ta’ dokumenti ż-żagħżugħ ta’ 30 sena Edward Snowden. Dan hu speċjalist Amerikan tal-komputer, li kien ħaddiem mas-CIA, kuntrattur mal-NSA, u li issa jinsab maħrub ir-Russja taħt ażil temporanju. Jista’ jkun li hu l-aktar bniedem mibgħud fl-Amerika bħalissa.

Id-dokumenti li kixef Snowden ix-xahar l-ieħor juru spjunaġġ bla rażan mill-NSA, iżda wkoll minn Israel, Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Gran Britannja. Juru li aġenziji sigrieti Amerikani kienu l-ħin kollu qed jispjunaw fuq madwar 35 mexxej madwar id-dinja. F’xahar wieħed biss, u fi Franza biss, l-NSA kienu spjunaw fuq madwar 70 miljun reġistrazzjoni telefonika u messaġġi bil-mobajl. F’xahar wieħed, l-NSA spjunaw fuq madwar 60 miljun telefonata li saret fi Spanja.

Filwaqt li l-gvern Amerikan għall-ewwel daħal f’qoxortu, imbagħad beda jiskuża ruħu u jwiegħed aktar kontroll, wara beda jakkuża lill-mexxejja Ewropej ta’ ipokrezija, u bl-aħħar spiċċa jgħid lil kulħadd li kien hemm nuqqas ta’ ftehim. Kollox f’temp ta’ ġimagħtejn. X’nafu issa? Nafu li mhux biss li l-Ewropej jispjunaw fuq l-Amerika, iżda wkoll fuq xulxin u anki fuq iċ-ċittadini tagħhom. Mid-dehra l-vizzju għoġbu kulħadd.

Il-biża’ miċ-Ċina

Infatti, ġimgħa ilu sar magħruf li aġenziji sigrieti tal-gvernijiet tal-Ġermanja, Franza u Spanja regolarment jispjunaw fuq iċ-ċittadini tagħhom. Aġenziji tal-gvern Britanniku sistematikament kienu qed jispjunaw fuq Merkel. Erbat ijiem wara (jiġifieri l-ġimgħa li għaddiet), Viviane Reding, li hija l-kap tal-fergħa tal-informatika tal-Unjoni Ewropea, issuġġeriet li l-Unjoni twaqqaf aġenzija apposta tal-ispjunaġġ ħalli ma taqax lura fl-ispjunaġġ.

L-NSA qalet li dan mhuwiex meħtieġ, għax diġà qiegħed isir. Qalet li diversi aġenziji Ewropej, speċjalment fi Spanja u Franza, diġà qegħdin jikkooperaw magħha f’programmi ta’ spjunaġġi, inkluż spjunaġġi fuq il-mexxejja Ewropej stess. Id-Direttur tal-NSA, il-Ġeneral Keith Alexander, qal li l-ispjunaġġ qed isir b’mod għal kollox legali.

Il-biża’ kulħadd kienet, mid-dehra, mhux dwar l-etika tal-ispjunaġġ, jew kif se jnaqqsu l-ispjunaġġ, iżda kif l-arja ta’ diffidenza li f’daqqa waħda daħlet fost il-mexxejja tal-Punent kienet se taffettwa l-front politiku u ekonomiku komuni tagħhom kontra ċ-Ċina, li bil-mod il-mod qed tgħolli rasha ’l fuq minn ta’ kulħadd (mhux anqas militarment).

Spjunaġġ fuqek

Aħna lkoll għandna nkunu nafu li l-ispjunaġġ (jekk trid issejjaħlu hekk) isir fuqna lkoll. Kull telefonata li nagħmlu bil-mobajl tiġi rreġistrata għal għaxar snin; kull SMS li nibagħtu tiġi miżmuma fl-arkivji elettroniċi tas-servers tagħna wkoll. L-istess jiġri b’kull email li nibagħtu jew nirċievu. Kollox hu monitorjat u miżmum f’każ ta’ ħtieġa. F’kelma waħda, m’għandniex għalfejn nistagħġbu bl-ispjunaġġ li jagħmlu l-gvernijiet fuq xulxin u fuqna.

Barra minn hekk, jingħad li, wara l-elezzjoni tal-2013, bl-għajnuna ta’ aġenziji Amerikani, il-gvern Malti daħħal sistema sofistikata ta’ spjunaġġ. Fuq min jispjuna l-gvern tagħna mhuwiex magħruf bl-eżatt. Li hu magħruf hu li s-sistema għadha operattiva sal-lum.

Għaliex isir dan l-ispjunaġġ kollu huwa miftuħ għall-ispekulazzjoni. Forsi għas-sigurtà tagħna. Forsi għall-ħarsien tal-ekonomija. Min jaf? Ħajjitna tinsab mgħassa u kkontrollata aktar milli naħsbu jew nistgħu nimmaġinaw. Żgur li l-era tal-ispjuni u l-ispjunaġġi ma spiċċatx. Altru li le! Illum huma qawwija aktar minn qatt qabel.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?