Tal-linja fl-ajruport

Jekk hawn post li huwa mħabbat tista’ tgħid binnhar u billejl huwa l-ajruport. Iżda mhux għalhekk jeħtieġ attenzjoni speċjali mis-servizzi pubbliċi u privati. Jeħtieġ attenzjoni speċjali għaliex huwa mill-ajruport li dawk li jżuru ’l pajjiżna jieħdu l-ewwel impressjonijiet tajba jew ħżiena tagħna.

Tajjeb; aħjar?

Is-servizz tal-linja offrut mill- u għall-ajruport huwa wieħed biss minn għadd kbir ta’ servizzi oħrajn li jingħataw f’dan il-post. Jista’ jkun li lanqas ma hu l-aktar importanti, wkoll. Iżda hu servizz li, la darba jingħata, għall-anqas għandu jkun wieħed li jgħin kemm jista’ jkun lin-nies. Żgur m’għandux ikun hemm biex ifixkilhom.

Ibda biex, jeħtieġ li wieħed jgħid li, f’dawn l-aħħar ftit snin, dan is-servizz tal-linja mill- u għall-ajruport tjieb fuq li tjieb. Iżda xi kultant, xi ħadd li jagħmel id-deċiżjonijiet jaqbad u jaqtagħha li jibgħat lura servizz bħal dan li kien sejjer ħarir. Jista’ jkun biex xi ħadd jiffranka. Jista’ jkun biex xi ħadd jagħmel sold aktar.

Is-servizzi tat-taksijiet—li llum sirna għandna varjetà ta’ kompetituri f’dan il-qasam—ma jiħdux wisq gost meta s-servizzi tal-linja jaħdmu tajjeb jew aħjar mit-tajjeb. Dan għax joħdilhom in-nies, m’għandniex xi ngħidu. Forsi jkun hemm xi ħadd ta’ ġewwa li għandu interess li tat-taksijiet ma jmorrux wisq minn taħt. Ovvjament, m’għandhomx imorru minn taħt; iżda lanqas m’għandu servizz pubbliku jiġi mgħarraq biex igawdi servizz privat.

Direzzjonijiet

Tal-linja mill- u għall-ajruport fil-bidu kienu aktar spissi milli huma llum. Ħafna mis-servizzi, fejn qabel kienu kull nofs siegħa, saru kull siegħa. Dan ifisser aktar nies jistennew biex jinqdew u karozzi aktar iffullati u kaotiċi. Xi kultant, donnu triq tan-nofs m’għandniex. Dejjem jew nejja jew maħruqa.

Terġa’ u tgħid, fl-ajruport, flimkien mas-servizzi tal-korozzi tal-linja, qajla tara xi bniedem tal-kumpanija qiegħed man-naħa tal-wasliet bl-ajru biex jagħti direzzjonijiet f’waqthom lil nies diżorjentati. Ħafna minn dawk li jaslu fostna bl-ajru, speċjalment billejl, ma jkunux jafu a minn b; jeħtieġu lil minn jgħinhom ħa jispjegalhom ftit l-affarijiet.

Imma le, ma’ tal-linja, fost il-gżuż ta’ nies li kull ħin għall-ieħor jinġabru biex jaqbdu servizz ta’ kull siegħa, ma ssib, tista’ tgħid qatt, lil ħadd li jista’ jgħinek biex ifissirlek xi trid tagħmel u ma tagħmilx; fejn trid tmur u ma tmurx.

Sorvelja xierqa

Meta tal-linja naqqsu l-orarji tas-servizzi tagħhom—flok żiduhom—it-tabelli fl-ajruport u fuq l-Internet baqgħu bl-orarji l-qodma għal aktar minn xahar, b’konfużjoni kbira għal dawk li xtaqu jew kellhom bżonn jużaw is-servizz.

Jien m’iniex wieħed minn dawk li jidhirli li, b’tal-linja, is-servizz mar għall-agħar b’mod ġenerali, speċjalment f’Għawdex. Iżda wieħed minn dawk li jidhilhom li ċerti linji ta’ dan is-servizz jistgħu jkunu ħafna aħjar milli huma jew jagħmluhom.

Ngħid din: li s-sorvelja fuq is-servizz minn nies tal-kumpanija nnifisha hija meħtieġa u importanti daqs is-servizz innifsu. L-impressjoni tiegħi hi li din is-sorvelja mhijiex spissa, diliġenti u funzjonabbli daqskemm wieħed jixtieq jew jistenna. Ħafna jiddependi fuqha. Fuq kollox, jiddependi li l-pubbliku, inkluż dak barrani li jkun qed iżur pajjiżna għal ftit, jinqeda b’mod sodisfaċenti kemm jista’ jkun.

Ċertament, aktarx flimkien ma’ dak minn u għal Mater Dei, is-servizz minn u għall-ajruport jikkwalifika fost l-aktar ewlenin.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?