Mitt Sena mit-Twelid ta’ Dom Mintoff



Diskors mogħti fil-Berġa ta’ Kastilja, Valletta
L-Erbgħa, it-3 ta’ Awwissu tal-2016
f'għeluq il-100 sena mit-twelid tal-Perit Dom Mintoff
Mark Montebello

F’waħda min-novelli tal-2009 l-aktar magħrufa, Ir-Raġel ta’ Mitt Sena li Ħareġ mit-Tieqa u Għeb, il-kittieb Żvediż Jonas Jonasson jirrakkonta din l-istorja avventuruża ta’ wieħed li għalaq mitt sena.
Ftit minuti qabel ma ħbiebu għamlulu festin f’għeluq sninu, ħarbilhom mit-tieqa
u, b’ta’ fuqu senduqu, bil-papoċċ f’saqajh, telaq għal għonq it-triq biex tgħidx kemm ħa keded u nkwieta nies!

Il-lejla nistħajjel lil Mintoff jagħmel l-istess.

Mhux il-lejla biss.
Nistħajlu jiżgiċċa u jaħrab kulmeta jsirulu tifkiriet li
jirromantiċizzawh,
jidealizzawh,
jissentimentalizzawh,
jidolatrizzawh,
jipproġettaw fuqu kull xorta ta’ platitudnijiet,
u jpinġuh lil hinn mill-umanità sabiħa li kellu,
umanità dgħajfa,
umanità mistħija,
umanità midinba,
iżda wkoll umanità sensittiva,
umanità ġeneruża.
F’kelma waħda: jimmitoloġizzawh.



Il-paniġeriżmu qatt ma kien ħabib
la tar-realtà,
la tal-fatti,
la tas-sewwa,
la tal-intelliġenza,
u, frankament, lanqas tar-rispett.
Hu biss ħoss sterili
ta’ tifħir insipidu
... u ħafna drabi banali.

Tisma’ lil xi wħud jitkellmu (jew ikantaw)
tistħajjel li Mintoff qisu waqa’ mis-sema;
bħallikieku l-istorja bdiet bih:
Qablu kien hemm
dlam,
ġuħ,
għaks,
injoranza,
u x’naf jien;
Miegħu ġie
id-dawl,
il-prosperità,
il-ġid,
l-għerf,
u kull barka oħra.

Mintoff, ċertament, għandu postu fil-ġrajja t’artna,
post ipprivileġġjat,
eminenti,
uniku,
... u aktarx irrepetibbli,
Imma hu parti minn storja itwal,
... u usa’;
storja minsuġa minn ħafna ħjut,
storja li ma tibdiex bih,
            u wisq anqas tintemm miegħu.


Jistħoqqlu, tabilħaqq, Mintoff bosta tifħir—bosta
Iżda mhux akkost tar-realtà,
mhux akkost tal-fatti,
mhux akkost tas-sewwa,
mhux akkost tal-intelliġenza,
mhux akkost tar-rispett.
Il-paniġierċi mhumiex atti ta’ mħabba.
Huma atti ta’ vanità.

Le, il-Perit Mintoff ma waqax mis-sema.

Illum, meta qegħdin niċċelebraw it-twelid tiegħu,
jidhirli li hu biss xieraq li niftakru f’xi wħud mill-għeruq
li għamluh storikament possibbli.
Insemmu ħafif ħafif, ngħidu aħna, lil Carmelo Mifsud Bonnici Il-Gross,
li ħajru fl-ewwel passi tas-servizz pubbliku.
Insemmu l-familja ta’ missier Mintoff,
li kienet kruċjali fid-direzzjoni politika tiegħu.
Insemmu lit-tabib Pawlu Boffa,
li nissel fih l-ewwel ideali tal-laburiżmu.
Insemmu lil Reggie Miller,
li rawmu fid-dinamika tal-organizzazzjoni u l-azzjoni pubblika.
Insemmu lit-tabib Turu Colombo,
li wrieh kif jaħdem il-folla u juża l-enerġija li din tnissel.
Insemmu lil Mabel Strickland,
li għallmitu s-siwi tal-intrapriża, tal-komunikazzjoni u tar-rabtiet barranija.
Insemmu l-Fabian Society tal-Ingilterra,
li tagħtu l-prinċipji tas-soċjaliżmu demokratiku.
Insemmu lil Gamal Nasser tal-Eġittu,
li wasslu għall-maturità ideoloġika tiegħu.

Fuq kollox u fuq kulħadd, insemmu lil omm Mintoff:
L-influss fuqu ta’ din il-mara straordinarja
kien għal kollox kruċjali fis-sawra dejjiema
tal-personalità,
il-karattru
u l-psikoloġija tiegħu;


mara li, mill-kwalitajiet tagħha stess, għaġnet fih
determinazzjoni tal-karattru,
persistenza għas-sagrifiċċju,
xamma għall-possibbiltajiet reali,
ambizzjoni għas-suċċess,
kapaċità għan-negozjar,
tħabrik fix-xogħol,
ġibda għall-istudju,
fedeltà lejn il-ħbieb,
għaqal fil-flus,
sempliċità ta’ ħajja,
ħila fl-użu tal-kliem,
sens ta’ solidarjetà,
għarfien ta’ kompassjoni,
u, fuq kollox, għira għall-awtonomija personali.

Mintoff kien bniedem kumpless,
u l-paniġeriżmu jibbanalizzah.
Fuq kollox, il-paniġeriżmu
—biex iżid mad-diffikultà li għadna qrib wisq tat-telfa mibkija tiegħu ħalli nifhuh aħjar—
il-paniġeriżmu jċaħħad lil min iħobbu
daqskemm lil min jobogħdu
il-possibbiltà li jibda jqis lil Mintoff u jwieżnu
b’mod xieraq u reali
fid-dawl tal-kundizzjonijiet materjali,
soċjali,
u psikoloġiċi
li sawru s-soċjetà li fiha għex
u d-dinja li fiha ħadem.
Ħadem Mintoff fid-dinja tal-medda kollha tal-Gwerra l-Bierda;
id-dinja meta Malta u l-mexxejja politiċi kollha tagħha
kienu għadhom marbuta mal-Ingilterra biss u l-interessi magħluqa tagħha;
dinja maqsuma f’żewġ blokok militari ġiganteski
għajjura u mlebilba għas-setgħa u l-ħakma ta’ xulxin;
dinja li setgħet teqred lilha nnifsha minn ħin għal ieħor b’għafsa nukleari.


Għex Mintoff f’soċjetà li kienet għadha b’fasla fewdali;
soċjetà li kellha aktar ix-xejra ta’ kunvent
milli ta’ nazzjon modern;
soċjetà li s-seklu għoxrin kien ħalla għal kollox warajh;
... soċjetà li nsiet kif toħlom.

Mintoff, bil-kumplessità
tal-personalità,
tal-karattru
u tal-psikoloġija tiegħu,
Mintoff, bl-għeruq imżewqa
li għamluh storikament possibbli,
Mintoff qajjem minn raqda tqila
sentimenti ta’ nies
li raw fih qilla mhux komuni ta’ determinazzjoni;
li raw fih għadab rari għall-jedd taż-żgħir u l-imwarrab;
li raw fih leħħa friska u żagħżugħa għall-kisba ta’ għajxien diċenti;
li raw fih xmara ta’ ġenerosità.
Minn dik ir-raqda tqila tan-nies
xirfu
xewqat moħbija,
tbatijiet bla isem,
frustrazzjonijiet qodma,
ħolm imsikket,
rabji marsusa,
... kif ukoll kontradizzjonijiet imħabbla;
xirfu
u sabu fih
leħen ħabrieki,
ħeġġa li tħarrek,
sfog għal ġibdiet ripressi.


Hu, min-naħa tiegħu,
fil-poplu li stenbaħ u nġibed lejh,
hu għaraf
ix-xewqat moħbija tiegħu,
it-tbatijiet ta’ ġerħatu,
il-frustrazzjonijiet li għex,
il-ħolm li ried iwettaq,
ir-rabji li żamm ġo fih,
... kif ukoll il-kontradizzjonijiet li qatt ma solva;
fil-poplu li stenbaħ u nġibed lejh,
Mintoff sab
il-leħen tiegħu stess,
il-ħeġġa li ssoktat tqanqlu,
l-isfog għall-ġibdiet mistura tiegħu,
il-ftuħ għal xewqatu.
B’xi taħlita psikoloġika stramba
il-kotra ħolqot lil Mintoff bħala estensjoni tagħha
l-istess bħalma Mintoff ħoloq lill-kotra bħala estensjoni tiegħu.
Hekk Mintoff sar l-oħla xbieha ta’ poplu fl-għodwa ta’ kburitu.

Għalkemm issa ntemm mortalment,
Mintoff illum ukoll
u għada
u pitgħada,
—jekk ma jiġix mitoloġizzat,
jew ma jiġix innewtralizzat bil-platitudnijiet—
Mintoff jibqa’ xbieha ta’ kull bniedem fostna,
l-aktar taż-żgħir u l-iżvantaġġjat,
li jrid jgħix suriet in-nies
mingħajr it-theddid
tal-għaks
u l-faqar.


Mintoff, għaldaqstant, illum ukoll
u għada
u pitgħada
jibqa’ jisfida
lil kull filosofija
—bħal dik neoliberali tas-suq ħieles—
li tnaqqar bil-mod il-mod,
bil-vantaġġi li jagħti lil ħaddieħor,
il-mezzi li bihom in-nies iż-żgħar jipproduċu
l-identità tagħhom infushom,
il-ferħ tagħhom infushom,
il-ġejjieni tagħhom infushom.
Mintoff illum
u għada
u pitgħada
jibqa’ jisfida
lil kull filosofija
li tqis il-vjolenza
bħala l-aħjar tweġiba għall-vjolenza;
li tqis il-ħakma u l-kontroll
aħjar mis-solidarjetà u
t-tejbien tal-kundizzjonijiet materjali.
Mintoff illum
u għada
u pitgħada
jibqa’ jisfida
lil kull politika
li tqiegħed il-flus qabel in-nies;
li tħallas il-kont tal-prosperità komuni
minn ħalq iż-żgħir u l-imwarrab.
Mintoff illum
u għada
u pitgħada
jibqa’ jfakkarna
li fuq il-ġustizzja
ma joqgħod xejn
u ħadd.



Ix-xwejjaħ ta’ mitt sena li semmejna
ma ħarabx minn rajh.
Ix-xwejjaħ ta’ mitt sena ħareġ mit-tieqa u għeb
għax riedu jmewtuh
taħt il-gideb tal-mitoloġiji
u s-satra tat-tifħir vojt.
Ma jixraqx l-istess lil Mintoff;
ma nġegħluhx jaħrab u jgħib.
Inħalluh jibqa’ hawn fostna,
illum
u għada
u pitgħada,
bħala qilla ta’ determinazzjoni;
bħala għadab għall-jedd taż-żgħir u l-imwarrab;
bħala leħħa
—dejjem friska u żagħżugħa—
għall-kisba ta’ għajxien aħjar u aktar ġust
għalina
u għall-ġenerazzjonijiet kollha li ġejjin.

Grazzi talli smajtuni.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?