Sunday, 23 October 2016

L-Amerika sal-barkun

Ninsabu fl-aħħar jiem jaħarqu tal-kampanja twila Amerikana għall-elezzjoni tal-45 President tal-Istati Uniti tal-Amerika. Ftit aktar minn ħmistax oħra, il-biċċa l-kbira tal-elettorat Amerikan irid jagħżel bejn ir-Repubblikan Donald Trump u d-Demokratika Hillary Clinton min minnhom se jkun fid-Dar il-Bajda mill-20 ta’ Jannar tal-2017 għall-erba’ snin ta’ wara.

Ħdura u mibegħda

Min segwa din il-kampanja matul ix-xhur, kif ukoll kampanji simili fi snin imgħoddija, jista’ jgħid kemm kienet atroċi u qalila. Qatt qabel ma kien hemm tant ħdura bejn il-kandidati, qatt tant baxxezza, qatt tant tgħajjir pastaż, qatt tant akkużi malafamanti. Din kienet l-agħar kampanja elettorali Amerikani ta’ kull żmien.

Il-ħdura ta’ bejn il-kandidati nfirxet sa fl-elettorat ukoll u sa nbidlet f’mibegħda. Iż-żewġ kampijiet m’humiex mifruda biss fuq prinċipji u proposti politiċi, imma aktar u aktar fuq il-personalitajiet involuti, jiġifieri Trump u Clinton. U l-agħar, issa li għad fadal ftit jiem oħra biss, jidher li għadu m’għaddiex. Id-doża qed iżżid.

Minkejja li l-kandidati għandhom viżjoni differenti għal kollox fuq x’inhi tajjeb għall-Istati Uniti fl-erba’ snin li ġejjin, u setgħu jitkellmu dwar dawn meta u kif riedu, madanakollu t-tnejn niżlu fil-baxx u spiċċaw f’kompetizzjoni ta’ tgħajjir, akkużi u baxxezzi mill-aktar degradanti. It-tnejn iridu jkabbru lill-Amerika, iżda t-tnejn spiċċaw ibaxxuha u jagħtuha isem mill-agħar.

M’hemmx x’tagħżel

Min segwa l-kampanja, u min jinteressah mill-politika tal-akbar u l-aqwa pajjiż tad-dinja, għandu mnejn jitħajjar—għalkemm bla vot—iżomm ma’ naħa jew ma’ oħra. Il-verità hi li, din id-darba, m’hemmx wisq x’tagħżel bejn il-kandidati proposti. It-tnejn aktarx huma l-agħar għażla li l-partiti tagħhom setgħu għamlu dan din il-kampanja.

Clinton għandha bagoll dnubiet tal-imgħoddi li bil-kemm tiflaħ tkaxkru warajha. Ilha aktar minn tliet għexieren ta’ snin fil-politika u kienet involuta f’kull xorta ta’ mbarazz li jwerrċek. Inqabdet f’gideb, kbir u żgħir, kemm-il darba u l-politika tagħha hija pjuttost ċentralista milli liberali (kif tgħid li hi). Hija mara tal-istituzzjoni u ma tara xejn ħlief setgħa, setgħa, setgħa.

Trump, min-naħa l-oħra, huwa kummerċjant billjunarju li daħal għall-politika f’dawn l-aħħar ftit xhur. Hu speċi ta’ xi Berlusconi mingħajr is-sengħa politika u l-ġibda personali li dan għandu. Politikament ftit għandu idea ta’ kif ikun tattiku, prudenti jew sensittiv. Il-kliem tiegħu joqrob lejn il-farsesk, u allaħares tagħti kas ta’ kulma jgħid. Kulma jara huwa flus, flus, flus.

Clinton bil-palju

Bejn Clinton u Trump m’hemmx fejn tagħżel. Huma l-agħar prodott li tista’ toffri l-Amerika. Personalment, minkejja t-tendenza tiegħi li nkun simpatizzanti mal-Partit Demokratiku, jekk niġi magħfus lil min għandi nagħżel, aktar nasal biex nagħżel lil Trump, bid-difetti kollha tiegħu, milli lil Clinton. Għall-anqas ħafna drabi sinċier. Clinton qatt m’hija.

Jiena naħseb li, fl-aħħar mill-aħħar, se tkun Clinton li xxejjer il-palju. Mhux għax hi aħjar minnu, imma għax għandha aktar riħ mill-poppa, speċjalment mill-aġenziji ewlenin tal-midja Amerikana. Dawn irewħulha kemm jifilħu waqt li fl-istess ħin jiddemonizzaw u jirredikolaw bla ħniena lil Trump. Il-kelma tagħha tgħodd aktar minn kollox.

Hu x’inhu, din il-kampanja reġgħet wriet, bħalma kienet wriet dik bejn Obama u Clinton u bejn Obama u McCain, li l-Istati Uniti, minkejja s-saħħa, l-għana u l-qawwa tagħha, għandha fi ħdanha xi ħaġa marida serjament. Hija pajjiż kbir—forsi l-akbar li qatt eżisti fl-istorja tal-bniedem—iżda għandu ċertu ċokon u dgħufija li għad jeqridu.

Mhux għalissa, però. Għalissa d-dgħajjes għadhom ma waslux sal-barkun.


https://www.midseabooks.com/home.aspx 
https://www.midseabooks.com/home.aspx

1 comment:

  1. could anybody dare say two concrete measures that were taken by the two candidates, if there were two measures that5 is, NOt WHAT THEY ARE PROMISING BUT FACTS IN THE PAST THAT THESE MEASURES HELPED PEOPLE IN GENERAL AND NOT HELPED ONE CLASS OF PEOPLE AT THE DETRIMENT OF ANOTHER CLASS. IF YOU CANNOT CREATE HARMONY AND WELL BEING AMONG ALL OF THE PEOPLE YOU HAVE POWER TO INFLUENCE YOU ARE NOT A GOOD LEADER

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever