Sunday, 28 August 2016

Kemm nobgħod il-funerali!

Nifhem perfettament li l-funerali huma l-aħħar tislima lill-mejtin u, għal xi wħud, talba għall-mistrieħ ta’ ruħhom. Nifhem perfettament ukoll li ħafna nies huma ġenwini meta jieħdu sehem f’xi funeral. Iżda nifhem perfettament ukoll li l-funerali huma l-quċċata ta’ ħafna ipokreżija, dmugħ tal-kukkudrilli u xeni għal wiċċ in-nies. Kemm nixtieq li jien qatt ma jkolli funeral!

Ma rridx funeral

M’iniex qed ngħid dan—li ma jkollix funeral—għax għandi xi xewqa li ma mmut qatt. Xejn minn dan. Għall-grazzja tal-ħanin Alla, xi darba nintemmu bħal ħaddieħor. Lanqas ma ngħid dan biex nonqos bl-iċken mod mir-rispett lejn min inħalli warajja u jkun jixtieq jesprimi d-dieqa u s-sentimenti tiegħu. Le.

Ma nixtieqx funeral għax naf li għall-funeral tiegħi, bħalma għall-funerali l-oħra kollha tad-dinja, li qatt saru u li qatt iridu jsiru, arahom ġejjin b’wiċċ imqarras nies li f’qalbhom probabbli jkunu qed jiżfnu u jkantaw id-“Don’t Stop Me Now” tal-Queen (meqjusa l-aktar kanzunetta allegra tad-dinja). Imqar għal nofs siegħa funeral, dan-nies jagħmluli demmi ilma li jkunu hemmhekk, u kemm nixtieq li ma npaxxihomx.

Ġo funeral, l-għedewwa jażżardaw jersqu b’wiċċhom bil-quddiem, bħal xikalli madwar karkassa, għax jafu li l-mejjet ma jista’ jagħmlilhom xejn. Qishom bħal donnhom qed jagħmlu l-aħħar daħka fuqu. Nies godardi jsiru ljuni quddiem l-irmied. Jibżgħu anki minn dellhom, imma minn katavru ma jibżgħux ... bħalma lanqas minn Alla.

Aħjar bla funeral milli bihom hemm.

Politikanti, priedki u korijiet

Arahom, imbagħad, ġo bosta funerali jersqu wkoll il-politikanti. Abbli jidħlulek il-knisja għall-bidu tal-funeral u jitilqulek baxx baxx fi ftit minuti, wara li jkunu ċerti li rawhom in-nies, jew jiġuk lejn it-tmiem taċ-ċerimonja ħalli taparsi kienu hemm mill-bidu. Tgħid lejn lejn min għandhom rispett dawn? Lejn il-vot mejjet jew lejn il-voti ħajjin?

Imbagħad xi ngħidu għall-priedka? Ommi, ma! Sakemm il-qassis ma jurikx ċar daqs id-dawl tal-jum li l-biċċa xogħol kollha hi żejda għalih u li għandu seba’ mitt sena sakemm jispiċċa kollox, jagħmillek xi kwarta jredden b’kulma jiġih f’rasu. Ħafna drabi tkun priedka reċiklata għall-elf darba u waħda.

Miegħu jkun hemm tal-kor, għax din daħlet moda li funeral irid isir bil-kor, ħa jtella’ l-kont aktar. Iħanxrulek l-aktar innijiet ta’ dwejjaq li sabu fil-ktieb u erħilhom itawlu kemm jifilħu biex jiġġustifikaw ħlashom.

L-eqdem drawwa

Dan kollu xi tridu? Tabilħaqq, it-tajjeb hu li int, stendut fin-nofs, ma tkun qed tisma’ u tara xejn, għall-grazzja t’Alla, imma xorta waħda r-rexta kollha tkun qed issir f’ismek ... u taparsi għalik. Dal-affarijiet taparsi ma naħmilhomx, imma ftit hemm x’wieħed jista’ jagħmel biex jevita dan kollu.

Jgħidu li l-funerali huma wħud mill-ewwel u l-eqdem xhieda tal-‘homo sapiens’. Il-bniedem beda jidfen biċ-ċerimonji hekk malli sar konxju tiegħu nnifsu. F’kelma waħda, sa mill-bidu bdejna bil-vanità, għax funeral nagħmluh għax nafu li għandna mmutu aħna wkoll.

Ngħid għalija, ma jogħġobni xejn. Fost il-vanitajiet li ċertament għandi, bħal kulħadd, dan mhuwiex wieħed minnhom. L-aħjar alternattiva huwa funeral privat fejn jiġu biss dawk li naf għandhom dispjaċir sinċier li ħallejthom. Il-bqija aħjar imorru jifrustraw ruħhom xi mkien ieħor u jħalluni kwiet.

Wara kollox, anki jien inkun hemm bilfors.




1 comment:

  1. Dejjem jirnexxilek titfani f'naqra ta' riflessjoni u tnissel fija xi tbissima. Is-sliem!

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever