Sunday, 17 November 2013

Is-sagralità taċ-ċittadinanza

Kulmin tkellem miegħi assuma li jien kont se nkun kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza. Assumew ħażin. Jien fraħt biha għax, forsi mingħajr ma jaf, il-gvern aktarx ħa waħda mill-aktar miżuri anarkiċi drastiċi li wieħed jista’ jimmaġina: ġab fix-xejn xi ħaġa li kienet artifiċjalment miżmuma minn xi wħud f’sagralità bla qies. Għax meta tqiegħed prezz fuq xi ħaġa, anki jekk ta’ miljuni, inti fil-fatt tkun ġibtha żero.

Mannara mal-għerq

Immaġina tqiegħed prezz fuq ommok l-għażiża! X’jibqa’ mis-siwi tal-istima tiegħek lejha? Xejn! Minn ħaġa sagra ssir ħaġa ta’ kummerċ; ħaġa kwantifikata monitarjament. L-istess storja tiġri minn kull ħaġa li tista’ tinbiegħ. Flok togħla fis-siwi, tonqos.

Għal xi wħud, is-siwi taċ-ċittadinanza―flimkien ma’ dak kollu li hu marbut magħha, bħan-nazzjonalità u l-identità―kien miżmum fl-ogħla ġieħ. Kienu jqisu ħaġa artifiċjali u arbitrarja bħala sagrosanta u kważi kważi naturali. Kien tajjeb dan? Fil-fehma tiegħi ma kienx. U l-fatt li issa hemm prezz fuq astrazzjoni bħalma hi ċ-ċittadinanza turi dan b’mod ċar.

Mhux ta’ b’xejn li qomsu xi wħud mill-faxxisti u l-awtokrati l-aktar imqajma ta’ dan il-pajjiż; għax b’ħaġa bħal din mannara saħqet għerq qawwi tal-estremiżmu tagħhom. U għamlet sew (anki jekk wieħed jista’ ma jaqbilx għal kollox għala seħħ dan).

Kollox għandu prezz

Naturalment, Malta mhijiex l-uniku pajjiż fid-dinja li jbigħ iċ-ċittadinanza tiegħu lill-investituri. Jien naf b’għoxrin oħra, il-biċċa l-kbira tagħhom Ewropej. Hawnhekk għandek l-Awtrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Islanda, il-Latvja, Monako, Montenegro, is-Slovakkja, l-Isvizzera, u l-Gran Britannja. Barra dawn, fid-dinja għandek il-Bahamas, il-Kanada, Dominika, Hong Kong, New Zealand, il-Panama, Singapor, San Kitts u Nevis, u l-Istati Uniti tal-Amerika. Il-prezz ivarja bejn 3-4 miljuni ewro (Awtrija) u 45,000 ewro (Panama; jew 60,000 dollaru).

Tiftakru l-film tal-1993 Indecent Proposal ta’ Adrian Lyne? F’dak il-film, għall-proposta ta’ Robert Redford lil Woody Harrelson li jixtri lejl wieħed ma’ martu Demi Moore, Harrelson jgħid lil Redford li kien hemm limiti għal dak li l-flus jistgħu jixtru. Redford iwieġbu: ‘Mhux wisq’. (Forsi ried jeskludi ’l ommu.) Għalkemm l-istorja tal-film hi Amerikanata, dan id-djalogu qasir bejn iż-żewġ artisti (u li fuqu hu mibni l-film kollu) mhuwiex daqshekk bogħod mill-verità. Id-dinja kapitalista tagħna tqiegħed prezz fuq kollox (jew kważi).

Anki fuq in-nies? Sfortunatament, iva, anki n-nies jinxtraw u jinbiegħu (speċjalment minn ‘businessmen’ kbar). Ovvjament, dan mhux neċessarjament hu etikament tajjeb; ċertament mhuwiex moralment korrett. Iżda jsir; u jsir il-ħin kollu.

Pass inkuraġġanti

L-emendi li saru l-ġimgħa li għaddiet lill-Att dwar iċ-Ċittadinanza xi ftit jew wisq isegwu din il-metodoloġija ta’ ħsieb. Filwaqt li l-kunċett tan-nazzjonalità u dak taċ-ċittadinanza huma distinti minn xulxin, kemm teknikament u kemm legalment, iċ-ċittadinanza tiġi definita minn fruntieri politiċi u passaporti, għodod ta’ firda u qsim bejn l-umanità. Il-profanazzjoni tas-sagralità li jimplika l-bejgħ taċ-ċittadinanza theżżeż dawn l-għodod u dgħajjifhom. Għaldaqstant, theżżeż u ddgħajjef ukoll il-firda u l-qsim bejn il-bnedmin.

Kull pass li jista’ jittieħed biex jaqgħu l-fruntieri u jitwitta l-qsim politiku fost il-familja waħda umana hu pass tajjeb u inkuraġġanti. Anki jekk, ċertament, mhux dan kien l-iskop dirett jew indirett tal-leġislazzjoni l-ġdida, kien għal dan li hi u oħrajn bħalha fid-dinja kkontriwixxiet. Fl-aħħar mill-aħħar, aktarx ikun il-kapitaliżmu stess li jeqred lilu nnifsu.


5 comments:

  1. hafna kliem tqil ghal-xejn hu mhux korrett.minn jixtri ic-cittadinanza maltijja,mhux obligat li jinvesti fil-pajjiez.mela l'argument tieghek meta ghidt malta mhux wehida,ghandek zball.ipprova ixtri cittadinanza amerikana per ezempju?? wara hames snin ta'investiment fil-pajjiez,hu wara li turi li kapaci tiggenera salarju ghaliek hu ghal familja,hu wara hames snin minghir ghajnuna socjali..wara dan kollu hu izjed forsi ituk ic-cittadinanza,hu biss wara li thallas il-belli liri ghalija.nissugerrilek taghmel ricerka ahjar qabel ma tikteb xeba kliem li ma jifmhu hadd.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Ma nafx fejn qed tara "ħafna kliem tqil". L-artiklu miktub b'mod mill-aktar ċar. Tpoġġi kemm tpoġġi, iżżid kemm iżżid kundizjonijiet il-prinċipju jibqa l-istess. Kollox għandu prezzu; darba li jingħata dan il-prezz, ikunu x'ikunu il-kondizzjonijiet li torbot miegħu, il-valur jgħib. Allura wieħed jistaqsi: Il-valur veru kien hemm jew konna qed nimmaġinaw? M'hemm ebda 'baqra sagra' u kollox għandu prezzu fid-dinja.

      Delete
  2. il-punt ta dan kollu hu li l'artikolu ghawn fuq,mhux korrett.il-fatti stipulati huma foloz,hu ma jirriflettux ir-realta tal-ligi kif hini.dak huwa il-punt mhux jekk taqbel jew ma taqbilx.

    ReplyDelete
  3. Jien nahseb li din tal-"bejgh" tac-cittadinanza u l-passaport ma hi xejn hlief estenzjoni tal-"bejgh" tal-bandiera maltija bhal fil-kaz ta' meta jigu registrati vapuri barranin taht bandiera maltija ta' konvenjenza ghall-skopijiet ta' evazzjoni ta' taxxi gholjin. Nies li huma mahqura go pajjizhom ghandhom id-dritt ta' l-azil. Illum qeghdin nghixu f'dinja globalizzata fejn il-fruntieri ma jistghux jzommu iktar il-kapital jghaddi minn pajjiz ghal-iehor, u l-anqas il-haddiema jaqsmu minn pajjiz ghall-iehor biex isibu pagi ahjar ghas-snajja taghhom. Il-kuncett tan-nazzjon-stat m'ghadux moda daqs kemm kien fis-seklu 19.

    ReplyDelete
  4. Mark, stennejt xi haga ahjar.Bejgh ta´passaport hu att ta´prostituzjoni. I-sess li mahluq bhala l-punt l-aktar gholi ta´l-imhabba jaghtuh prezz minghajr imhabba. Passaport jaghtik dritt ghall-vot f´pajjizek. Oi! Oi! Oi! Tiinsiex mark tlaqna minn passaport "sigriet u ghall-bejgh"! Dun Gwqnn Caruana, Sarandi, Parana,Brazil

    ReplyDelete