Sunday, 14 July 2013

Il-qalb imħassra ta’ poplu ‘nisrani’

X’sitt t’ijiem dawk ta’ rivelazzjoni! Ġrajja wara l-oħra li flimkien għamlu storja tajba!

  • Fl-4 ta’ Lulju daħlu Malta 291 refuġjat.
  • Dak in-nhar stess, il-Prim Ministru qal li biħsiebu jibgħathom lura l-Libja minfejn ġew.
  • Tmien t’ijiem wara, fit-8 ta’ Lulju, il-Papa żar Lampedusa fejn appella biex ‘nisimgħu d-dmugħ’ tar-refuġjati.
  • L-għada, 9 ta’ Lulju, l-isqfijiet kattoliċi Maltin appellaw lill-gvern li “jkompli jwettaq politika ta’ ospitalità”.
  • Fl-istess jum daħlu Malta 102 refuġjat ieħor.
  • Fl-istess jum, għad ta’ żgħażagħ minn 11-il għaqda mhux-governattiva ipprotestaw quddiem id-Depot tal-Pulizija biex ir-refuġjati ma jintbagħtux lura.
  • Bl-istess skop, f’dak il-jum ukoll 69 avukat (aktarx ta’ xejra nazzjonalista) għamlu protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru u oħrajn.
  • Fl-istess jum, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet “temporanjament” li l-gvern m’għandux jibgħat ir-refuġjati lura.
  • Filgħaxija tal-istess jum, il-Prim Ministru ħabbar li ġibed lura d-deċizjoni li jibgħat ir-refuġjati lura l-Libja.
  • L-għada, 10 ta’ Lulju, daħlu Malta 68 refuġjat ieħor.

Sadattant, in-nies taqtqet fuq li taqtqet. Fuq Facebook, fuq Twitter, fit-triq u għand tal-grocer. Il-biċċa l-kbira minnhom, laburisti u nazzjonalisti, kienu leħen wieħed fi qbil ma’ Joseph Muscat. Iva, il-“glandestini” għandhom jintbagħtu lura. Fost dawn in-nies kien hemm bosta faxxisti nkallati.

Ħaġa tal-għaġeb, li kieku l-Papa m’għamilx dak il-ġest meraviljuż li l-ewwel vjaġġ tiegħu ’l barra mill-Vatikan ikun f’Lampedusa, proprju biex “jibki” fuq id-dgħajjes imkissra tar-refuġjati, din l-istorja ma kinetx tieħu xejra daqshekk ironika. Milli smajt u rajt jien stess, il-biċċa l-kbira tan-nies li kkummentaw fuq iż-żjara tal-Papa kellhom kliem ta’ tifħir għalih ... imma ... imma ... Dejjem hemm dik l-‘imma’, hux?. Imma din u imma l-oħra.

Tabilħaqq, ħafna ‘nsara’ Maltin (bħal xi wħud f’Lampedusa stess u anki f’inħawi oħrajn) donnhom għandhom il-kapaċità straordinarja li jaqdu f’ħin wieħed lil Alla u x-xitan! Il-verità hi li, bħalma hu mistenni mitt darba u elf, l-eżortazzjonijiet u l-ġesti ma jimpressjonawhomx. Jien smajt saħansitra saċerdoti (u saċerdoti nazzjonalisti, jekk ma tridx) jaqblu mija fil-mija ma’ Joseph Muscat li r-refuġjati kellhom jintbagħtu lura! Xi ‘nsara’ lanqas il-kelma tal-isqfijiet tagħhom ma jistmaw.

Li tgħaġġbek f’dan kollu hu x’livell ta’ baxxezza kapaċi jaqa’ poplu—nisrani u mhux—li minn zokortu hu mħarreġ fil-karità nisranija! Ibellħek kif nies li għadhom midħla tal-Knisja kapaċi jkollhom sentimenti razzisti u inumani bħal dawn! Jien nitnixxef nisma’ u nara l-kliem moqżież li ‘nsara’ prattikanti u mhux li jikxfu ebusija hekk ħarxa tal-qalb u nuqqas assolut ta’ ġenerosità!

Ħaġa waħda hi ċara: li fejn jidħlu razziżmu u inumanità, mhemmx laburisti u nazzjonalisti jew insara u ateji. Il-ħruxija, bħall-imħabba, m’għandhiex limiti u fruntieri.

Min-naħa l-oħra, hu ta’ niket bla qies tara li, biex “inkunu iebsa mal-politiċi”, kif qal il-Prim Ministru meta ħa d-deċiżjoni li jreġġa’ lura r-refuġjati, kienu se jħallsu l-prezz waħxi b’ħajjithom ir-refuġjati nfushom. L-istess kienu għamlu l-imsejkna 223 Eretrej mibgħuta lura għat-tortura u l-mewt minn Tonio Borg f’Ottubru tal-2002.

Dan kien żball kbir ta’ Joseph Muscat. Hu li wiegħed gvern uman u ħanin għall-Maltin kollha, għala kien daqshekk qalil ma’ nies imsieken li qed jaħarbu mill-għaks u l-qerda?

Is-sitt ijiem ta’ Lulju 2013 urewna dak li aktarx diġà konna nafu: li hemm xi ħaġa ħażina ħafna fil-qalb ta’ dan il-poplu ‘nisrani’, mhedi bil-festi u l-purċissjonijiet. Hi qalb imħassra. Forsi joqgħod għalih kliem Kristu nnifsu: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’ Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin” (Mk 7: 6–9).

15 comments:

  1. Naqbel hafna ma dak li qed tghid haw Mark u ngharaf il-kruha li qed tara int...pero immur pass oltre...int accennajt ftit imma bqajt qisek tinsisti fuq valuri nsara...li wiehed ma jurix hniena ma uman iehor fi bzonn u fil-periklu li jitlef hajtu mhix biss nuqqas ta minn jahseb li hu nisrani imma huwa nuqqas uman...ghaldaqstant il-kruha li qed tara int mhix biss tal-wahx bhala insara imma addirittura bhala umani...u din aktar tal-biza ghax qed immorru kontra l-ispirtu istinttiv u mhux biss ta twemmin...u jien nahseb li ahna 'nsara' imfissdnin...'insara' tal-wirt milli tal-ghazla...u nahseb li l-knisja bhala istituzzjoni tghamel wisq bhalma jghamlu -politici...ifittxu n-numri imqarr waqt l-elezzjoni...il-knisja twennes lil niesha f'din it-'trance' li jinsab fiha li l-fidi taghna hija espressa bit-tahbit fuq is-sider u mhux bil-konverzjoni kontinwa li hemm bzonn nghixu...ahna nhedew bil-maratoni ta gbir...dan huwa biss hsieb tieghi...mhux studjat imma osservat - Josef Bonello

    ReplyDelete
  2. Nirringrazzjak ta' dan il-kumment. Jien naqbel miegħek, Josef, li d-dmir uman jiġi l-ewwel u qabel kollox. Id-dmir nisrani, meta jkun awtentiku, 'jipperfezzjona' d-dmir uman. Imma f'ħafna każi dan mhuwiex qiegħed jiġri. Allura xi ħaġa ħażina hemm. Mil-lat tal-Knisja f'Malta, mhijiex kwestjoni ta' refuġjati biss, imma ta' ħafna ħwejjeġ oħra wkoll. Dan għaliex, fil-fehma tiegħi, il-Knisja f'Malta għandha kankru STRUTTURALI serju li, mhux biss mhijiex tindirizzah, iżda saħansitra qiegħda tiggravah il-ħin kollu.

    ReplyDelete
  3. Father, I don't think anyone will disagree with a word you have said.

    Here are some further thoughts on the tragedy of forced migration:

    - South north mass migration was know it today "began" after Iraq invaded Kuwait in 1990. It is fast becoming "normalised".

    - Forced migration exacerbates the problem at source (it is a human resources drain) and destabilises the region by fueling latent tensions. Normalisation can only occur when migrants are able to return home. UNHCR boss António Guterres is proposing just such a solution for refugees based at the Dadaab Camp, who he hopes will be returned home in phases managed by a special commission.

    - As an EU state we have an obligation to ensure we do not encourage people trafficking, now the subject of an EU Directive (DIRECTIVE 2011/36/EU). This is particularly relevant in the case of Libya where lawlessness could further destabilise a dire situation.

    - Finally, we need to look at ethics of uprooting as they relate to the refugees themselves. Is is more ethical to pour resources into returning Africa to a state of peace, prosperity ("normality")?

    Not an easy one Father, but I commend your holy efforts.

    ReplyDelete
  4. Kemm-il darba ma qbiltx miegħek, imma llum kull ma nista' ngħidlek huwa "prosit" u "grazzi".

    ReplyDelete
  5. Illum il-vangelu kien fuq is-Samaritan it-tajjeb, jekk hux b'kumbinazzjoni jew imtella malajr ma nafx.

    Biss wiehed jinnota fil-parabola li is-Samaritan li wera hniena ma l-imgarrab ma hadux id-dar imma poggieh gewwa lukanda.

    Kif spicca l-imgarrab wara li fieq ma nafux ghaliex il-parabola ma tkomplietx.

    Kelna l-knisja, NGO's politici u Insara tal-qalb kollha orkestra wahda kontra l-azzjoni li ha l-gvern imma hadd minnhom ma refa sebghu biex jiehu xi nofs tuzzana refugjati gewwa daru, la Papa la knisja la politici la NGOs lanqas Insara tal-qalb. Kemm verament intom li tippriedkaw qed tatu ezempju dwar il-karita u l-hniena f'sitwazzjoni ta' problema akkuta ghal Malta.

    Dawn ir-refugjati jidher li mhux jahharbu l-persekuzzjoni ima huma refugjati ekonomici. Flokk qadu pajjizhom jippruvaw jirrangaw s-sitwazzjoni qasmu dezert u 260 mil bahar biex iffitxu il-lest.

    Li wiehed jghati ghajnuna hija obbigazzjoni umana imma wiehed irrid jghazel bejn dawk vera fil-bzonn minhabba persekuzzjoni u dawk li qed iffietxu ekonomija ahjar milli hallew.
    Fiul-kaz ta' l-ahhar, iva la ma hemmx periklu ghal hajjiethom ghamndhom jigu ripatrijati bizzejjed ghandna l-problemi tal-qghad ahna inkomplu inziedu mieghu jonqos.
    Iva bas-Samaritan it-tajjeb ghandna nghinu lil min igarrab imma meta jigi fuq saqajh immur lura daru u jghamel dak li jista biex jirranga l-affarijiet u mhux jahrab minnhom.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Il Vangelu tal-Hadd qatt ma jkun maghzul apposta, imma huwa rutina skond is-sena' u z-zmien tas-sena'. Jigifieri jinqara' l-istess fid-dinja kollha. Kumbinazzjoni? Nahseb li-l-Mulej l-Imbierek jaf x'irid u meta' jrid jghidilna.

      Delete
  6. Fr Mark Prosit Tassew! Dan kliem profetiku fis-sens bibliku tal-Kelma! Il-Mulej ibierkek

    ReplyDelete
  7. Bħala Ateu jien ma nħossnix komdu nikkumenta fuq kemm persuna jew oħra hija verament nisranija jew le (għalkemm ġejt imrobbi bħala nisrani). Pero' kienu 6-ijiem qalila ħafna anke għall-Umanisti (u NGO's oħra) ġew attakkati minn kull naħa għax mhux lesti li nikkompromettu d-dinjita' tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem. U li nista' ngħid bħala għalliem hija li din il-"qalb imħassra" li semmejt inti, tiġi wkoll minn edukazzjoni mħassra, fejn ħarġet f'injoranza tal-valur tad-drittijiet tal-bniedem u għalfejn dawn għandhom jiġu mħarsa u rrispettati kategorikament.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Roger, in-nisrani u l-ateu it-tnejn jistghu jghixu hajja tajba b'imhabba lejn il-proxxmu (il-vangelu tal-lum). Pero' ghal min hu nisrani suppost li ghandu opportunita' ahjar li jwettaq dan ghax hu gwidat mit-twemmin tieghu biex jghamel dan, sahansitra thobb lil min jghamillek id-deni. Jigifieri l-argument tal-Fr. hu li filwaqt li inti rreferejt korrettament ghall injoranza tal-valur tad-drittijiet tal-bniedem, dawn wiehed jista' jiddiskutihom, pero' twemmin religjuz, ghal min jghid li jemmen, ma tantx hemm x'tiddiskuti dwar il-kmandament numru wiehed ta' Gesu Kristu (Hobb lill-ghajrek b'qalbek kollha, b'mohhok kollu....) Jew temmen jew ma temminx.

      Delete
  8. Nahseb li dan hu suggett kumpless.

    1.Huwa impossibli li min 'jemmen' li l-immigranti huma tehddida jew xi forom ohra ta 'phobia' jerga lura minn din il-konvizzjoni.

    2. Huma fatt li il-wasla ta dawn l-immigranti tikreja problema lil-pajizz.

    3. Huwa fatt li pajizzi ohra f'l-ewropa haslu idejhom mir-responsabilitajiet u obligi.

    4. Il-puzizzjoni tal-knisja jew papa hija totalment irrelevanti, hlief f'kuntest ta' twemmin individwali u kuxxjenza nisranija personali.

    5. Din il-forma ta' immigrazzjoni hija illegali, u titkostwixxi att premeditat ta' ksur ta ligi internazzjonali.

    6. Malta qatt mhi responsabli tad desperazzjoni ta popli ohra.

    7. Il pseudo karita li ssir Malta tinkontrubixxi ghal irrazzjonalitajiet billi tismplifika b'mod redutiv il-problemi. Il-xoghol missjunarju li hija karita esportata, b'l-ezempju patetiku u medjokri tal-President u l-ghazlu tieghu ta destinazzjoni, hija forma ta 'stay there' u ghalhekk anke forma ta 'push back'.Hafan malati di protagonismo ghamlu dawn il-vjaggi redikoli jew ippartecipaw fi-cirku grotesk televisiv ta dan it tip ta hit parade ta populismu.

    8. Huwa fatt li hafna nies rikbu l-karru favur l-immigranti minghajr deliberazzjoni razjonali jew oggettiva, fosthom min ghamel hekk ghall konvenjenza politika, b'certu ipokresija, u anke min jisegwi b'mod papagalesk, u li fil-fatt nieqes minn kull valur ta soledarjeta morali jew etika. Ma nistghax nimmagina li dawk l-avukati joffru is-servizzi taghhom gratis lill fqar. U fejn kienu dawn l-avukati meta TONIO BORG b'mod sistematiku kien qed jhalli vjolazzjonijiet ta drittijjiet umani fostohom tortura jsehhu??

    9. Iz-zewg perspetivi dominanti - dawk kontra l-immigranti u favur ir-retorn taghhom minn fejn gew, u dawk favur li mghandhomx jinbghatu lura, huma immniggsa minn passjonijiet emozjonali li mghandhomx lok fil-process ta raggunar.

    10. Il fatt innifsu ta. proposta li l-immigranti ghandhom jintbghatu lura fiha inniffisha b'l-ebda mod hija razzista jew inumana, daqs kemm mhux inumana it-tnehhija ta bini illegali.

    F'l-isfond ta dan kollu l-politiku ghandu id-dmir li jeihu decizzjonijiet, iebsa kemm huma iebsa.


    Meinrad Calleja

    ReplyDelete
  9. Kont se nikkumenta imma rega bdieli ghax wara kollox kulhadd jitkellem kif jaqbillu u kulhadd ghandu il problemi tieghu il'klandestini mod u il'Maltin mod iehor u allura min jiggudika jaghmel hekk ghal skopijiet tieghu biss nafu li kien hemm hafna politika tizfen fin- nofs

    ReplyDelete
  10. B' dawn il-liġijiet kollha ta Drittijiet qatt ma għadda minn moħħ xi ħadd li qegħed inkomplu npaxxu lil min jorganizza dawn it-traġitti? Dawn in-nies vera qegħed jaħarbu minn gwerra li bil-mod kif sejra ma hu se tispiċċa qatt fis-Somalja. Dawn in-nies ma jmorrux mill-ewwel il-Libja għax dik il-bogħod u ara xi ħadd jaħseb li jaqsmu d-deżert Sahara bil-mixi kif jgħidu xi NGO's. Ġeneralment l-ewwel pajjiż li jmorru hu l-Kenja, biex jaqilgħu l-flus għax tas-Somalia ma jiswew xejn, fejn hu safe u dan nippruvawh peress li hemm ħafna Maltin lajċi u saċerdoti jaħdmu bla heda hemm. Wara li jaqilgħu flus biżżejjed jaħarbu bil-familja lejn l-Ewropa wara li jkunu mimlijin wegħdi dwar il-ħajja aħjar li sa jsibu. It-traġitti għal Libja isiru fuq trakkijiet glandestinament fejn jekk jitolbok il-flus apparti dawk mifthema u ma tħallasx jitfgħek ġo nofs deżert waħdek. Wara li jaslu l-Libja u jkollhom jerġgħu jaħdmu jibgħatuhom l-Ewropa fuq dgħajjes nofshom mgħarrqa. Jekk aħna ma neħdux stand biex dawn l-affarijiet jirranġaw inkunu qegħdin ngħinu biex isiru dawn il-moħqrijiet. L-UE bi skuża ta' drittijiet umani hija kompliċi f' dan it-traffikar uman għax qatt ma refgħet subagħha għal din il-problema. Jekk xi ħadd ma jafx kif inhi l-Afrika nissuġġerilu jara mappa u jara l-bogħod li ġejjin minnu dawn il-persuni. Malta ma hix l-ewwel art biex jeħilsu mill-gwerra. Qabilna hemm xi tużżana pajjiżi. Dejjem biss naqbel li għandna nsalvaw kull dgħajsa li tkun ġejja u f' periklu.

    Issa se nitkellem dwar xogħol l-UE u l-finanzjarment tagħha. L-għajnuna tal-UE tikkonsisti fi flus biex jittieħdu l-marki tas-swaba ta kull immigrant illegali. Dawn wara hekk ma jkunu qatt jistgħu iżjed jaħarbu illegalment minn hawn u jekk jgħamlu hekk u jinstabu jerġgħu jintbgħatu lura. Din kien aċċetta l-gvern preċedenti biex żied iżjed il-problema ta' dawn in-nies. Nemmen ukoll li dan hu kollu skop egojistiku biex tiġi distabilizzata l-UE fil-futur u anke biex ikun hemm brain drain ġol-Afrika li qegħed ikompli jkisser dan il-kontinent.

    Grazzi tal-Ispazju

    M. Buhagiar

    ReplyDelete
  11. Blog onest u bla tidwir mal-lewza. Mhux talli hareg il-'faxxizmu nkallat ta' numru mhux hazin ta' nies, izda wkoll l-intolleranza ta' numru ferm ikbar ta' nies lejn huthom Maltin li ghandhom opinjoni diversa u ta hniena lejn il-klandestini. Tispicca tigi mghajjar traditur u kliem kattiv li ma jixraqx jigi miktub hawn. Pero' ma jimpurtax, in-nisrani mhux qieghed hemm biex jintghogob jew ikun popolari izda biex iwassal l-ahbar it-tajba u l-verita' bhalma qieghed taghmel int. Proset u kuragg. Paci.

    ReplyDelete
  12. DERLI LI GHAGILT HAFNA KIEF IGUDIKAJT LI JOSEPH MUSCAT GHAX DIN ILA GEJJA FUQ GZIRRITNA U HADD QISU MA GARA XEJN RIEDET TKUN LI STAND LI HA JOSEPH BIEX BEDA JICCAQLAQ KULLHAD U HAD MA QEJIED JEJD IL VERITA GHAX GHAMILA CARA LI JIBATHOM BIL KUNDIZJONIEJET MIN QABEL MAT TMEXIJA TAL POST LI IKUNU SEJJRIN JINTBATU LURA JEKK IL QALB QEDDA MAL IMEGRANTI IRREGULARI GHEKK WKOLL GHANDA TKUN MAL POPLU MALTI.INSELLI GHALIK HAFNA.

    ReplyDelete
  13. Thank you Fr Montebello. This is what I call standing up to be counted.

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever