Il-ħaddiema barranin

Qed issir ħaġa dejjem aktar komuni li ningħataw servizz minn ħaddiema barranin li ma jitkellmux bil-Malti. Imma bosta minnhom lanqas bl-Ingliż ma jafu jitkellmu, u spiss issib li bil-kemm kemm jifhmu dak li tgħidilhom. Ma jidhirlix li xi ħadd għandu jsiġ oġġezzjoni li l-barranin jaħdmu Malta la darba l-impjieg tagħhom huwa regolari, iżda li donnu ħadd ma jagħmel xejn bis-sengħa komunikattiva tagħhom ma naħsibx li hija xierqa.

Ma jifhmux l-Ingliż

F’restoranti, f’uffiċċji tal-gvern u tal-privat u f’servizzi oħra pubbliċi qed nidraw niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ ħaddiema barranin. Infatti, jidher li l-aktar servizzi bażiċi aktar qed jiġu popolati mill-barranin milli mill-Maltin. Din ma fiha xejn ħażin għalkemm il-fenomenu, fih innifsu, jagħti wieħed x’jaħseb fuq id-dinamika tal-impjiegi.

Hu x’inhu, dawn il-barranin f’servizzi bażiċi wieħed jistenna li jkunu jafu jikkomunikaw, jekk mhux bil-Malti, għall-anqas bl-Ingliż. Apparti l-fatt li, ħafna drabi, l-Ingliż ta’ dawn il-ħaddiema barranin huwa mill-aktar bażiku u rudimentali—biex ma ngħidu xejn dwar il-pronunzja tagħhom—mhux l-ewwel darba li wieħed isib li m’huwiex qiegħed jinftiehem għas-sempliċi raġuni li biċċa kbira minn dawn il-ħaddiema ma jifhmux bl-Ingliż.

Huwa evidenti li min iħaddem dawn il-ħaddiema barranin ma jagħtihom ebda taħriġ lingwistiku. Jista’ jkun li dan m’għandux ikun mistenni minn min iħaddem. Iżda li klijent ma jistax jikkomunika sew ma’ dawk li jagħtuh servizz—u, terġa’ u tgħid, wieħed bażiku—hija ħaġa li għandha tinteressa direttament lil min iħaddem.

Fl-isptarijiet

Xi kultant dan l-impediment komunikattiv issib li jeżisti wkoll fejn jidħlu servizzi anqas bażiċi. Spiss se ssib li, jekk iċċempel f’uffiċċju biex tinqeda bil-telefon, iwieġbek xi ħadd barrani li mhuwiex jew mhijiex kapaċi tifhem l-aktar sentenza sempliċi bl-Ingliż. Bosta drabi ssib lilek innifsek tifforma sentenzi bl-Ingliż li huma mkissrin aktar mis-soltu ħalli forsi n-naħa l-oħra tkun tista’ tifhem dak li trid tgħid.

Huwa wkoll spiss li tiltaqa’ ma’ ħaddiema barranin fil-kliniċi u fl-isptarijiet, inkluż Mater Dei, li ma jafux jitkellmu bl-Ingliż sew jew ukoll li lanqas jifhmuh. Dawn jistgħu jkunu saħansitra tobba mqabbdin ma’ konsulenti f’sezzjonijiet speċjalizzati tal-isptarijiet. Taqla’ ruħek biex iġġib lit-tabib biex jifhmek u taqla’ ruħek aktar biex tifhem lilu jew lilha.

Jiena nifhem li għandu jkun hemm xogħol u mpjiegi għall-barranin li jgħixu fostna, imma nifhem ukoll li dawn għandhom jingħataw it-taħriġ meħtieġ, mhux biss fis-servizz li joffru, imma wkoll fil-komunikazzjoni mal-klijenti. Li wieħed ma jistax jikkomunika tajjeb mal-ħaddiema, speċjalment fis-servizz pubbliku, jew, agħar minn hekk, jikkomunika b’mod li ma jinftehimx, ma jidhirlix li għandha tkun.

Min iħaddem

Il-kwalità tas-servizzi lill-pubbliku jiddependu ħafna fuq is-sengħat komunikattivi. Diġà ssib Maltin u Għawdxin li, għax ma jafux Ingliż—u l-Ingliż mhuwiex xi ħaġa li wieħed jew waħda jridu jkunu jafu bilfors—ma jistgħux jikkomunikaw ma’ min ma jitħadditx bil-Malti. Li ssib ukoll min, minkejja li jaf u jifhem bl-Ingliż, xorta waħda ma jistax jikkomunika mal-ħaddiema li jagħtuh servizz hija redikola.

Kulmin iħaddem għandu jara li l-ħaddiema tiegħu, barranin u mhux, jistgħu jikkomunikaw suriet in-nies mal-klijenti, kemm wiċċ imb’wiċċ u kemm bit-telefon. Huwa nuqqas tagħhom dawk li ma jagħtux kas ta’ dan l-aspett tal-impjieg jew tas-servizz. Ċertament mhijiex ħaġa professjonali.

Dan id-dmir hu aktar u aktar tal-gvern. F’postijiet bħall-isptarijiet, inkluż Mater Dei, għandu jara li l-pazjenti ma jiġux imqiegħda f’pożizzjonijiet imbarazzanti sempliċiment għax it-tabib, in-ners, il-kliner jew min ikun qed jagħti s-servizz, ma jafx jikkomunika la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż. Xi kultant spiċċajna nikkomunikaw bis-sinjali!

https://youtu.be/dM1y37co364

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?